Skip to content
  • Kunsill Impjiegi, Politika Soċjali, Saħħa u Affarijiet tal-Konsumatur

Vidjokonferenza tal-ministri għall-impjiegi u l-politika soċjali, 3 ta' Diċembru 2020

Riżultati ewlenin

Xogħol ġdid - xogħol iċċentrat fuq il-bniedem: L-iżgurar ta' kondizzjonijiet tax-xogħol ġusti u protezzjoni soċjali fl-Ekonomija tal-Pjattaformi

Il-ministri kellhom skambju ta' fehmiet dwar modi li jiżguraw kondizzjonijiet tax-xogħol aħjar u protezzjoni soċjali għall-ħaddiema tal-pjattaformi. Id-dibattitu ffoka fuq miżuri, fosthom proposti leġiżlattivi, biex jiġu indirizzati xi problemi speċifiċi relatati max-xogħol fuq pjattaformi diġitali, bħal kondizzjonijiet tax-xogħol mhux trasparenti u imprevedibbli, riskji ogħla għas-saħħa u s-sikurezza, u aċċess inadegwat għall-protezzjoni soċjali.

Hubertus Heil, Ministru Federali għax-Xogħol u l-Affarijiet Soċjali
Is-sehem tal-mudelli ta' xogħol fuq pjattaformi diġitali fl-ekonomija tal-UE u l-għadd ta' ħaddiema tal-pjattaformi żgur li ser ikomplu jikbru. Ser jikber ukoll il-bżonn li jinstabu soluzzjonijiet biex jiġi żgurat li l-hekk imsejħa "modi ġodda ta' ħidma" jkunu ċċentrati fuq il-bniedem. Aħna ninsabu lesti biex intejbu l-kondizzjonijiet tax-xogħol u nsaħħu l-protezzjoni tal-ħaddiema tal-pjattaformi. Id-dibattitu tagħna kkonferma dan l-impenn u ser iservi bħala kontribut siewi għall-isforzi biex tiġi aġġornata u modernizzata l-leġiżlazzjoni rilevanti tal-UE.
Hubertus Heil, Ministru Federali għax-Xogħol u l-Affarijiet Soċjali
Hubertus Heil, Ministru Federali għax-Xogħol u l-Affarijiet Soċjali

Il-ministri qablu b'mod ġenerali dwar il-ħtieġa li jiġu indirizzati l-kwistjonijiet tal-kondizzjonijiet tax-xogħol prekarji u l-protezzjoni soċjali insuffiċjenti fil-livell tal-UE, b'kont meħud tal-mudelli tas-swieq tax-xogħol nazzjonali tal-istati membri. Il-ministri identifikaw għadd ta' sfidi li jeħtieġ li jiġu indirizzati, bħan-natura transkonfinali tal-kumpaniji tal-pjattaformi u l-inċertezza relatata rigward l-obbligi u d-drittijiet, kif ukoll in-nuqqas ta' trasparenza fil-ġestjoni tal-forza tax-xogħol ibbażata fuq algoritmi, li tagħmilha diffiċli għall-ħaddiema li jkollhom id-drittijiet tagħhom rispettati.

Il-maġġoranza tad-delegazzjonijiet sostnew li ma kienx hemm bżonn li tinħoloq kategorija speċjali ta' ħaddiema għall-finijiet tat-titjib tal-protezzjoni soċjali u l-kondizzjonijiet tax-xogħol. Huma appellaw għal applikazzjoni xierqa u msaħħa tar-regoli nazzjonali u tal-UE eżistenti, filwaqt li rreferew b'mod partikolari għad-direttiva dwar kondizzjonijiet tax-xogħol trasparenti u prevedibbli u r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar l-aċċess għall-protezzjoni soċjali għall-ħaddiema u għall-persuni li jaħdmu għal rashom. Il-ministri enfasizzaw ukoll il-bżonn li tiġi estiża l-kopertura tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali tax-xogħol għall-ħaddiema tal-pjattaformi u għall-inklużjoni ta' din il-kategorija emerġenti fi ftehimiet kollettivi konklużi fil-livell nazzjonali.

