"Il-cookies jintużaw biex intejbu l-esperjenza ta' navigazzjoni tiegħek. Il-cookies meħtieġa huma neċessarji biex jappoġġaw karatteristiċi essenzjali tas-sit web tal-Kunsill. Il-cookies fakultattivi jgħinuna nipproduċu rapporti statistiċi anonimi u aggregati biex naqdu aħjar il-ħtiġijiet tiegħek.
Bil-permess tiegħek, ser nużaw cookies biex nipproduċu data aggregata anonima dwar in-navigazzjoni u l-imġiba tal-viżitaturi fuq is-sit web tagħna. Ser nużaw din id-data biex intejbu l-esperjenza tiegħek tan-navigazzjoni fuq is-sit web tagħna.
Tkabbir taż-żona tal-euro: aġġornament dwar il-bidla tal-flus kontanti tal-euro fil-Kroazja
Il-Grupp tal-Euro laqa' lill-Kroazja bħala l-20 pajjiż membru tiegħu
Il-Grupp tal-Euro fakkar l-okkażjoni partikolari tal-adeżjoni tal-Kroazja mal-euro. Il-ministru Kroat, il-Kummissjoni u l-BĊE aġġornaw lill-ministri dwar is-sitwazzjoni attwali tal-bidla għall-euro.
Issa aħna familja tal-Euro li għandha 20 membru tal-familja, li huwa sinjal mhux biss tar-reżiljenza u s-saħħa kontinwa tal-euro - kemm issa kif ukoll fis-snin li ġejjin - iżda huwa wkoll rikonoxximent tal-ħidma eċċezzjonali li twettqet mill-awtoritajiet Kroati u l-gvern tal-Kroazja biex jimplimentaw din it-tranżizzjoni kumplessa ħafna b'tant suċċess.
Kien pjaċir kbir li nilqgħu lil Marko Primorac bħala membru sħiħ tal-grupp tagħna u lkoll ninsabu ħerqana li naħdmu mill-qrib miegħu.
Paschal Donohoe, President tal-Grupp tal-Euro
Euro diġitali - rendikont dwar il-progress tal-proġett
Il-Grupp tal-Euro qies il-progress tal-proġett tal-euro diġitali u ddiskuta t-triq 'il quddiem. Il-ministri adottaw stqarrija tal-Grupp tal-Euro li tiġbor fil-qosor il-fehmiet espressi dwar is-suġġetti ta' politika diskussi s'issa u tiddeskrivi l-kontinwazzjoni tal-involviment tal-Grupp tal-Euro f'dan il-proġett.
Wara 18-il xahar ta' diskussjonijiet dettaljati ħafna b'rabta ma' fergħat differenti ta' dan il-proġett, ħadna ftit taż-żmien biex nirriflettu dwar il-ħidma li seħħet, dwar fejn ninsabu issa, u dwar il-fehmiet tal-Grupp tal-Euro dwar oqsma ewlenin ta' dan il-proġett. Dak li qed nippjanaw li nagħmlu huwa li nkomplu bl-impenn politiku tagħna mal-BĊE u mal-Kummissjoni hekk kif dawn jimxu 'l quddiem fil-proċessi tagħhom, għaliex dak li l-Grupp tal-Euro rrikonoxxa llum huwa li ħafna deċiżjonijiet li jridu jsiru huma intrinsikament politiċi.
Paschal Donohoe, President tal-Grupp tal-Euro
Is-sitwazzjoni ekonomika u r-reviżjoni mill-FMI tal-Artikolu IV tal-politiki taż-żona tal-euro – żjara interim tal-persunal
Il-Fond Monetarju Internazzjonali ppreżenta r-riżultat taż-żjara interim tal-persunal tiegħu fiż-żona tal-euro skont l-Artikolu IV. Ir-rieżami tal-FMI huwa mistenni li jintemm sa nofs l-2023. Il-ministri ngħataw informazzjoni wkoll mill-istituzzjonijiet dwar il-valutazzjoni tagħhom tal-aħħar żviluppi u prospetti makroekonomiċi.
