Skip to content
  • Kunsill Impjiegi, Politika Soċjali, Saħħa u Affarijiet tal-Konsumatur

Kunsill Impjiegi, Politika Soċjali, Saħħa u Affarijiet tal-Konsumatur (Impjiegi u politika soċjali), 17 ta' Ottubru 2025

Riżultati ewlenin

Vjolenza kontra n-nisa u l-vjolenza domestika

Il-ministri approvaw konklużjonijiet dwar il-vjolenza kontra n-nisa u l-vjolenza domestika b'enfasi fuq il-prevenzjoni, l-identifikazzjoni bikrija u l-intervent. Il-Kunsill enfasizza r-rwol kruċjali tal-professjonisti u l-persuni fil-qrib fl-appoġġ għall-vittmi u t-tkissir taċ-ċiklu ta' vjolenza, u appella għas-sensibilizzazzjoni u l-edukazzjoni fost il-popolazzjoni ġenerali dwar kif l-aħjar tirreaġixxi jew tintervjeni f'każijiet bħal dawn.

<p>Magnus Heunicke, Ministru għall-Ambjent u l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri tad-Danimarka</p>

Illum qbilna li nsaħħu l-prevenzjoni, l-identifikazzjoni bikrija u l-intervent kontra l-vjolenza abbażi tal-ġeneru. Kull wieħed u waħda minna għandna rwol x'naqdu biex inkissru s-silenzju u nwaqqfu l-vjolenza kontra n-nisa u l-vjolenza domestika. Il-persuni preżenti u l-professjonisti jistgħu jagħmlu differenza sinifikanti fil-ħajja tal-vittmi u jgħinu fil-prevenzjoni ta' każijiet futuri ta' vjolenza.

<p>Magnus Heunicke, Ministru għall-Ambjent u l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri tad-Danimarka</p>

Magnus Heunicke, Ministru għall-Ambjent u l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri tad-Danimarka

Speċifikament, il-konklużjonijiet tal-Kunsill jappellaw għal:

  • taħriġ imtejjeb tal-ħaddiema f'oqsma rilevanti bħall-kura tas-saħħa u s-servizzi soċjali
  • miżuri għall-protezzjoni u l-appoġġ tat-tfal affettwati mill-vjolenza domestika
  • ġbir aħjar ta' data dwar il-prevalenza u l-konsegwenzi tal-vjolenza kontra n-nisa
  • sforzi biex l-irġiel u s-subien jiġu involuti aktar fit-trawwim tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri
  • l-inklużjoni ta' miżuri għall-prevenzjoni, l-identifikazzjoni bikrija u l-intervent fl-Istrateġija li jmiss tal-Kummissjoni dwar l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri wara l-2025

Il-ġlieda kontra l-mibegħda, id-diskriminazzjoni u l-vjolenza kontra l-persuni LGBTIQ

Il-ministri kellhom skambju ta' fehmiet dwar modi kif jiġu miġġielda l-mibegħda, id-diskriminazzjoni u l-vjolenza kontra l-persuni LGBTIQ. Huma enfasizzaw l-aħjar prattiki eżistenti fil-pajjiżi tagħhom u ssuġġerew azzjonijiet addizzjonali li jistgħu jittieħdu fil-livell tal-UE biex jiġi żgurat li l-persuni u l-familji LGBTIQ ikunu jistgħu jgħixu liberament u b'mod miftuħ, inkluż f'pajjiżi differenti.

L-inklużjoni soċjali tal-persuni b'diżabilità (f'seduta pubblika)

Il-ministri approvaw konklużjonijiet dwar l-inklużjoni soċjali ta' persuni b'diżabilità permezz tal-promozzjoni tal-għajxien indipendenti.

<p>Sophie Hæstorp Andersen, Ministru għall-Affarijiet Soċjali u d-Djar tad-Danimarka</p>

Il-presidenza Daniża tal-UE qed taħdem għal Ewropa aktar b'saħħitha — u Ewropa aktar b'saħħitha tiddependi fuq soċjetajiet b'saħħithom, li jindukraw u inklużivi li jappoġġaw liċ-ċittadini kollha, inkluż il-persuni b'diżabilità. Aħna impenjati bis-sħiħ favur l-inklużjoni ta' persuni b'diżabilità permezz tal-promozzjoni ta' għajxien indipendenti u l-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni. Għamilna ħafna progress, iżda fadal x'nagħmlu. Id-diskussjonijiet u r-riżultati miksuba llum huma passi importanti lejn it-titjib tal-ħajja tal-persuni b'diżabilità – u flimkien ser inkomplu din il-ħidma importanti.

