Skip to content
  • Kunsill Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji

Vidjokonferenza informali tal-ministri għall-ekonomija u l-finanzi, 16 ta' April 2021

Riżultati ewlenin

Irkupru ekonomiku

Il-ministri evalwaw is-sitwazzjoni ekonomika attwali u l-prospetti ekonomiċi.

Il-Kummissjoni u l-BĊE qasmu l-fehmiet tagħhom dwar is-sitwazzjoni ekonomika u finanzjarja attwali. Il-Kummissjoni pprovdiet ukoll aġġornament dwar l-implimentazzjoni tal-qafas temporanju għall-għajnuna mill-istat, li jippermetti lill-istati membri jappoġġaw l-ekonomiji tagħhom b'mod aktar flessibbli waqt il-pandemija, u spjegat ir-rabtiet tiegħu mal-pjanijiet nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza.

Bħala parti mir-rendikont regolari tal-implimentazzjoni tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, il-ministri rċevew aġġornament mill-Kummissjoni dwar l-istat tat-tħejjija tal-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza. Huma qasmu wkoll l-esperjenzi tagħhom dwar il-fażi ta' tħejjija tal-pjanijiet. Din il-fażi issa waslet fi tmiemha u dalwaqt ser tiġi segwita minn sottomissjonijiet formali.

Il-Kummissjoni ppreżentat il-komunikazzjoni tagħha dwar il-finanzjament ta' Next Generation EU, ippubblikata fl-14 ta' April. Il-presidenza tat aġġornament dwar ir-ratifika tad-deċiżjoni dwar ir-riżorsi proprji, fejn indikat li 17-il stat membru diġà lestew il-proċess.

João Leão, Ministru għall-Finanzi tal-Portugall
Hekk kif qed toqrob l-iskadenza "flessibbli" tat-30 ta' April, nistenna li l-biċċa l-kbira tal-pjanijiet nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza jkunu uffiċjalment ippreżentati fil-ġimgħat li ġejjin. L-għan huwa li l-ewwel pjanijiet jiġu approvati qabel is-sajf. Qed isir kull sforz biex il-proċess ta' ratifika jitlesta malajr kemm jista' jkun. Għalhekk ninsab fiduċjuż li l-implimentazzjoni tal-fond għall-irkupru tinsab fit-triq it-tajba u l-prefinanzjament ikun jista' jibda jidħol fl-ekonomija fis-sajf.
João Leão, Ministru għall-Finanzi tal-Portugall
João Leão, Ministru għall-Finanzi tal-Portugall

Unjoni tas-Swieq Kapitali

Il-Kummissjoni aġġornat lill-ministri dwar l-implimentazzjoni tal-pjan ta' azzjoni mġedded dwar l-Unjoni tas-Swieq Kapitali. Hija ffukat fuq l-inizjattivi ewlenin ippjanati fix-xhur li ġejjin, b'mod partikolari l-Punt ta' Aċċess Uniku Ewropew , li għandu jgħin lill-investituri jiksbu aċċess faċli, rapidu u komparabbli għad-data Ewropea dwar il-kumpaniji, u b'hekk jiffaċilita l-finanzjament tal-kumpaniji Ewropej.

Il-Kummissjoni dan l-aħħar wettqet konsultazzjoni pubblika bil-ħsieb li tħejji proposta leġiżlattiva dwar il-Punt ta' Aċċess Uniku Ewropew matul l-2021.

Il-Kunsill adotta konklużjonijiet dwar il-pjan ta' azzjoni tal-Kummissjoni dwar l-Unjoni tas-Swieq Kapitali f'Diċembru 2020, li jiddeskrivu l-prijoritajiet tiegħu għal aktar ħidma. Il-konklużjonijiet jisħqu li, f'dan l-istadju, għandha tingħata l-ogħla prijorità lil azzjonijiet li huma importanti għat-titjib tal-finanzjament tal-ekonomija – b'mod partikolari tal-SMEs – u li għandhom il-potenzjal li jappoġġaw irkupru ekonomiku rapidu fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19.

Arkitettura finanzjarja Ewropea għall-iżvilupp

Il-ministri kellhom skambju ta' fehmiet dwar il-futur tal-arkitettura finanzjarja Ewropea għall-iżvilupp, bil-parteċipazzjoni tal-presidenti tal-BERŻ u l-BEI, Odile Renaud-Basso u Werner Hoyer.

L-arkitettura finanzjarja Ewropea għall-iżvilupp taqdi rwol globali importanti fil-ġlieda kontra l-faqar u l-inugwaljanzi, filwaqt li taħdem lejn il-kisba tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli u tindirizza t-tibdil fil-klima. Madankollu, l-istruttura hija kumplessa, b'multipliċità ta' atturi nazzjonali u tal-UE, kif ukoll ta' strumenti finanzjarji. Ir-riflessjonijiet dwar kif tista' ssir aktar koerenti, strateġika, inklużiva, viżibbli u jkollha impatt bdew fl-2019. Fil-konklużjonijiet tiegħu ta' Diċembru 2019, il-Kunsill stabbilixxa l-fehmiet tiegħu dwar it-titjib inizjali li għandu jsir u fassal it-triq 'il quddiem għal riflessjoni politika.

Minn dak iż-żmien, il-pandemija tal-COVID-19 u l-impatt tagħha fuq il-pajjiżi l-anqas żviluppati u fraġli ħolqu sfidi ġodda. Waqt il-vidjokonferenza, il-ministri ppreżentaw il-fehmiet tagħhom dwar titjib possibbli abbażi ta' elementi miġbura mill-2019 bħala kontribut għad-diskussjoni. Kien hemm kunsens li t-tisħiħ u t-titjib tal-istruttura istituzzjonali attwali jistgħu jkunu l-aktar triq prattika u effiċjenti 'l quddiem biex jintlaħqu l-għanijiet tal-UE u jiġu appoġġati l-pajjiżi sħab. Il-ministri qablu wkoll li wasal iż-żmien li jimxu mir-riflessjoni għall-azzjoni.

Il-Kunsill mistenni japprova l-konklużjonijiet dwar il-futur tal-arkitettura finanzjarja Ewropea għall-iżvilupp f'Mejju.

Punti oħra

Il-presidenza u l-Kummissjoni infurmaw lill-ministri dwar l-eżitu tal-laqgħa tal-ministri għall-finanzi u l-gvernaturi tal-banek ċentrali tal-G20 fis-7 ta' April 2021.

Din kienet it-tieni laqgħa taħt il-presidenza Taljana tal-G20. Id-diskussjonijiet iffukaw fuq l-istat tal-ekonomija globali, l-isforzi biex jitmexxa 'l quddiem l-irkupru ekonomiku u jiġi promoss tkabbir aktar sostenibbli, l-appoġġ għall-pajjiżi l-aktar vulnerabbli, it-tassazzjoni internazzjonali u kwistjonijiet relatati mas-settur finanzjarju. Inħareġ komunikat fi tmiem il-laqgħa.

Il-ministri rċevew ukoll aġġornament dwar l-istat attwali rigward il-proċeduri leġiżlattivi fil-qasam tas-servizzi finanzjarji.

L-istati membri qed jaħdmu biex isarrfu s-€672.5 biljun tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza f'azzjoni konkreta

Dokumenti tal-laqgħat

Dokumenti ta' tħejjija

Tagħrif għall-istampa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa

Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.

L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.

Kompli segwina

Laqgħat oħra: Kunsill Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji

Ara laqgħat oħrajn

L-aħħar reviżjoni: 9 ta' Jannar 2025