"Il-cookies jintużaw biex intejbu l-esperjenza ta' navigazzjoni tiegħek. Il-cookies meħtieġa huma neċessarji biex jappoġġaw karatteristiċi essenzjali tas-sit web tal-Kunsill. Il-cookies fakultattivi jgħinuna nipproduċu rapporti statistiċi anonimi u aggregati biex naqdu aħjar il-ħtiġijiet tiegħek.

Żur il-paġna tal-politika tal-cookies tagħna għal aktar informazzjoni u biex tibdel is-settings tiegħek.

български español čeština dansk Deutsch eesti Ελληνικά English français Gaeilge hrvatski italiano latviešu lietuvių magyar Malti Nederlands polski português română slovenčina slovenščina suomi svenska
Skip to content

Kunsill Impjiegi, Politika Soċjali, Saħħa u Affarijiet tal-Konsumatur

Vidjokonferenza informali tal-ministri għall-impjiegi u l-politika soċjali, 15 ta' Marzu 2021

Riżultati ewlenin

Illum il-ministri għall-impjiegi u l-politika soċjali ddiskutew firxa wiesgħa ta' fajls, partikolarment il-politika għall-impjiegi u dik soċjali fis-Semestru Ewropew, il-Pjan ta' Azzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u l-politika u inizjattivi għall-ugwaljanza u n-nondiskriminazzjoni.

Il-politika għall-impjiegi u dik soċjali fis-Semestru Ewropew fil-kuntest tal-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza

Il-ministri qasmu l-fehmiet tagħhom dwar il-politika għall-impjiegi u dik soċjali fis-Semestru Ewropew 2021 fil-kuntest tal-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza (PRR). Il-ministri qablu fil-biċċa l-kbira li l-impjiegi u l-protezzjoni soċjali kif ukoll il-ġlieda kontra l-faqar iridu jkunu temi ewlenin fil-PRR tal-istati membri. Miżuri ta' integrazzjoni fis-suq tax-xogħol għal nies li tilfu xogħolhom matul il-pandemija kienu impenn appoġġat minn ħafna ministri.

Il-ministri kkonċentraw partikolarment fuq il-ħtieġa li tingħata spinta lit-taħriġ mill-ġdid u t-titjib tal-ħiliet tal-ħaddiema tal-Ewropa sabiex ikunu jistgħu jibqgħu kompetittivi u biex tiżdied ir-reżiljenza tagħhom għall-isfidi preżenti u futuri. Ħafna ministri enfasizzaw ukoll il-prijorità ċara tagħhom li jindirizzaw il-qgħad fost iż-żgħażagħ u jgħinu liż-żgħażagħ Ewropej jidħlu fis-suq tax-xogħol.

Ana Mendes Godinho, Ministru għax-Xogħol, is-Solidarjetà u s-Sigurtà Soċjali tal-Portugall
Is-Summit Soċjali li ġej f'Porto ser ikun pass importanti biex il-mudell soċjali tal-Ewropa jmur għal-livell li jmiss. Dan huwa mument kruċjali mhux biss għall-presidenza tagħna iżda għall-UE kollha kemm hi.
Ana Mendes Godinho, Ministru għax-Xogħol, is-Solidarjetà u s-Sigurtà Soċjali tal-Portugall
Ana Mendes Godinho, Ministru għax-Xogħol, is-Solidarjetà u s-Sigurtà Soċjali tal-Portugall

Pjan ta' Azzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali

Il-ministri ddiskutew il-Pjan ta' Azzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali li ġie ppubblikat dan l-aħħar, fejn urew l-appoġġ tagħhom għall-għanijiet tal-pjan li jibni Ewropa aktar soċjali u inklużiva. Id-delegazzjonijiet qiesu l-miri kwalitattivi u kwantitattivi fil-livell tal-UE stabbiliti fil-pjan bħala ambizzjużi ħafna, iżda realistiċi, u ħadu impenn li jaħdmu għal dawn l-għanijiet. Il-ministri laqgħu wkoll ir-reviżjoni proposta tat-tabella ta' valutazzjoni soċjali bħala bażi għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-prinċipji tal-Pilastru fil-qafas tal-proċess tas-Semestru Ewropew.

L-appoġġ għal inizjattivi bħall-garanzija għat-tfal u l-pjattaforma Ewropea għall-ġlieda kontra l-problema ta' persuni bla dar kien qawwi, peress li l-ministri enfasizzaw l-importanza li jiġu indirizzati l-faqar fost it-tfal u l-problema ta' persuni bla dar fl-UE.

Il-ministri ddeskrivew ukoll il-politika attiva tagħhom għas-suq tax-xogħol, li diġà ġiet implimentata jew ippjanata fi ħdan il-pjanijiet tagħhom għall-irkupru u r-reżiljenza, sabiex jiġi appoġġat irkupru sod u li jħares lejn il-futur, u titħejja t-tranżizzjoni diġitali u ekoloġika u jitqiesu wkoll il-bidliet demografiċi tas-soċjetajiet tagħna. It-taħriġ mill-ġdid u t-titjib tal-ħiliet tal-ħaddiema ġew enfasizzati bħala prijorità importanti minn ħafna delegazzjonijiet.

Ugwaljanza, nondiskriminazzjoni u diversità fl-UE

Il-ministri kellhom dibattitu ta' orjentazzjoni dwar modi kif tissaħħaħ l-ugwaljanza, in-nondiskriminazzjoni u d-diversità bħala prijorità politika fl-UE. Bosta ministri għarfu l-fatt li ħafna ċittadini għadhom jesperjenzaw diskriminazzjoni fl-UE u enfasizzaw il-ħtieġa li nkomplu naħdmu fuq il-protezzjoni taċ-ċittadini kollha kontra kull tip ta' diskriminazzjoni. Il-pandemija tal-COVID-19 laqtet lin-nisa u gruppi vulnerabbli oħra sproporzjonament u aggravat id-diskriminazzjoni.

