Skip to content
  • Kunsill Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji

Vidjokonferenza tal-ministri għall-ekonomija u l-finanzi, 1 ta' Diċembru 2020

Riżultati ewlenin

Kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni

Il-presidenza infurmat lill-ministri dwar il-ftehim li ntlaħaq fil-livell tekniku dwar l-emendi għad-Direttiva tal-Kunsill dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni (''DAC 7''). Il-ministri kellhom skambju ta' fehmiet, li kkonferma l-appoġġ tagħhom għall-ftehim.

Skont ir-regoli l-ġodda, mill-2023 'il quddiem l-awtoritajiet tat-taxxa tal-istati membri ser jiskambjaw awtomatikament informazzjoni dwar l-introjtu ggwadanjat mill-bejjiegħa fuq pjattaformi diġitali. Dan ser jgħin biex jiġu evitati l-evażjoni tat-taxxa u l-evitar tat-taxxa b'rabta ma' attivitajiet fuq tali pjattaformi, tissaħħaħ il-ġustizzja fit-taxxa u jitrawmu kondizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni kemm għall-pjattaformi kif ukoll għall-bejjiegħa tagħhom.

Ir-regoli l-ġodda ser itejbu wkoll l-iskambju ta' informazzjoni u l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet tat-taxxa tal-istati membri. Pereżempju, ser isir aktar faċli li tinkiseb informazzjoni dwar gruppi ta' kontribwenti u ser ikun hemm titjib fir-regoli għat-twettiq ta' kontrolli simultanji u biex l-uffiċjali jkunu jistgħu jkunu preżenti fi stat membru ieħor matul inkjesta. Ir-regoli l-ġodda jipprovdu wkoll qafas għall-awtoritajiet kompetenti ta' żewġ stati membri jew aktar biex iwettqu awditi konġunti. Dan il-qafas ser ikun operattiv fl-istati membri kollha sa mhux aktar tard mill-2024.

Olaf Scholz, Ministru Federali għall-Finanzi u Viċi Kanċillier tal-Ġermanja
L-ekonomija tal-pjattaformi diġitali qed toħloq sfidi ġodda għall-amministrazzjonijiet tat-taxxa, b'mod partikolari meta s-servizzi jiġu offruti minn naħa għal oħra tal-fruntiera. Ir-regoli l-ġodda dwar il-kooperazzjoni amministrattiva ser joffru lill-istati membri għodod importanti biex jiġi żgurat li l-bejjiegħa fuq pjattaformi diġitali jħallsu s-sehem ġust tagħhom ta' taxxi. Dan huwa pass importanti 'l quddiem fl-adattament tar-regoli tagħna għall-ekonomija diġitali u fit-titjib tal-ġlieda kontra l-frodi tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa. L-UE tassumi rwol ewlieni fit-tassazzjoni ta' pjattaformi diġitali.
Olaf Scholz, Ministru Federali għall-Finanzi u Viċi Kanċillier tal-Ġermanja
Olaf Scholz, Ministru Federali għall-Finanzi u Viċi Kanċillier tal-Ġermanja

Il-Kunsill mistenni jadotta d-Direttiva fil-ġimgħat li ġejjin, ladarba jkunu waslu l-opinjonijiet tal-Parlament Ewropew u tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u tkun saret ir-reviżjoni mill-ġuristi-lingwisti.

Tisħiħ tal-Unjoni Bankarja

Il-ministri evalwaw il-progress fit-tisħiħ tal-Unjoni Bankarja abbażi ta' rapport tal-presidenza li jkopri d-diskussjonijiet li saru fil-Grupp ta' Ħidma Ad Hoc tal-Kunsill dwar it-Tisħiħ tal-Unjoni Bankarja.

Wara approċċ olistiku, l-istati membri ħadmu b'mod kostruttiv matul erba' laqgħat tal-Grupp ta' Ħidma Ad Hoc tal-Kunsill fit-tieni semestru tal-2020 u ddiskutew l-elementi kollha meqjusa essenzjali għal Unjoni Bankarja aktar robusta:

  • miżuri li għandhom l-għan li jtejbu l-ġestjoni ta' kriżijiet bankarji,
  • integrazzjoni msaħħa tas-suq tas-settur bankarju tal-UE u l-bilanċ bejn il-post ta' oriġini u dak ospitanti,
  • trattament regolatorju tal-esponimenti sovrani, u
  • karatteristiċi tad-disinn ta' skema Ewropea ta' assigurazzjoni tad-depożiti (EDIS) abbażi tal-hekk imsejjaħ mudell ibridu.