Ir-rieżami tal-Artikolu IV dwar iż-żona tal-euro huwa eżerċizzju regolari li fih il-FMI jirrevedi l-iżviluppi ekonomiċi, jikkonsulta ma' dawk li jfasslu l-politika taż-żona tal-euro u jipprovdi pariri mmirati ta' politika. Id-diskussjonijiet fil-Grupp tal-Euro huma opportunità siewja għal skambju ta' fehmiet dwar l-iżviluppi attwali u l-isfidi emerġenti.
Il-ministri komplew l-eżerċizzju ta' koordinazzjoni tagħhom dwar il-politika fiskali billi ffukaw fuq il-miżuri ta' appoġġ għall-enerġija, bi preżentazzjoni ta' studji tal-każijiet. Il-ministri Franċiżi u Netherlandiżi ppreżentaw l-esperjenza nazzjonali tagħhom u pprovdew bażi għall-Grupp tal-Euro biex jiddiskuti l-isfidi ffaċċjati fit-tfassil u l-implimentazzjoni ta' miżuri biex jittaffa l-impatt taż-żieda qawwija fil-prezz tal-enerġija fuq l-unitajiet domestiċi u d-ditti.
Konxji li hekk kif nersqu lejn it-tieni kwart ta' din is-sena, il-ministri tal-finanzi u l-gvernijiet ser ikunu qed jieħdu deċiżjonijiet dwar l-estensjoni tal-miżuri u jew is-sura tagħhom. Aħna grati lejn il-ministri Netherlandiżi u Franċiżi għall-ħidma li ppreżentawlna rigward il-ħsieb tagħhom dwar kif ser imexxu din it-tranżizzjoni matul din is-sena. Ser inkomplu b'din il-ħidma u qed nittamaw li hekk kif noqorbu l-laqgħa tagħna f'Marzu, ser inkunu f'pożizzjoni li niddiskutu l-gwida fiskali għall-2024, u naraw ukoll x'opportunitajiet hemm għal koordinazzjoni aħjar tad-deċiżjonijiet li ser isiru hekk kif nersqu lejn is-sajf.
Paschal Donohoe, President tal-Grupp tal-Euro
Aspetti taż-żona tal-euro tar-rieżami tal-governanza ekonomika
Il-ministri ddiskutew l-aspetti taż-żona tal-euro tar-rieżami tal-governanza ekonomika, bħall-eżerċizzju tal-abbozz tal-pjanijiet baġitarji, il-pożizzjoni fiskali taż-żona tal-euro u l-istabbilizzazzjoni makroekonomika, kif ukoll il-proċess ta' sorveljanza ta' wara l-programm u l-applikazzjoni tal-Proċedura ta' Żbilanċi Makroekonomiċi għall-istati membri taż-żona tal-euro.
Qbilna ma' għadd ta' proposti fl-orjentazzjonijiet tal-Kummissjoni marbutin speċifikament maż-żona tal-euro, partikolarment fil-qasam tal-abbozzi tal-pjanijiet baġitarji u l-qafas ta' sorveljanza ta' wara l-programm. Id-diskussjonijiet dwar il-kwistjonijiet usa' fil-qafas tal-governanza ekonomika ser ikomplu, iżda l-aktar fil-Kunsill ECOFIN.
Paschal Donohoe, President tal-Grupp tal-Euro
Il-ministri ddiskutew l-abbozz ta' rakkomandazzjonijiet dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro għall-2023, qabel l-approvazzjoni tagħhom fil-Kunsill Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji. Abbażi tal-proposti tal-Kummissjoni, il-Kunsill jindirizza rakkomandazzjonijiet annwali dwar il-politika ekonomika liż-żona tal-euro kollha kemm hi fis-Semestru Ewropew. Ir-rakkomandazzjonijiet l-ewwel jiġu diskussi fil-Grupp tal-Euro u jiġu adottati formalment mill-Kunsill wara li jiġu approvati mill-Kunsill Ewropew fil-laqgħa tiegħu f'Marzu.
Il-ministru Latvjan ippreżenta l-prijoritajiet ta' politika tal-gvern Latvjan ġdid. Din hija prattika standard fil-Grupp tal-Euro meta jiġi ffurmat gvern ġdid.
Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.
L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.