"Il-cookies jintużaw biex intejbu l-esperjenza ta' navigazzjoni tiegħek. Il-cookies meħtieġa huma neċessarji biex jappoġġaw karatteristiċi essenzjali tas-sit web tal-Kunsill. Il-cookies fakultattivi jgħinuna nipproduċu rapporti statistiċi anonimi u aggregati biex naqdu aħjar il-ħtiġijiet tiegħek.
Bil-permess tiegħek, ser nużaw cookies biex nipproduċu data aggregata anonima dwar in-navigazzjoni u l-imġiba tal-viżitaturi fuq is-sit web tagħna. Ser nużaw din id-data biex intejbu l-esperjenza tiegħek tan-navigazzjoni fuq is-sit web tagħna.
Filmat tal-punti ewlenin mil-laqgħa tal-Grupp tal-Euro li saret fi Brussell fit-13 ta' Marzu 2023
L-iżviluppi makroekonomiċi u fiskali fiż-żona tal-euro
Il-Grupp tal-Euro evalwa l-iżviluppi makroekonomiċi u fiskali fiż-żona tal-euro u qasam fehmiet dwar il-gwida għall-politika fiskali għall-2023 u l-2024. Fit-8 ta' Marzu, il-Kummissjoni adottat komunikazzjoni li tipprovdi gwida lill-istati membri rigward it-twettiq u l-koordinazzjoni tal-politika fiskali fl-2024.
Il-Grupp tal-Euro adotta dikjarazzjoni dwar il-gwida għall-politika fiskali.
Qbilna li l-politiki fiskali għandu jkollhom l-għan li jiżguraw is-sostenibbiltà tad-dejn fit-terminu medju filwaqt li jżidu l-potenzjal tat-tkabbir b'mod sostenibbli. Aħna għarafna l-ħtieġa li jiġu indirizzati t-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, iżda bgħatna sinjali importanti rigward it-tfassil ta' miżuri baġitarji u l-ħtieġa li jiġu evitati miżuri permanenti li jżidu d-defiċit bħala element importanti fit-tħejjija għall-baġits għas-sena d-dieħla.
Paschal Donohoe, President tal-Grupp tal-Euro
Il-ministri ddiskutew kwistjonijiet ewlenin għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika globali, bi tħejjija għal-laqgħat tar-rebbiegħa li jmiss tal-Grupp tal-Bank Dinji u l-Fond Monetarju Internazzjonali. Dan inkluda r-rendikont standard tal-iżviluppi fir-rata tal-kambju matul dawn l-aħħar xhur.
Barra minn hekk, il-Kummissjoni infurmat lill-Grupp tal-Euro dwar il-laqgħa tal-ministri għall-finanzi u l-gvernaturi tal-banek ċentrali tal-G7, li saret fi Frar.
Il-Grupp tal-Euro qasam fehmiet dwar l-iżviluppi fl-inflazzjoni, inkluż il-fatturi ewlenin li jikkawżaw l-inflazzjoni fiż-żona tal-euro u s-sitwazzjoni fi stati membri individwali. Id-diskussjoni bniet fuq nota mis-servizzi tal-Kummissjoni, nota ta' analiżi mis-segretarjat u l-fehmiet tal-Bank Ċentrali Ewropew.
Dan is-suġġett qatt ma jkun nieqes mid-diskussjonijiet ta' politika tagħna, u llum kien opportunità biex nidħlu aktar fil-fond fiċ-ċifri tal-inflazzjoni, biex inħarsu lejn l-analiżi tal-Kummissjoni, biex nevalwaw firxa ta' pressjonijiet fuq il-prezzijiet li qed jippersistu anke wara li l-prezzijiet tal-enerġija niżlu mill-ogħla livelli tagħhom; u pprovda wkoll opportunità politika oħra għall-ministri biex jaqsmu l-esperjenzi tagħhom meta jindirizzaw din l-isfida kbira u anki biex jiżviluppaw aktar l-aħjar prattika.
Paschal Donohoe, President tal-Grupp tal-Euro
Il-Grupp tal-Euro reġa' lura għall-aspetti tar-rieżami tal-governanza ekonomika relatati maż-żona tal-euro, u approva l-partijiet tal-abbozz ta' konklużjonijiet tal-Kunsill dwar dan ir-rieżami li huma relatati maż-żona tal-euro.
Abbażi tad-dikjarazzjoni maqbula mill-Grupp tal-Euro fis-16 ta' Jannar, il-ministri qasmu fehmiet dwar l-objettivi politiċi strateġiċi ta' euro diġitali abbażi ta' nota ta' analiżi mis-segretarjat.
Wara ħafna xhur ta' valutazzjoni tat-tfassil potenzjali ta' euro diġitali, il-ministri xtaqu jerġgħu jirriflettu dwar l-istampa aktar ġenerali qabel proposta leġiżlattiva mill-Kummissjoni u d-deċiżjoni tal-BĊE dwar jekk għandhomx jimxu għall-fażi li jmiss. Aħna ħadna nota tar-raġunijiet għaliex l-euro diġitali huwa prijorità għolja għall-unjoni monetarja tagħna. Dawn il-kwistjonijiet jinvolvu kwistjonijiet bħall-preferenzi tal-konsumatur, il-provvediment ta' ġid pubbliku fil-forma ta' soluzzjonijiet ta' pagament pan-Ewropej u kif nistgħu nippreservaw u napprofondixxu l-awtonomija monetarja u ekonomika Ewropea. Ikkonfermajna wkoll li ser inkomplu l-ħidma tagħna biex nipprovdu bażi demokratika u politika soda għal dak il-proġett, u ttrattajna xi wħud mill-implikazzjonijiet tal-għoti ta' status ta' valuta legali lill-euro diġitali.
Paschal Donohoe, President tal-Grupp tal-Euro
Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.
L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.