Skip to content
  • Kunsill Kompetittività

Kunsill Kompetittività (Suq intern u industrija), 29 ta' Settembru 2022

Riżultati ewlenin

Strument għas-suq uniku f'emerġenza (SMEI)

Il-ministri qasmu l-fehmiet tagħhom dwar l-Istrument għas-Suq Uniku f'Emerġenza (SMEI) ippreżentat dan l-aħħar, li l-Kummissjoni Ewropea ressqet fid-19 ta' Settembru 2022. L-SMEI propost joħloq għodda għall-koordinazzjoni u l-iżgurar tal-fluss liberu ta' merkanzija, servizzi u persuni fi żminijiet ta' kriżi.

Jozef Síkela, ministru għall-industrija u l-kummerċ taċ-Ċekja
Is-suq uniku huwa assi ewlieni tal-Unjoni Ewropea u prijorità importanti għall-presidenza tagħna. Kriżijiet reċenti wrew il-ħtieġa li jiġi żgurat suq uniku miftuħ u aċċessibbli fi kwalunkwe ħin u l-importanza tal-moviment liberu tal-merkanzija u tal-persuni. L-UE ser taħdem flimkien biex tevita kwalunkwe tfixkil fis-suq uniku. Ir-reazzjonijiet tal-ministri ser jgħinuna mmexxu 'l quddiem aktar diskussjonijiet matul il-Presidenza Ċeka.
Jozef Síkela, ministru għall-industrija u l-kummerċ taċ-Ċekja
Jozef Síkela, ministru għall-industrija u l-kummerċ taċ-Ċekja

B'mod ġenerali, il-ministri laqgħu b'sodisfazzjon l-SMEI mistenni bil-ħerqa u kollha qablu li l-moviment liberu tal-merkanzija, is-servizzi u l-persuni għandu jiġi garantit f'kull ħin - speċjalment fi żminijiet ta' kriżi.

Matul l-interventi tagħhom, il-ministri enfasizzaw li l-SMEI għandu jkun proporzjonat u appellaw għal struttura ta' governanza adegwata – li ssib il-bilanċ it-tajjeb bejn ir-rwol tal-istati membri u r-rwol tal-Kummissjoni Ewropea. Il-ministri qablu b'mod ġenerali li l-SMEI għandu jkun konsistenti mal-istrumenti ta' kriżi eżistenti u mal-istrumenti li qed jiġu diskussi bħalissa. Diversi ministri appellaw għal definizzjonijiet ċari ta' termini bħal "kriżi" u għal kriterji ċari għall-attivazzjoni tal-SMEI. Xi ministri enfasizzaw il-ħtieġa għal trasparenza fl-għodda li għadha kif ġiet proposta u għal piż amministrattiv limitat għall-kumpaniji.

Regolament dwar l-ekodisinn għal prodotti sostenibbli

Il-ministri ddiskutew ukoll il-proposta għal regolament dwar l-ekodisinn għal prodotti sostenibbli (ESPR), li ġiet ippreżentata mill-Kummissjoni Ewropea fir-rebbiegħa li għaddiet.

Il-proposta għandha l-għan li tiżgura li l-prodotti fiżiċi fis-suq tal-UE (ħlief għall-ikel, l-għalf u l-mediċini) jiġu prodotti b'mod aktar ekoloġiku, ċirkolari u effiċjenti fl-użu tal-enerġija. L-ESPR jintroduċi "passaport diġitali tal-prodotti" u l-possibbiltà ta' tikkettar għall-prodotti, pereżempju fir-rigward tal-possibbiltà ta' tiswija tagħhom. Dan ser itejjeb l-għarfien tal-konsumaturi dwar l-impatt ambjentali tax-xiri tagħhom u l-ktajjen tal-valur speċifiċi għall-prodott.

Ir-regolament għandu wkoll l-għan li jiżgura funzjonament aħjar tas-suq uniku billi jistabbilixxi sett komuni ta' regoli biex tiġi evitata l-frammentazzjoni regolatorja. Dwar din in-nota, il-ministri pprovdew gwida għal aktar negozjati dwar il-proposta. Il-ministri enfasizzaw li l-ESPR jista' jistabbilixxi n-norma għal prodotti sostenibbli fl-Unjoni Ewropea u enfasizzaw kif jista' jgħin lill-konsumaturi u lin-negozji fit-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali. Il-biċċa l-kbira tal-istati membri laqgħu b'sodisfazzjon il-"passaport diġitali tal-prodotti" propost, u r-rekwiżiti tal-ekodisinn warajh. Il-ministri qablu b'mod ġenerali li dan il-"passaport diġitali tal-prodotti" jista' jgħin biex jiġi żgurat il-moviment liberu ta' prodotti sostenibbli li huma adatti għal ekonomija ċirkolari fi ħdan is-suq uniku.

Xi stati membri kkondividew tħassib dwar l-użu estensiv ta' atti delegati fil-proposta u l-isfidi li l-awtoritajiet nazzjonali tas-sorveljanza tas-suq jistgħu jiffaċċjaw fl-infurzar tar-rekwiżiti l-ġodda. Diversi stati membri esprimew il-ħtieġa li jiġi evitatpiżamministrattiv addizzjonali għall-kumpaniji tal-UE, speċjalment l-SMEs.

Suġġetti oħra fuq l-aġenda

Waqt ikla informali ta' nofsinhar, il-ministri ddiskutew ir-reżiljenza tas-suq uniku fil-kuntest tal-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna. Il-ministri qasmu wkoll il-fehmiet tagħhom dwar it-tagħlimiet meħuda minn kriżijiet reċenti u dwar il-miżuri li jqisu xierqa biex tiġi ffaċilitata r-riintegrazzjoni tal-ekonomija Ukrena fil-ktajjen tal-valur tal-UE. Il-ministri ddiskutew ukoll l-impatt tal-kriżi tal-enerġija fuq is-suq intern.

Taħt affarijiet oħra, il-ministri ġew infurmati mid-delegazzjoni Ġermaniża dwar inizjattiva biex tiġi stabbilita "Pjattaforma Ewropea għat-Teknoloġiji Trasformattivi". Din il-pjattaforma tgħin biex tissaħħaħ is-sovranità teknika tal-UE għat-trasformazzjoni. Hija tappoġġa l-iżvilupp ta' ktajjen tal-valur industrijali f'teknoloġiji trasformattivi ewlenin bħall-enerġija mir-riħ, l-enerġija solari, il-pompi tas-sħana u l-grilji tal-enerġija.

Id-delegazzjoni Franċiża u dik Ġermaniża infurmaw lill-ministri dwar dokument informali konġunt dwar l-iżgurar tal-provvista ta' materja prima kritika. Id-dokument huwa maħsub bħala kontribut għat-tħejjija mill-Kummissjoni ta' inizjattiva regolatorja dwar il-materja prima kritika. Diversi stati membri laqgħu b'sodisfazzjon id-dokument informali u esprimew ix-xewqa li jitqiesu l-kunċetti tal-ekonomija ċirkolari u tar-riċiklaġġ fl-inizjattiva.

Il-Kunsill adotta wkoll mingħajr diskussjoni l-punti inklużi fil-listi ta' punti A mhux leġiżlattivi.

Dokumenti tal-laqgħat

Dokumenti ta' eżitu

Tagħrif għall-istampa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa

Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.

L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.

Kompli segwina

Laqgħat oħra: Kunsill Kompetittività

Ara laqgħat oħrajn

L-aħħar reviżjoni: 14 ta' Jannar 2025