Skip to content
  • Kunsill Affarijiet Ġenerali

Kunsill Affarijiet Ġenerali, 28/01/2020, 28 ta' Jannar 2020

Riżultati ewlenin

Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa

Il-ministri kellhom skambju ta' fehmiet dwar il-Konferenza proposta dwar il-Futur tal-Ewropa li mistennija tibda fl-2020 u tintemm fl-2022.

Il-Kunsill Ewropew ikkunsidra l-idea ta' konferenza bħal din fil-laqgħa tiegħu tat-12 ta' Diċembru 2019. Huwa talab lill-presidenza Kroata biex taħdem għal definizzjoni ta' pożizzjoni tal-Kunsill dwar il-kontenut, l-ambitu, il-kompożizzjoni u l-funzjonament tal-konferenza u biex, abbażi ta' dan, taħdem mal-Parlament Ewropew u mal-Kummissjoni.

Matul id-diskussjoni, il-ministri enfasizzaw l-importanza li ċ-ċittadini jitqiegħdu fil-qalba tal-konferenza u li jkun hemm fokus fuq kwistjonijiet li huma verament importanti għalihom. Kif issottolinjat fil-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta' Diċembru, għandha tingħata prijorità lill-implimentazzjoni tal-Aġenda Strateġika għall-2019-2024 u l-kisba ta' riżultati konkreti. Il-Konferenza għandha tikkontribwixxi għall-iżvilupp tal-politiki tal-UE fuq perjodu medju u fit-tul sabiex jiġu indirizzati aħjar l-isfidi li qed tiffaċċa l-Ewropa. Filwaqt li jibni fuq is-suċċess tad-djalogi taċ-ċittadini li seħħew matul dawn l-aħħar sentejn, il-proċess għandu jinvolvi firxa wiesgħa ta' partijiet ikkonċernati u gruppi biex jiġi żgurat li l-fehmiet u l-opinjonijiet differenti jkunu rappreżentati.

Andreja Metelko-Zgombić, Segretarju tal-Istat għall-Affarijiet Ewropej tal-Kroazja
Iċ-ċittadini għandhom ikunu fiċ-ċentru tad-diskussjonijiet dwar il-futur tal-Ewropa - kif nistgħu nindirizzaw l-isfidi attwali u futuri u x'tip ta' Ewropa rridu. Il-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa ser tipprovdi opportunità siewja biex issir riflessjoni dwar dawn il-kwistjonijiet. Huwa importanti li wieħed jisma' l-opinjonijiet u l-fehmiet differenti b'mod li tinbena l-fiduċja u jiġi żgurat li l-UE effettivament tissodisfa l-aspettattivi taċ-ċittadini.
Andreja Metelko-Zgombić, Segretarju tal-Istat għall-Affarijiet Ewropej tal-Kroazja
Andreja Metelko-Zgombić, Segretarju tal-Istat għall-Affarijiet Ewropej tal-Kroazja

Il-ministri esprimew ukoll il-fehmiet tagħhom dwar l-organizzazzjoni dettaljata tal-konferenza. Bosta kelliema enfasizzaw il-ħtieġa li tiġi żgurata rappreżentazzjoni bilanċjata tat-tliet istituzzjonijiet tal-UE u li jiġu involuti b'mod sħiħ il-parlamenti nazzjonali. Diversi ministri esprimew ukoll il-preferenza tagħhom għal governanza ħafifa u sempliċi tal-proċess tal-konferenza.

Il-presidenza kkonkludiet li d-diskussjonijiet ikomplu wara l-laqgħa tal-Kunsill bil-ħsieb li tiġi definita l-pożizzjoni tal-Kunsill dwar il-konferenza u l-involviment mal-istituzzjonijiet l-oħra tal-UE.

Prijoritajiet tal-Presidenza

Il-Presidenza Kroata ppreżentat ukoll il-prijoritajiet u l-programm ta' ħidma għas-sitt xhur li ġejjin.

Fil-qasam tal-affarijiet ġenerali, il-prijoritajiet ewlenin tal-presidenza jinkludu dan li ġej:

  • progress fil-ħidma dwar leġislazzjoni settorjali u orizzontali marbuta mal-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss
  • it-tkomplija ta' politika ta' tkabbir kredibbli u effettiva lejn il-Balkani tal-Punent u l-organizzazzjoni ta' summit informali bejn l-UE u l-Balkani tal-Punent f'Zagreb f'Mejju 2020
  • it-trawwim ta' koeżjoni ekonomika u soċjali u progress fin-negozjati dwar il-pakkett leġislattiv tal-politika ta' koeżjoni taħt il-QFP
  • l-iffaċilitar tal-ħruġ ordnat tar-Renju Unit mill-UE u l-bidu ta' negozjati dwar sħubija futura
  • il-promozzjoni tal-UE bħala komunità ta' valuri

Dokumenti tal-laqgħat

Stqarrijiet għall-istampa

Tagħrif għall-istampa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa

Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.

L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.

Kompli segwina

Laqgħat oħra: Kunsill Affarijiet Ġenerali

Ara laqgħat oħrajn

L-aħħar reviżjoni: 8 ta' Jannar 2025