Il-ministri appoġġaw b'mod ġenerali azzjoni fil-livell tal-UE biex timxi 'l quddiem l-ugwaljanza u enfasizzaw l-importanza li l-politika għall-ugwaljanza tiġi integrata f'inizjattivi orizzontali rilevanti. Huma rreferew ukoll għal strateġiji u inizjattivi ta' politika nazzjonali li għandhom l-għan li jipproteġu gruppi differenti suxxettibbli għad-diskriminazzjoni, fost l-oħrajn abbażi tal-ġeneru, l-età, l-orjentazzjoni sesswali, ir-reliġjon jew it-twemmin, l-oriġini etnika jew razzjali u d-diżabbiltà. Għadd ta' ministri enfasizzaw partikolarment l-importanza tal-isforzi biex tiġi promossa l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, biex jiġi miġġieled ir-razziżmu, inkluż id-diskriminazzjoni kontra r-Rom u biex jitħarsu d-drittijiet tal-komunità LGBTIQ.

Huwa ta' serħan il-moħħ li naraw li aħna lkoll impenjati favur unjoni ta' valuri u soċjetà sikura, fejn kulħadd jista' jisfrutta il-potenzjal tiegħu. Hemm firxa wiesgħa ta' strateġiji nazzjonali kkonċentrati fuq l-indirizzar tad-diskriminazzjoni u minkejja l-punti ta' tluq differenti fl-istati membri, ninsab kunfidenti li nistgħu neliminaw l-ostakli flimkien. Mariana Vieira da Silva, Ministru tal-Istat għall-Presidenza tal-Kunsill tal-Ministri tal-Portugall

Affarijiet oħra

Pjattaforma Ewropea għall-ġlieda kontra l-problema ta' persuni mingħajr dar

Il-Kummissjoni għarrfet lill-ministri dwar il-pjattaforma Ewropea ppjanata għall-ġlieda kontra l-problema ta' persuni bla dar u l-presidenza qasmet il-pjanijiet tagħha li tospita konferenza ta' livell għoli dwar il-problema ta' persuni bla dar f'Lisbona fil-21 ta' Ġunju.

Green paper dwar it-tixjiħ

Il-Kummissjoni għarrfet lill-ministri dwar il-green paper dwar it-tixjiħ li ħarġet dan l-aħħar, li tikkonċentra fuq l-indirizzar tal-isfidi demografiċi fl-Ewropa.

Integrazzjoni tat-tixjiħ

Il-presidenza għarrfet lill-ministri dwar l-adozzjoni bi proċedura bil-miktub tal-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-integrazzjoni tat-tixjiħ. Il-konklużjonijiet jistiednu lill-istati membri biex jelaboraw Qafas Strateġiku nazzjonali għall-Integrazzjoni tat-Tixjiħ kif ukoll inizjattivi oħra li jippermettu lill-anzjani madwar l-UE jgawdu d-drittijiet fundamentali tagħhom u jilħqu l-potenzjal sħiħ tagħhom.

Summit soċjali tripartitiku

Il-presidenza għarrfet lill-ministri dwar is-Summit Soċjali Tripartitiku li ser isir fl-24 ta' Marzu 2021, eżatt qabel il-Kunsill Ewropew ta' Marzu.

Programmi ta' ħidma għall-2021 tal-Kumitat tal-Impjiegi EMCO u l-KPS

Il-Presidenti tal-Kumitat tal-Impjiegi (EMCO) u tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali (KPS), li huma kumitati konsultattivi tal-politika għall-ministri fil-Kunsill EPSCO, għarrfu lill-ministri dwar il-programmi ta' ħidma tagħhom għall-2021 li fil-biċċa l-kbira ser jikkonċentraw fuq il-Pjan ta' Azzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali.

Rakkomandazzjoni dwar l-ugwaljanza, l-inklużjoni u l-parteċipazzjoni tar-Rom

Il-presidenza għarrfet lill-ministri dwar l-adozzjoni, bi proċedura bil-miktub, tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar l-ugwaljanza, l-inklużjoni u l-parteċipazzjoni tar-Rom. Ir-rakkomandazzjoni żżid l-impenn tal-istati membri li jiġġieldu b'mod effettiv d-diskriminazzjoni kontra persuni Rom u biex jippromwovu l-inklużjoni tagħhom fl-oqsma ewlenin tal-edukazzjoni, ix-xogħol, is-saħħa u d-djar.

Pjan ta' Azzjoni tal-UE għall-Ġlieda kontra r-Razziżmu 2020-2025

Il-Kummissjoni għarrfet lill-ministri dwar il-Pjan ta' Azzjoni tal-UE għall-Ġlieda kontra r-Razziżmu, inizjalment ippreżentat f'Settembru 2020.

Miżuri vinkolanti ta' trasparenza fil-pagi

Il-Kummissjoni ppreżentat lill-ministri l-aħħar proposta tagħha għal direttiva biex tissaħħaħ l-applikazzjoni tal-prinċipju ta' paga ugwali għal xogħol ugwali jew xogħol ta' valur ugwali bejn l-irġiel u n-nisa permezz ta' trasparenza fil-pagi u mekkaniżmi ta' infurzar.

Dokumenti tal-laqgħat

Dokumenti ta' tħejjija

Tagħrif għall-istampa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa

Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.

L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.

Kompli segwina

Laqgħat oħra: Kunsill Impjiegi, Politika Soċjali, Saħħa u Affarijiet tal-Konsumatur

Ara laqgħat oħrajn

L-aħħar reviżjoni: 8 ta' Jannar 2025