Skip to content
  • Kunsill Affarijiet Ġenerali

Kunsill Affarijiet Ġenerali, 25 ta' Frar 2020

Riżultati ewlenin

Relazzjonijiet bejn l-UE u r-Renju Unit

Il-Kunsill adotta deċiżjoni li tawtorizza l-ftuħ ta' negozjati għal sħubija ġdida mar-Renju Unit u nnomina formalment lill-Kummissjoni bħala n-negozjatur tal-UE. Il-Kunsill adotta wkoll direttivi ta' negozjati li jikkostitwixxu mandat lill-Kummissjoni biex tinnegozja.

Andreja Metelko-Zgombić, Segretarju tal-Istat għall-Affarijiet Ewropej tal-Kroazja
Il-Kunsill adotta mandat ċar u qawwi għan-negozjatur tagħna, Michel Barnier. Dan jikkonferma li aħna lesti noffru sħubija ambizzjuża, estensiva u bilanċjata lir-Renju Unit għall-benefiċċju taż-żewġ naħat. L-UE issa tinsab lesta biex tibda n-negozjati.
Andreja Metelko-Zgombić, Segretarju tal-Istat għall-Affarijiet Ewropej tal-Kroazja
Andreja Metelko-Zgombić, Segretarju tal-Istat għall-Affarijiet Ewropej tal-Kroazja

L-ewwel laqgħa formali bejn in-negozjaturi tal-UE u dawk tar-Renju Unit mistennija li ssir fil-bidu ta' Marzu. Il-ministri tal-UE ddiskutew ukoll il-passi li jmiss fir-relazzjoni bejn l-UE u r-Renju Unit.

Kunsill Ewropew ta' Marzu

Il-ministri bdew it-tħejjijiet għal-laqgħa tal-Kunsill Ewropew tas-27 u t-28 ta' Marzu billi ddiskutew abbozz ta' aġenda annotata.

Fil-laqgħa tagħhom f'Marzu, il-mexxejja tal-UE ser jiddiskutu kif tista' tissaħħaħ il-bażi ekonomika tal-UE. Huma ser ikollhom ukoll skambju ta' fehmiet dwar il-politika diġitali tal-UE.

Skont il-konklużjonijiet tiegħu ta' Ottubru 2019, il-Kunsill Ewropew ser jerġa' lura għall-kwistjoni tat-tkabbir. Taħt relazzjonijiet esterni, huwa ser ikollu skambju ta' fehmiet dwar it-tħejjijiet għas-summit tal-Balkani tal-Punent li għandu jsir f'Zagreb f'Mejju. Il-mexxejja ser jorganizzaw ukoll diskussjoni strateġika dwar ir-relazzjonijiet bejn l-UE u ċ-Ċina.

L-UE qablet dwar il-mandat ta' negozjar tagħha u tinsab lesta li tibda taħditiet mar-Renju Unit dwar sħubija ambizzjuża.

Tkabbir

Il-Kummissjoni ppreżentat lill-ministri l-proposti tagħha għal metodoloġija riveduta tat-tkabbir.

Il-proposti ġew stabbiliti fil-komunikazzjoni tagħha tal-5 ta' Frar 2020 dwar ''It-titjib tal-proċess tal-adeżjoni - Perspettiva kredibbli tal-UE għall-Balkani tal-Punent''. L-għan ġenerali tagħhom huwa li tissaħħaħ il-kredibbiltà u l-fiduċja fuq iż-żewġ naħat u li jinkisbu riżultati aħjar fil-prattika.

Il-Kummissjoni issa hija mistennija tippreżenta aġġornamenti dwar il-proċess ta' riforma fl-Albanija u fir-Repubblika tal-Maċedonja ta' Fuq. Il-presidenza biħsiebha twitti t-triq, abbażi ta' dawk l-aġġornamenti u l-metodoloġija riveduta, għal diskussjoni informata u komprensiva bil-ħsieb li tittieħed deċiżjoni pożittiva dwar dawk iż-żewġ pajjiżi. Andreja Metelko-Zgombić, Segretarju tal-Istat għall-Affarijiet Ewropej tal-Kroazja

Programmazzjoni leġislattiva

Il-Kunsill iddiskuta l-ħidma leġislattiva fl-2020 u l-programmazzjoni pluriennali, li ser isiru għall-ewwel darba mal-Kummissjoni 2019-2024.

Kemm l-eżerċizzji ta' programmazzjoni annwali kif ukoll dawk pluriennali huma previsti fil-ftehim interistituzzjonali dwar it-tfassil aħjar tal-liġijiet, li ntlaħaq qbil dwaru fl-2016. L-għan tagħhom huwa li tittejjeb il-kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew fit-tfassil u t-twettiq tal-aġenda politika tal-UE.

Il-ministri ddeskrivew il-fehmiet tagħhom dwar l-oqsma u l-proposti leġislattivi li għandhom jiġu inklużi fid-dikjarazzjoni konġunta dwar il-prijoritajiet leġislattivi tal-UE għall-2020. Huma ddiskutew ukoll liema objettivi ewlenin tal-politika jistgħu jiġu inklużi fil-programm pluriennali u kif tiġi sorveljata l-implimentazzjoni tal-konklużjonijiet konġunti, li għandhom jitfasslu mit-tliet istituzzjonijiet.

Abbażi tad-dibattitu, ser jibdew in-negozjati interistituzzjonali rigward id-dikjarazzjoni konġunta dwar il-prijoritajiet leġislattivi tal-UE għall-2020. Il-Kunsill huwa mistenni li japprova dik id-dikjarazzjoni fil-laqgħa tiegħu tal-24 ta' Marzu u jirritorna għall-programm pluriennali f'Mejju.

Mekkaniżmu Ewropew tal-istat tad-dritt

Taħt ''affarijiet oħra'', il-Kummissjoni infurmat lill-ministri dwar it-tħejjijiet li għaddejjin bħalissa għaċ-ċiklu u rapport annwali tal-istat tad-dritt, ippreżentati fil-komunikazzjoni tagħha tas-17 ta' Lulju 2019.

Il-Kummissjoni ffokat fuq il-metodoloġija li biħsiebha ssegwi biex tħejji r-rapport tagħha u l-informazzjoni li tippjana li tiġbor. Hija enfasizzat l-intenzjoni tagħha li tinvolvi kemm jista' jkun mill-qrib lill-istati membri fil-proċess.

Dokumenti tal-laqgħat

Stqarrijiet għall-istampa

Tagħrif għall-istampa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa

Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.

L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.

Kompli segwina

Laqgħat oħra: Kunsill Affarijiet Ġenerali

Ara laqgħat oħrajn

L-aħħar reviżjoni: 8 ta' Jannar 2025