Skip to content
  • Grupp tal-Euro

Grupp tal-Euro, 3 ta' Ottubru 2022

Riżultati prinċipali

Is-sitwazzjoni makroekonomika fiż-żona tal-euro

B'segwitu għad-diskussjonijiet fil-laqgħa tal-Grupp tal-Euro fi Praga, il-Grupp tal-Euro ddiskuta s-sitwazzjoni makroekonomika fiż-żona tal-euro u b'mod partikolari r-rispons tal-politika fiskali għal prezzijiet għoljin tal-enerġija u pressjonijiet inflazzjonarji. Is-Segretarju Ġenerali tal-OECD, Mathias Cormann, ingħaqad mad-diskussjoni.

Paschal Donohoe, President tal-Grupp tal-Euro
Illum qbilna, f'dikjarazzjoni konġunta, li niffukaw l-appoġġ tagħna dejjem aktar fuq miżuri ta' dħul kosteffiċjenti li huma eċċezzjonali, temporanji, u mmirati lejn dawk l-aktar vulnerabbli fis-soċjetajiet tagħna. Jeħtieġ ukoll li nevitaw politiki li jistgħu joħolqu riskju li jiżdiedu l-pressjonijiet inflazzjonarji – l-esperjenza turina li jekk naqbdu din it-triq, is-soċjetajiet jiftaqru għal żmien itwal. Din il-gwida jeħtieġ li tiġi riflessa fil-baġits nazzjonali tagħna għas-sena d-dieħla. Ser nerġgħu lura għal din il-kwistjoni fil-kuntest tal-Abbozzi tal-Pjanijiet Baġitarji lejn tmiem is-sena.
Paschal Donohoe, President tal-Grupp tal-Euro
Paschal Donohoe, President tal-Grupp tal-Euro

Rakkomandazzjonijiet għaż-żona tal-euro

Il-ministri evalwaw l-implimentazzjoni tal-prijoritajiet taż-żona tal-euro fil-Pjanijiet għall-Irkupru u r-Reżiljenza abbażi ta' analiżi mill-Kummissjoni. Huma qasmu wkoll il-fehmiet tagħhom dwar l-isfidi ekonomiċi u l-prijoritajiet ta' politika għaż-żona tal-euro wara l-iżviluppi reċenti.

Hekk kif qed inħabbtu wiċċna ma' xenarju ekonomiku ġdid u aktar inċert, il-Fond għall-Irkupru huwa aktar rilevanti minn qatt qabel. Fl-istess ħin, irridu nirrikonoxxu li xi prijoritajiet ta' politika nbidlu. Minħabba l-kuntest ġeopolitiku u ekonomiku, jeħtieġ li naġixxu b'mod urġenti dwar it-tranżizzjoni tal-enerġija. Huwa għalhekk li jien nappoġġa bil-qawwa l-isforzi tal-presidenza Ċeka biex jintlaħaq qbil rapidu dwar pakkett addizzjonali ta' €20 biljun għall-Fond għall-Irkupru permezz tar-REPowerEU – din hija xi ħaġa li ser niddiskutu għada fl-ECOFIN. Paschal Donohoe, President tal-Grupp tal-Euro

Tħejjija ta' laqgħat internazzjonali

Il-Grupp tal-Euro evalwa l-kwistjonijiet ekonomiċi globali, inkluż, bħalma jagħmel is-soltu, tal-iżviluppi fir-rati tal-kambju, bil-ħsieb tal-laqgħat annwali li ġejjin tal-Grupp tal-Bank Dinji u l-Fond Monetarju Internazzjonali. Il-Grupp tal-Euro jiddiskuti l-iżviluppi tar-rata tal-kambju f'intervalli regolari, b'mod partikolari qabel laqgħat internazzjonali.

Stedint lill-kollegi tiegħi tal-Grupp tal-Euro biex jaqsmu fehmiethom mas-Segretarju tat-Teżor Yellen fit-13 ta' Ottubru f'Washington DC. Fi żmien meta l-gwerra qed taħkem fil-kontinent tagħna, huwa essenzjali li nikkonsolidaw ir-relazzjoni b'saħħitha tagħna ma' sħab fdati u tal-istess fehma, billi nibdew mill-Istati Uniti. Il-ġimgħa d-dieħla, ser niddiskutu l-prospetti u r-riskji ekonomiċi transatlantiċi. Paschal Donohoe, President tal-Grupp tal-Euro

Euro diġitali – mudelli kummerċjali ta' parteċipanti pubbliċi u privati fl-ekosistema diġitali tal-euro

Abbażi tal-kontribut mill-BĊE u l-Kummissjoni, il-ministri ser jiddiskutu r-rwol tal-parteċipanti pubbliċi u privati fl-ekosistema diġitali tal-euro. F'dan il-kuntest, il-ministri esprimew fehmiethom dwar ir-rwol tal-intermedjarji sorveljati u l-Eurosistema matul il-proċess ta' pagamenti, u dwar mudelli ta' distribuzzjoni possibbli li jiżguraw firxa pan-Ewropea tal-euro diġitali filwaqt li titrawwem ukoll l-innovazzjoni.

Fl-aħħar mill-aħħar, is-suċċess ta' euro diġitali ser jiddependi fuq li jinstab bilanċ fuq diversi dimensjonijiet bħall-konvenjenza għall-utenti finali, l-użabbiltà transfruntiera, jew l-arranġamenti tal-privatezza. F'dak il-kuntest, xi armonizzazzjoni tar-regoli, l-istandards u l-interfaċċi tista' tgħin biex titrawwem l-innovazzjoni u tiġi żgurata esperjenza konsistenti tal-utent tal-euro diġitali fiż-żona tal-euro kollha. Paschal Donohoe, President tal-Grupp tal-Euro

Din id-diskussjoni ssegwi l-pjan ta' ħidma dwar l-euro diġitali, maqbul mill-Grupp tal-Euro fil-laqgħa tiegħu tat-12 ta' Lulju 2021 u mfakkar fid-dikjarazzjoni tiegħu adottata fi Frar 2022.

Dokumenti tal-laqgħat

Stqarrijiet għall-istampa

Tagħrif għall-istampa

Kuntatti għall-istampa

  • Johannes Kleis Spokesperson for Eurogroup President

  • +32 478 83 26 64
  • +32 2 281 75 32

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa

Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.

L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.

Kompli segwina

Laqgħat oħra: Grupp tal-Euro

Ara laqgħat oħrajn

L-aħħar reviżjoni: 14 ta' Jannar 2025