Fir-rapport ta' progress tagħha, il-presidenza stiednet lill-presidenza Portugiża li jmiss biex tibni fuq il-progress li sar u tkompli taħdem lejn it-tisħiħ tal-Unjoni Bankarja, filwaqt li tindirizza l-elementi kollha.

Unjoni tas-Swieq Kapitali – konklużjonijiet tal-Kunsill

Il-presidenza infurmat lill-ministri fir-rigward tal-abbozz ta' konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Pjan ta' Azzjoni l-ġdid tal-Kummissjoni dwar l-Unjoni tas-Swieq Kapitali (CMU). Il-konklużjonijiet għandhom jiġu approvati mill-Kunsill permezz ta' proċedura bil-miktub wara l-vidjokonferenza informali.

It-twettiq ta' aktar progress fis-CMU huwa prijorità għall-presidenza Ġermaniża peress li s-swieq kapitali jeħtieġ li jaħdmu għaċ-ċittadini u għall-ekonomija reali billi jipprovdu opportunitajiet ta' investiment fit-tul u aċċess faċli għall-finanzjament. Il-konklużjonijiet tal-Kunsill jistabbilixxu l-prijoritajiet tal-Kunsill fost il-miżuri deskritti fil-pjan ta' azzjoni tal-Kummissjoni sabiex jipprovdu gwida lill-Kummissjoni meta tħejji leġiżlazzjoni u inizjattivi mhux leġiżlattivi futuri.

Sitwazzjoni ekonomika u Semestru Ewropew 2021

Bħala parti mill-proċess annwali tas-Semestru Ewropew għall-monitoraġġ tal-politiki ekonomiċi, fiskali u tal-impjiegi tal-istati membri, il-Kummissjoni ppreżentat żewġ dokumenti:

  • rapport dwar il-mekkaniżmu ta' twissija, li jimmarka l-bidu tal-proċedura annwali tal-iżbilanċi makroekonomiċi
  • abbozz ta' rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politiki ekonomiċi taż-żona tal-euro

Il-Kummissjoni pprovdiet ukoll lill-ministri l-valutazzjoni tagħha tas-sitwazzjoni ekonomika u fiskali abbażi tat-tbassir ekonomiku tal-ħarifa 2020.

Il-ministri kellhom skambju ta' fehmiet abbażi ta' dan. F'Jannar 2021, huwa ppjanat li l-Kunsill japprova r-rakkomandazzjoni dwar il-politiki ekonomiċi taż-żona tal-euro u l-konklużjonijiet dwar ir-rapport dwar il-mekkaniżmu ta' twissija.

Kwistjonijiet internazzjonali – Serħan mid-dejn

Il-presidenza u l-Kummissjoni infurmaw lill-ministri dwar il-laqgħa tal-ministri għall-finanzi u l-gvernaturi tal-banek ċentrali tal-G20 tat-13 ta' Novembru 2020, li ffukat fuq is-serħan mid-dejn. Il-ministri kellhom skambju ta' fehmiet dwar il-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar is-serħan mid-dejn internazzjonali approvati fit-30 ta' Novembru 2020.

Fil-konklużjonijiet, il-Kunsill jissottolinja l-appoġġ tal-UE għal approċċ internazzjonali koordinat għall-isforzi ta' serħan mid-dejn għall-pajjiżi Afrikani. Huwa jilqa' l-Inizjattiva dwar is-Sospensjoni tas-Servizz tad-Dejn (DSSI) tal-G20/Klabb ta' Pariġi u l-estensjoni tagħha. Id-DSSI kienet fundamentali fl-appoġġ għall-pajjiżi li talbu biex jipparteċipaw, billi tillibera spazju fiskali għall-finanzjament ta' miżuri soċjali, ekonomiċi u tas-saħħa biex jirrispondu għall-pandemija. Il-Kunsill jilqa' wkoll il-ftehim tal-G20 dwar Qafas Komuni għat-Trattament tad-Dejn lil hinn mid-DSSI li ser ikun strumentali biex tiġi żgurata koordinazzjoni b'saħħitha tal-kredituri u huwa meqjus bħala pass kbir 'il quddiem fl-arkitettura internazzjonali għar-ristrutturar tad-dejn sovran.

