"Il-cookies jintużaw biex intejbu l-esperjenza ta' navigazzjoni tiegħek. Il-cookies meħtieġa huma neċessarji biex jappoġġaw karatteristiċi essenzjali tas-sit web tal-Kunsill. Il-cookies fakultattivi jgħinuna nipproduċu rapporti statistiċi anonimi u aggregati biex naqdu aħjar il-ħtiġijiet tiegħek.
Bil-permess tiegħek, ser nużaw cookies biex nipproduċu data aggregata anonima dwar in-navigazzjoni u l-imġiba tal-viżitaturi fuq is-sit web tagħna. Ser nużaw din id-data biex intejbu l-esperjenza tiegħek tan-navigazzjoni fuq is-sit web tagħna.
Vidjokonferenza tal-ministri għall-ekonomija u l-finanzi, 6 ta' Ottubru 2020
Riżultati ewlenin
Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza
Il-ministri laħqu qbil politiku dwar il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (RRF), l-istrument ewlieni tal-pakkett għall-irkupru ta' €750 biljun innegozjat mill-mexxejja tal-UE fil-laqgħa tagħhom ta' bejn is-17 u l-21 ta' Lulju.
L-għan tal-faċilità huwa li tipprovdi appoġġ finanzjarju fuq skala kbira għal riformi u investimenti mwettqa mill-istati membri, biex jittaffa l-impatt ekonomiku u soċjali tal-pandemija tal-COVID-19 u biex l-ekonomiji tal-UE jsiru aktar sostenibbli, reżiljenti u mħejjija aħjar għall-isfidi li jirriżultaw mit-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali. Dan joffri taħlita ta' għotjiet (€312.5 biljun) u self (€360 biljun) lill-istati membri.
Il-proposta għal regolament li jistabbilixxi dan l-istrument ġiet diskussa b'mod intensiv fil-Kunsill matul dawn l-aħħar ftit xhur. Il-ministri kellhom skambju ta' fehmiet dwar il-kwistjonijiet pendenti, inkluż il-governanza, is-sistemi ta' kontroll u l-isfidi li għandhom jiġu indirizzati fil-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza li għandhom jiġu ppreżentati mill-istati membri bil-ħsieb li jirċievu appoġġ mill-RRF.
Il-qbil politiku li ntlaħaq illum ser jiġi formalizzat mill-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti bħala mandat għal negozjati mal-Parlament Ewropew. Il-pożizzjoni tal-Kunsill ser tiggwida lill-presidenza fin-negozjati mal-Parlament, li l-presidenza għandha l-għan li tikkonkludi mill-aktar fis possibbli.
Bħala l-presidenza ninsabu kuntenti ħafna li llum ilħaqna qbil dwar il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza bejn l-istati membri. Ninsabu fit-triq it-tajba. Il-faċilità tinsab fil-qalba tal-isforzi tagħna biex nindirizzaw il-konsegwenzi tal-kriżi tal-COVID-19. Din ser tgħin lill-istati membri jirkupraw mill-kriżi filwaqt li jinvestu fit-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali u jħejju l-ekonomiji tagħhom għall-futur. Nittamaw li ser inkunu nistgħu nikkonkludu l-proċess leġiżlattiv mal-Parlament mill-aktar fis possibbli. Ma hemmx żmien x'jintilef.
Olaf Scholz, Ministru Federali għall-Finanzi u l-Viċi Kanċillier tal-Ġermanja
Il-ministri kellhom skambju ta' fehmiet rigward il-pakkett dwar il-finanzi diġitali ppreżentat mill-Kummissjoni, li jinkludi:
strateġiji għall-finanzi diġitali u għall-pagamenti bl-imnut
proposti leġiżlattivi dwar il-kriptoassi u r-reżiljenza operazzjonali diġitali tas-settur finanzjarju
Il-pakkett għandu l-għan li jagħti spinta lill-kompetittività u l-innovazzjoni tal-Ewropa fis-settur finanzjarju, filwaqt li jagħti lill-konsumaturi aktar għażla fis-servizzi finanzjarji u soluzzjonijiet moderni ta' pagament, filwaqt li jiżgura l-protezzjoni tal-konsumatur u l-istabbiltà finanzjarja.
Fid-diskussjoni tagħhom, il-ministri ffukaw fuq il-qasam tal-pagamenti bl-imnut, fejn sar titjib sostanzjali f'dawn l-aħħar snin, iżda s-suq tal-UE għadu frammentat u jiddependi ħafna fuq atturi globali kbar. Huma wrew l-appoġġ wiesa' tagħhom għall-pakkett, inkluż l-istrateġija dwar il-pagamenti bl-imnut ippreżentata mill-Kummissjoni, u enfasizzaw l-importanza li jsir sforz għal Ewropa b'saħħitha u sovrana fil-finanzi diġitali.