<p>Sophie Hæstorp Andersen, Ministru għall-Affarijiet Soċjali u d-Djar tad-Danimarka</p>

Sophie Hæstorp Andersen, Ministru għall-Affarijiet Soċjali u d-Djar tad-Danimarka

Fil-konklużjonijiet tiegħu, il-Kunsill jappella biex tittieħed aktar azzjoni fil-livell nazzjonali u tal-UE, inkluż:

  • il-promozzjoni tal-aċċess għal servizzi ta' appoġġ affordabbli ċċentrati fuq il-persuna u l-iżgurar li s-servizzi għall-popolazzjoni ġenerali jkunu aċċessibbli, affordabbli, inklużivi u adattabbli għall-persuni b'diżabilità
  • it-titjib tad-disponibbiltà ta' postijiet ta' residenza aċċessibbli, affordabbli u mhux segregati
  • il-promozzjoni ta' teknoloġiji u servizzi aċċessibbli tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni, inkluż permezz tal-iżvilupp ta' ħiliet diġitali
  • l-integrazzjoni sistematika tad-diżabilità fil-politiki kollha tal-UE
  • li tkompli ssir enfasi fuq l-għajxien indipendenti fit-tieni nofs (2025–2030) tal-Istrateġija dwar id-Drittijiet tal-Persuni b'Diżabilità

Promozzjoni tad-drittijiet tal-persuni b'diżabilità fl-UE

Saret diskussjoni dwar il-promozzjoni tad-drittijiet tal-persuni b'diżabilità fl-UE, b'enfasi fuq l-isfidi, il-progress u d-direzzjonijiet futuri.

Il-ministri qasmu l-fehmiet tagħhom dwar l-aktar miżuri u għodod ta' politika importanti biex ikomplu jiġu promossi d-drittijiet tal-persuni b'diżabilità, u ddiskutew l-oqsma li fihom l-isfidi għadhom l-aktar urġenti.

Huma ddeskrivew ukoll il-prijoritajiet ewlenin għat-tieni nofs (2025–2030) tal-Istrateġija dwar id-Drittijiet tal-Persuni b'Diżabilità, u ddiskutew modi li bihom l-istrateġija tista' tappoġġa b'mod aktar effettiv ir-riformi nazzjonali u l-implimentazzjoni ta' leġiżlazzjoni u politiki relatati mad-diżabilità.

Affarijiet oħra

Taħt "affarijiet oħra", tqajmu s-suġġetti li ġejjin:

  • Il-presidenza Daniża stiednet lil Carlien Scheele, Direttur tal-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (EIGE), biex tagħti preżentazzjoni dwar l-Indiċi tal-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri, b'enfasi fuq l-istereotipi tal-ġeneri.
  • Il-presidenza pprovdiet ħarsa ġenerali lejn l-avvenimenti reċenti, inkluż il-laqgħa informali tal-ministri għall-impjiegi u l-affarijiet soċjali li saret f'Lulju 2025.
  • L-Ungerija, appoġġata minn Ċipru, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Italja, il-Polonja, is-Slovakkja, is-Slovenja u Spanja, qasmet informazzjoni dwar inizjattiva għal Jum Ewropew tal-lingwi tas-sinjali.
  • Il-Kummissjoni ppreżentat elementi rilevanti tar-rapport annwali tal-Kummissarju Lahbib dwar is-simplifikazzjoni, l-infurzar u l-implimentazzjoni.

Dibattitu informali waqt l-ikla ta' nofsinhar

Waqt l-ikla ta' nofsinhar, il-ministri ddiskutew miżuri li jistgħu jittieħdu fil-livell tal-UE biex tiġi miġġielda l-vjolenza sesswali u jiġi promoss il-kunsens fir-relazzjonijiet sesswali.

Ritratti ta' tliet persuni: raġel nieqes mid-dawl b'kelb, mara f'siġġu tar-roti u tifel bi problemi ta' mobbiltà li juża assistenza biex jimxi.
Diżabbiltà fl-UE: fatti u ċifri (Infografika)

Diżabbiltà fl-UE: fatti u ċifri (Infografika)

Dokumenti tal-laqgħat

Dokumenti ta' tħejjija

Stqarrijiet għall-istampa

Tagħrif għall-istampa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa

Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.

L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.

Kompli segwina

Laqgħat oħra: Kunsill Impjiegi, Politika Soċjali, Saħħa u Affarijiet tal-Konsumatur

Ara laqgħat oħrajn

L-aħħar reviżjoni: 20 ta' Ottubru 2025