"Il-cookies jintużaw biex intejbu l-esperjenza ta' navigazzjoni tiegħek. Il-cookies meħtieġa huma neċessarji biex jappoġġaw karatteristiċi essenzjali tas-sit web tal-Kunsill. Il-cookies fakultattivi jgħinuna nipproduċu rapporti statistiċi anonimi u aggregati biex naqdu aħjar il-ħtiġijiet tiegħek.
Bil-permess tiegħek, ser nużaw cookies biex nipproduċu data aggregata anonima dwar in-navigazzjoni u l-imġiba tal-viżitaturi fuq is-sit web tagħna. Ser nużaw din id-data biex intejbu l-esperjenza tiegħek tan-navigazzjoni fuq is-sit web tagħna.
Żviluppi ekonomiċi fiż-żona tal-euro u perspettiva għaliha
Il-Grupp tal-Euro mistenni jkollu skambju ta' fehmiet dwar l-aktar żviluppi ekonomiċi reċenti fiż-żona tal-euro u dwar perspettiva għaliha, wara preżentazzjonijiet mill-Kummissjoni Ewropea u l-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE).
Politika fiskali fiż-żona tal-euro: aġġornament dwar l-abbozzi ta' pjanijiet baġitarji
Wara preżentazzjoni mill-Kummissjoni, il-ministri qasmu l-fehmiet tagħhom dwar ix-xenarju ġenerali li jirriżulta mill-abbozzi ta' pjanijiet baġitarji ppreżentati mill-istati membri. Il-ministri biħsiebhom jerġgħu lura għal dan is-suġġett fil-laqgħa tal-Grupp tal-Euro ta' Diċembru.
Miżuri baġitarji biex jiġi mmitigat l-impatt tal-prezzijiet għoljin tal-enerġija
Wara d-dikjarazzjoni tal-Grupp tal-Euro tat-3 ta' Ottubru 2022 dwar ir-rispons tal-politika fiskali għall-prezzijiet għoljin tal-enerġija u l-pressjonijiet inflazzjonarji, u bil-kontribut tal-Kummissjoni, il-ministri komplew id-diskussjoni tagħhom dwar l-isfidi li jiffaċċaw fir-rigward tal-miżuri fil-livell nazzjonali biex itaffu l-impatt tal-prezzijiet għoljin tal-enerġija fuq il-familji u n-negozji vulnerabbli.
Permezz tal-ħidma tal-Kummissjoni, aħna evalwajna l-miżuri u analizzajna l-impatt tagħhom peress li dawn il-miżuri ġew introdotti biex iċ-ċittadini tagħna jżommu djarhom sħan matul ix-xitwa. Skont l-istimi tal-Kummissjoni, il-gvernijiet taż-żona tal-euro sa issa kollettivament nefqu madwar 1.25% tal-PDG taż-żona tal-euro fuq l-appoġġ għall-enerġija għas-sena. Għalhekk madwar €200 biljun. Il-ministri nnutaw l-isfidi tal-appoġġ sinifikanti fil-ġestjoni effettiva tal-kompromess bejn it-tnaqqis tal-inflazzjoni, filwaqt li jingħata appoġġ ukoll kemm lill-familji vulnerabbli kif ukoll lill-kompetittività internazzjonali taż-żona tal-euro. Aħna osservajna wkoll li kwistjoni ewlenija għat-taħlita kumplessiva ta' politika u għall-prospetti baġitarji għas-sena d-dieħla hija x'jiġri jekk il-miżuri jiġu estiżi sar-rebbiegħa u wara. Għalhekk dan ser ikun mument importanti ħafna għall-politika baġitarja għall-perjodu li ġej.
Paschal Donohoe, President tal-Grupp tal-Euro
Il-Grupp tal-Euro analizza l-laqgħat annwali f'Washington, fuq il-bażi ta' rapporti mill-President u l-istituzzjonijiet, kif ukoll mill-presidenzi tal-G7 u tal-Kumitat Monetarju u Finanzjarju Internazzjonali (IMFC).
Punti oħra
Prijoritajiet ta' politika tal-gvern Taljan
Il-Ministru Taljan il-ġdid għall-Affarijiet Ekonomiċi u l-Finanzi, Giancarlo Giorgetti, ippreżenta l-prijoritajiet ta' politika tal-gvern Taljan il-ġdid. Din hija prattika standard fil-Grupp tal-Euro meta gvern ġdid jidħol fil-kariga.
Il-proċess tal-elezzjoni tal-President tal-Grupp tal-Euro
Il-Grupp tal-Euro nieda l-proċess tal-elezzjoni għall-President tal-Grupp tal-Euro.
Fil-laqgħa tagħna tal-lum, qbilna li din l-elezzjoni ser issir fil-laqgħa li jmiss tal-Grupp tal-Euro fil-5 ta' Diċembru. Il-ministri li kienu lesti li joħorġu għall-elezzjoni ġew mistiedna jgħarrfu dwar l-intenzjoni tagħhom sal-24 ta' Novembru.
Paschal Donohoe, President tal-Grupp tal-Euro
Rappurtar dwar attivitajiet reċenti tal-Bord Uniku ta' Riżoluzzjoni
Fil-format tal-unjoni bankarja, il-ministri kellhom l-iskambju ta' fehmiet regolari tagħhom ma' Andrea Enria, President tal-Bord Superviżorju tal-BĊE, u Elke König, President tal-Bord Uniku ta' Riżoluzzjoni. Huma ddiskutew l-iżviluppi, l-isfidi u l-opportunitajiet fis-settur bankarju fl-ambjent ekonomiku, ġeopolitiku u tas-swieq finanzjarji attwali.
Ġejjin xi sfidi tassew importanti. Għal bosta snin, il-banek tagħna operaw f'ambjent b'rati tal-imgħax baxxi u inflazzjoni baxxa, u dan issa qed jinbidel b'ritmu li mhux ħafna kienu jbassru. L-istampa usa' ta' inflazzjoni, taqlib ekonomiku u inkwiet ġeopolitiku ser ikollha impatt ukoll fuq il-banek tagħna u s-settur finanzjarju b'mod aktar wiesa'. Għalhekk jeħtieġ li nżommu politiki sodi u nkomplu l-monitoraġġ bir-reqqa tagħna.
Paschal Donohoe, President tal-Grupp tal-Euro
Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.
L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.