Il-presidenza enfasizzat l-intenzjoni tagħha li taħdem b'mod intensiv fuq il-proposti leġiżlattivi dwar il-kriptoassi u r-reżiljenza operazzjonali biex jinkiseb kemm jista' jkun progress f'dawn il-fajls.
Il-Kummissjoni ppreżentat ukoll il-komunikazzjoni tagħha dwar pjan ta' azzjoni ġdid dwar l-Unjoni tas-Swieq Kapitali (CMU). Din ġiet segwita minn skambju ta' fehmiet bejn il-ministri.
Il-pjan ta' azzjoni tal-Kummissjoni għandu tliet objettivi ewlenin:
l-iżgurar li l-irkupru ekonomiku tal-UE jkun ekoloġiku, diġitali, inklużiv u reżiljenti billi l-finanzjament isir aktar aċċessibbli għall-kumpaniji tal-UE, b'mod partikolari l-SMEs
l-UE ssir post saħansitra aktar sikur għall-individwi biex ifaddlu u jinvestu fit-tul
l-integrazzjoni tas-swieq kapitali nazzjonali f'suq uniku ġenwin għall-kapital fl-UE kollha
Il-Kummissjoni ressqet 16-il miżura mmirati biex jinkisbu dawn l-objettivi u jsir progress reali lejn it-tlestija tas-CMU.
Il-ministri ddeskrivew il-valutazzjoni ġenerali tagħhom dwar il-pjan ta' azzjoni mġedded, inkluż il-prijoritajiet tagħhom fir-rigward tal-prinċipji u tal-miżuri msemmija fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni. L-iskambju ta' fehmiet tagħhom ser jikkontribwixxi għat-tħejjija tal-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar is-CMU, li l-presidenza għandha l-għan li tadotta f'Diċembru.
Il-ministri kellhom skambju ta' fehmiet dwar it-tagħlimiet meħuda mis-Semestru Ewropew 2020 u l-mogħdijiet possibbli 'l quddiem fil-kuntest tal-irkupru mill-kriżi tal-COVID-19. Id-diskussjoni ffukat fuq l-elementi li jħarsu 'l quddiem tal-proċess tas-Semestru Ewropew, inkluż il-bidliet li ser jiġu introdotti fl-eżerċizzju li jmiss fid-dawl tal-introduzzjoni tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza fl-2021.
Punti oħra
Il-presidenza infurmat lill-ministri dwar il-progress miksub fir-rigward tal-proposti leġiżlattivi attwali dwar is-servizzi finanzjarji. Fost affarijiet oħra, il-presidenza enfasizzat il-Pakkett ta' Rkupru tas-Swieq Kapitali, li ser jgħin biex jiġi appoġġat irkupru ekonomiku rapidu, u r-rieżami tar-Regolament dwar il-Parametri Referenzjarji, li ser jippermetti lir-regolaturi tal-UE jindirizzaw il-waqfien potenzjali ta' parametri referenzjarji rilevanti fl-UE jew f'pajjiżi terzi u b'hekk tiġi protetta l-istabbiltà finanzjarja.
Il-presidenza infurmat ukoll lill-ministri dwar il-passi li jmiss wara l-appoġġ tal-Grupp tal-Euro għall-kandidatura ta' Frank Elderson biex isir il-membru l-ġdid tal-Bord Eżekuttiv tal-Bank Ċentrali Ewropew. Ir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-ħatra tas-Sur Elderson ser tiġi adottata permezz ta' proċedura bil-miktub, segwita mill-ħatra finali tal-membru l-ġdid mill-Kunsill Ewropew wara li jkun ikkonsulta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill Governattiv tal-BĊE.
Bord Eżekuttiv tal-BĊE: Il-Grupp tal-Euro jagħti appoġġ għall-kandidatura ta' Frank Elderson (stqarrija għall-istampa tal-Grupp tal-Euro, 5 ta' Ottubru 2020)
Il-ministri qiesu wkoll it-tħejjijiet għal-laqgħa tal-ministri għall-finanzi u l-gvernaturi tal-banek ċentrali tal-G20 fl-14 ta' Ottubru u l-laqgħa annwali tal-Kumitat Monetarju u Finanzjarju Internazzjonali (IMFC) fil-15 u s-16 ta' Ottubru, kif ukoll l-eżitu tas-sejħa għal nomini għal kandidat Ewropew għall-ħatra tal-president tal-IMFC.
Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.
L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.