B'mod ġenerali, il-ministri qablu li kien importanti li ma jkunx hemm kompromess dwar il-protezzjoni soċjali, filwaqt li, fl-istess ħin, jiġi żgurat li s-suq tax-xogħol ma jkunx regolat iżżejjed. B'rabta ma' dan, ħafna delegazzjonijiet appellaw biex jinstab bilanċ tajjeb bejn protezzjoni soċjali adegwata u l-ħolqien ta' opportunitajiet għall-innovazzjoni, il-ħolqien ta' xogħol u l-emerġenza ta' negozji ġodda kompetittivi fl-UE.

Unjoni ta' ugwaljanza bejn il-ġeneri? Kif għandha tiġi implimentata l-Istrateġija tal-Kummissjoni dwar l-Ugwaljanza Bejn il-Ġeneri 2020-2025 biex tinkiseb parteċipazzjoni ugwali tan-nisa u l-irġiel fis-suq tax-xogħol

Għall-ewwel darba, il-ministri responsabbli mill-ugwaljanza ddiskutew kif għandha tiġi implimentata l-istrateġija tal-Kummissjoni biex tinkiseb parteċipazzjoni ugwali fis-suq tax-xogħol għan-nisa u l-irġiel. Iċ-ċifri attwali juru differenzi sinifikanti fl-impjieg, fis-sigurtà soċjali u fil-pagi madwar l-UE. L-istrateġija tagħraf li l-parteċipazzjoni ugwali fis-suq tax-xogħol hija pass importanti biex tinkiseb l-ugwaljanza bejn il-ġeneri.

Franziska Giffey, Ministru Federali għall-Affarijiet tal-Familja, l-Anzjani, in-Nisa u ż-Żgħażagħ tal-Ġermanja
Id-distribuzzjoni ugwali ta' xogħol ta' kura bla ħlas u ta' xogħol imħallas bejn in-nisa u l-irġiel hija kruċjali għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri - u hija partikolarment importanti hekk kif qed nitħabtu mal-impatt tal-pandemija tal-coronavirus. Din il-ġimgħa, il-Kunsill adotta unanimament il-Konklużjonijiet tal-Kunsill "L-indirizzar tad-differenza bejn il-ġeneri fil-pagi: valutazzjoni u distribuzzjoni tax-xogħol imħallas u x-xogħol ta' kura mingħajr ħlas". Dan huwa sinjal importanti: L-Ewropa timxi b'mod konġunt lejn futur ugwali bejn il-ġeneri. Ninsab konvint li nistgħu biss niksbu l-ugwaljanza bejn il-ġeneri jekk naħdmu lkoll flimkien: nisa u rġiel.
Franziska Giffey, Ministru Federali għall-Affarijiet tal-Familja, l-Anzjani, in-Nisa u ż-Żgħażagħ tal-Ġermanja
Franziska Giffey, Ministru Federali għall-Affarijiet tal-Familja, l-Anzjani, in-Nisa u ż-Żgħażagħ tal-Ġermanja

Il-ministri esprimew l-appoġġ ġenerali tagħhom għall-Istrateġija għall-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri 2020-2025 ippreżentata mill-Kummissjoni f'Marzu ta' din is-sena. Id-delegazzjonijiet enfasizzaw l-importanza tal-objettivi tal-istrateġija li tinkiseb l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u li jingħataw drittijiet ugwali għan-nisa u l-irġiel fid-diversità kollha tagħhom, kif ukoll li jiġi żgurat li jkollhom opportunitajiet indaqs u jkunu liberi li jagħmlu għażliet indipendenti fir-rigward tal-ħajja personali u professjonali tagħhom.

Il-ministri identifikaw għadd ta' sfidi fit-tnaqqis tal-inugwaljanzi bejn il-ġeneri, bħad-differenza bejn il-ġeneri fil-pagi, l-isterjotipi bejn il-ġeneri u s-sehem ferm akbar ta' nisa f'xogħol għal perjodu qasir, part-time u b'paga baxxa u f'responsabbiltajiet ta' kura.

Il-ministri ssuġġerew ukoll miżuri biex jingħelbu dawn l-isfidi: billi tiġi żgurata paga ugwali permezz tat-trasparenza tal-pagi, billi tittejjeb id-disponibbiltà u l-affordabbiltà tal-indukrar tat-tfal u tal-kura soċjali ta' kwalità, billi jsiru attivitajiet ta' sensibilizzazzjoni, fost oħrajn.

