"Il-cookies jintużaw biex intejbu l-esperjenza ta' navigazzjoni tiegħek. Il-cookies meħtieġa huma neċessarji biex jappoġġaw karatteristiċi essenzjali tas-sit web tal-Kunsill. Il-cookies fakultattivi jgħinuna nipproduċu rapporti statistiċi anonimi u aggregati biex naqdu aħjar il-ħtiġijiet tiegħek.
Vidjokonferenza tal-ministri għall-ekonomija u l-finanzi, 4 ta' Novembru 2020
Ir-riżultati ewlenin
Ġlieda kontra l-ħasil ta' flus u l-finanzjament tat-terroriżmu
Il-ministri ddiskutew il-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-ġlieda kontra l-ħasil ta' flus u l-finanzjament tat-terroriżmu, li għandhom l-għan li jipprovdu gwida lill-Kummissjoni qabel il-proposti leġiżlattivi tagħha fl-2021 dwar ġabra unika tar-regoli, superviżjoni fil-livell tal-UE u mekkaniżmu ta' koordinazzjoni u appoġġ għall-unitajiet tal-intelligence finanzjarja tal-istati membri.
Matul id-diskussjoni, il-ministri esprimew appoġġ ġenerali għall-abbozz ta' konklużjonijiet tal-Kunsill kif imħejji mill-Coreper u fil-livell tal-esperti.
Fl-abbozz ta' konklużjonijiet, il-Kunsill jiddeskrivi diversi oqsma fejn il-Kummissjoni għandha tikkunsidra li tarmonizza r-regoli tal-UE permezz ta' regolament li japplika direttament. Il-Kunsill jappoġġa wkoll l-istabbiliment ta' superviżur fil-livell tal-UE b'setgħat diretti ta' superviżjoni fuq għadd magħżul ta' entitajiet obbligati b'riskju għoli, kif ukoll l-awtorità li jieħu f'idejh is-superviżjoni minn superviżur nazzjonali f'sitwazzjonijiet eċċezzjonali u definiti b'mod ċar.
Il-Kunsill huwa mistenni japprova l-konklużjonijiet bi proċedura bil-miktub wara l-vidjokonferenza.
Għall-presidenza Ġermaniża, il-ġlieda kontra l-ħasil ta' flus u l-finanzjament tat-terroriżmu hija prijorità ewlenija. Każijiet allegati reċenti ta' ħasil ta' flus, inkluż fl-UE, jenfasizzaw il-ħtieġa ta' azzjoni urġenti. Regoli aktar armonizzati u superviżjoni fil-livell tal-UE ser jippermettulna nkunu aktar effettivi u nsaħħu l-qafas tal-UE kontra l-ħasil ta' flus. Huwa sinjal importanti li lkoll ninsabu magħquda favur miżuri iebsin kontra l-ħasil ta' flus.
Olaf Scholz, Ministru Federali għall-Finanzi u l-Viċi Kanċillier tal-Ġermanja
Following the video conference, the Council approved the conclusions by written procedure on 5 November 2020.
Hemm bżonn ta' aktar sforzi għall-prevenzjoni tal-ħasil ta' flus
Self improduttiv
Il-Kummissjoni aġġornat lill-ministri dwar l-implimentazzjoni tal-pjan ta' azzjoni tal-2017 dwar is-self improduttiv fis-settur bankarju u ppreżentat elementi tal-pjan ta' azzjoni tagħha li ser tressaq dalwaqt, li huwa mistenni jispeċifika strateġija komprensiva b'taħlita ta' azzjonijiet ta' politika komplementari biex jiġi indirizzat is-self improduttiv fl-UE.
Is-self improduttiv huwa self minn bank li jkun skada b'aktar minn 90 jum jew li x'aktarx ma jitħallasx lura kollu mingħajr il-ħtieġa tar-realizzazzjoni tal-kollateral. F'xi stati membri dan għadu ta' livell għoli minkejja progress sostanzjali fit-tnaqqis tiegħu f'dawn l-aħħar ftit snin. Il-kriżi tal-COVID-19 mistennija li twassal biex il-proporzjon tiegħu jiżdied.
Il-ministri qablu dwar l-importanza li titħaffef l-implimentazzjoni tal-miżuri pendenti mill-pjan ta' azzjoni tal-2017. Huma ser jiddiskutu l-pjan ta' azzjoni l-ġdid ladarba jkun ġie ppreżentat mill-Kummissjoni.
Ir-rapport jipprovdi analiżi tas-sorveljanza u l-koordinazzjoni tal-politika fiskali fl-UE u għandu l-għan li jinforma lill-partijiet ikkonċernati rilevanti, prinċipalment lill-Kummissjoni, fl-isforzi tagħhom biex isaħħu u jtejbu l-qafas fiskali tal-UE. B'mod partikolari, joffri valutazzjoni tal-implimentazzjoni tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir fl-2019 u analiżi orjentata lejn il-futur li tittratta t-titjib possibbli fil-qafas fiskali tal-UE.
Il-presidenza ppreżentat tliet settijiet ta' konklużjonijiet tal-Kunsill imħejjija fil-livell tal-esperti, dwar ir-rapport speċjali tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri dwar is-Semestru Ewropew, l-Istrateġija Annwali għat-Tkabbir Sostenibbli 2021, u l-istatistika tal-UE. Il-konklużjonijiet mistennija jiġu approvati mill-Kunsill wara l-vidjokonferenza, jew f'laqgħa fiżika tal-Kunsill inkella permezz ta' proċedura bil-miktub.
Il-presidenza infurmat ukoll lill-ministri, flimkien mal-Kummissjoni, dwar id-diskussjonijiet fil-laqgħa tal-ministri għall-finanzi u l-gvernaturi tal-banek ċentrali tal-G20 u l-laqgħat annwali tal-IMF/il-Bank Dinji f'Ottubru.
Taħt "Affarijiet oħra", il-presidenza aġġornat lill-ministri dwar il-progress miksub fir-rigward tal-proposti leġiżlattivi dwar is-servizzi finanzjarji, b'mod partikolari dwar il-mandati ta' negozjar għall-Pakkett ta' Rkupru tas-Swieq Kapitali u r-Regolament dwar il-Parametri Referenzjarji li ntlaħaq qbil dwaru reċentement mill-Kunsill u l-ħidma fuq il-proposti leġiżlattivi dwar ir-reżiljenza ċibernetika u l-assi kriptografiċi. Saħqet ukoll fuq l-importanza li jintlaħaq qbil malajr dwar il-proposta biex tiġi emendata d-direttiva dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni (DAC 7).
Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.
L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.