Tassazzjoni internazzjonali

Il-ministri ddiskutew it-tassazzjoni internazzjonali, filwaqt li koprew il-ħidma li għaddejja u t-triq 'il quddiem fuq firxa wiesgħa ta' kwistjonijiet relatati mal-arkitettura futura tar-regoli dwar it-tassazzjoni internazzjonali.

Id-diskussjoni saret fl-isfond tal-passi li jmiss li għandhom jittieħdu fil-fora tal-G20/OECD sabiex jiġu indirizzati l-isfidi tat-taxxa kkawżati mid-diġitalizzazzjoni tal-ekonomija u erożjoni tal-bażi tat-taxxa u trasferiment tal-profitti (BEPS). Fil-livell tal-UE, fil-15 ta' Lulju 2020, il-Kummissjoni ppreżentat sett ta' miżuri fil-pakkett tagħha dwar tassazzjoni ġusta u sempliċi. Fis-27 ta' Novembru 2020, il-Kunsill approva konklużjonijiet dwar tassazzjoni ġusta u effettiva li jirriflettu l-valutazzjoni tiegħu tal-kwistjonijiet ewlenin tal-politika tat-taxxa f'firxa ta' oqsma, inkluż it-tassazzjoni internazzjonali.

Fil-konklużjonijiet tiegħu, il-Kunsill jilqa' l-progress sinifikanti li sar fil-livell tal-Qafas Inklużiv tal-OECD dwar il-BEPS fl-aġġornament tal-qafas internazzjonali tat-tassazzjoni korporattiva u jikkonferma l-appoġġ kontinwu tiegħu għal din il-ħidma, bil-għan li tintlaħaq soluzzjoni globali bbażata fuq il-kunsens sa mhux aktar tard minn nofs l-2021. Huwa jesprimi r-rieda tal-UE u tal-istati membri tagħha li jeżaminaw il-possibbiltajiet għall-implimentazzjoni tal-ftehim globali mill-aktar fis possibbli.

Il-Kunsill jissottolinja wkoll il-progress li sar fil-Grupp tal-Kunsill dwar il-Kodiċi tal-Kondotta dwar Tassazzjoni tal-Intrapriżi fil-promozzjoni tal-istandards ta' governanza tajba fil-qasam tat-taxxa fl-UE u lil hinn minnha, billi jagħti bidu għal diskussjonijiet dwar ir-reviżjoni tal-mandat tal-grupp tal-1997 u jkompli l-ħidma fuq il-lista tal-UE ta' ġuriżdizzjonijiet li ma jikkooperawx għal finijiet ta' taxxa. Qasam ta' ħidma importanti ieħor jikkonċerna l-kooperazzjoni amministrattiva dwar kwistjonijiet tat-taxxa, fejn ir-regoli l-ġodda tal-UE dwar l-iskambju ta' informazzjoni dwar id-dħul iġġenerat fuq pjattaformi diġitali ser ikunu ta' eżempju fil-livell dinji.

Kwistjonijiet oħra

Il-presidenza aġġornat lill-ministri dwar proposti leġiżlattivi fil-qasam tas-servizzi finanzjarji, b'mod partikolari dwar il-ħidma fuq il-fajls leġiżlattivi fil-Pakkett dwar il-Finanzi Diġitali u t-trilogi mal-Parlament Ewropew dwar il-Pakkett għall-Irkupru tas-Swieq Kapitali. Rigward ir-Regolament dwar il-Parametri Referenzjarji, intlaħaq ftehim proviżorju mal-Parlament fil-laqgħa tat-trilogu tal-bieraħ, soġġett għall-approvazzjoni miż-żewġ istituzzjonijiet.

Il-Qorti tal-Awdituri ppreżentat ir-rapport annwali tagħha dwar l-implimentazzjoni tal-baġit tal-UE għall-2019.

L-Italja ppreżentat il-prijoritajiet għall-presidenza tagħha tal-G20 fl-2021.

Dokumenti tal-laqgħat

Dokumenti ta' tħejjija

Tagħrif għall-istampa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa

Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.

L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.

Kompli segwina

Laqgħat oħra: Kunsill Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji

Ara laqgħat oħrajn

L-aħħar reviżjoni: 9 ta' Jannar 2025