Bosta delegazzjonijiet appellaw għat-traspożizzjoni xierqa u f'waqtha fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tad-direttiva dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata fl-istati membri kollha u appellaw għal aktar sforzi biex jintlaħaq qbil dwar id-direttiva li qed tiġi diskussa bħalissa dwar it-trattament ugwali (Art. 19).

L-approvazzjoni unanima reċenti tal-konklużjonijiet, li fihom il-Kunsill jappella lill-Kummissjoni u lill-istati membri biex iżidu l-isforzi biex titnaqqas id-differenza bejn il-ġeneri fil-pagi u d-differenzi bejn il-ġeneri fil-kura u biex jiġu miġġielda l-isterjotipi tal-ġeneri, intlaqgħet bħala pass deċiżiv fil-proċess tal-kisba tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri madwar l-UE.

Affarijiet oħra

  • Il-presidenza u l-Kummissjoni taw informazzjoni dwar il-proposta għal direttiva dwar pagi minimi adegwati fl-Unjoni Ewropea.
  • Il-presidenza tat informazzjoni aġġornata dwar il-proposta għal direttiva dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema mir-riskji relatati mal-espożizzjoni għal karċinoġeni jew mutaġeni fuq il-post tax-xogħol (ir-raba' lott).
  • Il-presidenza infurmat lill-ministri dwar is-sitwazzjoni attwali tan-negozjati dwar ir-Regolament dwar il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni 2021-2027.
  • Il-presidenza tat informazzjoni dwar is-sitwazzjoni attwali tan-negozjati mal-Parlament Ewropew dwar ir-reviżjoni tar-regolamenti dwar il-koordinazzjoni tas-sistemi tas-sigurtà soċjali.
  • Il-ministri ġew infurmati mill-presidenza dwar is-sitwazzjoni attwali fir-rigward tal-proposta leġiżlattiva għal Deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza r-ratifika tal-Konvenzjoni Nru 190 tal-ILO.
  • Il-presidenza tat informazzjoni dwar ir-Rakkomandazzjoni il-ġdida tal-Kunsill dwar l-Ugwaljanza, l-Inklużjoni u l-Parteċipazzjoni tar-Rom.
  • Il-Kummissjoni tat informazzjoni dwar l-evalwazzjoni tal-Istrateġija Ewropea tad-Diżabilità attwali u l-ħidma preparatorja fuq strateġija ġdida.
  • Il-presidenza infurmat lill-ministri dwar l-aħħar Summit Soċjali Tripartitiku (14 ta' Ottubru 2020).
  • Il-Kummissjoni tat informazzjoni dwar il-Pjan ta' Azzjoni għall-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali.
  • Id-delegazzjoni Portugiża ppreżentat il-programm ta' ħidma tal-presidenza li jmiss fil-qasam tal-Impjiegi u l-Politika Soċjali.
  • Il-presidenza tat informazzjoni dwar il-progress li sar fil-proposta għal direttiva dwar it-trattament ugwali (Artikolu 19).
  • Il-Kummissjoni tat informazzjoni dwar l-ewwel Strateġija tagħha dwar l-Ugwaljanza tal-LGBTIQ. Il-presidenza tat informazzjoni dwar ir-riżultati tal-Konferenza dwar l-Intersezzjonalità u l-Politiki LGBTI fl-Ewropa (18/19 ta' Novembru 2020).
  • Il-presidenza infurmat lill-ministri dwar il-vidjokonferenza informali tal-Ministri tal-UE għall-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri li saret fl-20 ta' Novembru 2020.
  • Il-presidenza tat informazzjoni wkoll dwar id-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Istati Membri tal-UE biex jappoġġaw lill-familji u jiġġieldu l-faqar fost it-tfal fid-dawl tal-COVID-19.
  • Id-delegazzjoni Portugiża ppreżentat il-programm ta' ħidma tal-presidenza li jmiss fil-qasam tal-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri u n-Nondiskriminazzjoni.

Dokumenti tal-laqgħat

Dokumenti ta' tħejjija

Tagħrif għall-istampa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa

Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.

L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.

Kompli segwina

Laqgħat oħra: Kunsill Impjiegi, Politika Soċjali, Saħħa u Affarijiet tal-Konsumatur

Ara laqgħat oħrajn

L-aħħar reviżjoni: 8 ta' Jannar 2025