"Il-cookies jintużaw biex intejbu l-esperjenza ta' navigazzjoni tiegħek. Il-cookies meħtieġa huma neċessarji biex jappoġġaw karatteristiċi essenzjali tas-sit web tal-Kunsill. Il-cookies fakultattivi jgħinuna nipproduċu rapporti statistiċi anonimi u aggregati biex naqdu aħjar il-ħtiġijiet tiegħek.
Bil-permess tiegħek, ser nużaw cookies biex nipproduċu data aggregata anonima dwar in-navigazzjoni u l-imġiba tal-viżitaturi fuq is-sit web tagħna. Ser nużaw din id-data biex intejbu l-esperjenza tiegħek tan-navigazzjoni fuq is-sit web tagħna.
Vidjokonferenza tal-ministri għall-affarijiet Ewropej, 17 ta' Novembru 2020
Riżultati ewlenin
Djalogu dwar l-istat tad-dritt
Il-ministri kellhom għall-ewwel darba dibattitu bħala parti mid-djalogu dwar l-istat tad-dritt annwali, li ffoka fuq is-sitwazzjoni f'ħames stati membri speċifiċi. Il-Belġju, il-Bulgarija, iċ-Ċekja, id-Danimarka u l-Estonja kienu l-ewwel pajjiżi li fihom ġew eżaminati l-iżviluppi ewlenin [ordni tal-protokoll].
Wieħed mill-elementi tad-diskussjoni kien l-ewwel rapport annwali tal-Kummissjoni Ewropea fejn jidħol l-istat tad-dritt, maħruġ f'Settembru li għadda, li kopra erba' suġġetti: is-sistemi tal-ġustizzja; il-qafas kontra l-korruzzjoni; il-pluraliżmu tal-media; kwistjonijiet istituzzjonali oħra marbuta ma' kontrolli u bilanċi.
Id-diskussjoni speċifika għall-pajjiż hija element kompletament ġdid fid-Djalogu dwar l-Istat tad-Dritt annwali tal-Kunsill. L-intenzjoni hija li tinħoloq atmosfera pożittiva u kostruttiva, fejn jistgħu jiġu identifikati żviluppi problematiċi qabel ma jkun tard wisq u fejn jistgħu jiġu skambjati l-aħjar prattiki. B'hekk nixtiequ nistabbilixxu djalogu preventiv u niżviluppaw fehim komuni dwar l-istat tad-dritt, li jappartjeni għall-qalba tal-valuri tal-UE.
Michael Roth, Ministru tal-Istat għall-Ewropa tal-Ġermanja
Il-presidenza Ġermaniża infurmat lill-ministri dwar is-sitwazzjoni attwali tad-diskussjonijiet dwar il-pożizzjoni ġenerali tal-UE u l-proċeduri għan-negozjati tal-adeżjoni fir-rigward tar-Repubblika tal-Maċedonja ta' Fuq u r-Repubblika tal-Albanija. Huwa meħtieġ qafas ta' negozjar sabiex jinfetħu formalment it-taħditiet ta' adeżjoni ma' pajjiż kandidat. L-għan tal-presidenza huwa li l-oqfsa ta' negozjar u l-arranġamenti interni jiġu approvati fil-ħin biex ikunu jistgħu jsiru l-ewwel konferenzi intergovernattivi maż-żewġ pajjiżi kandidati fl-2020, jekk jiġu ssodisfati l-kondizzjonijiet, peress li dan huwa l-pass li uffiċjalment iniedi l-proċedura.
Il-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss u l-pakkett għall-irkupru
Il-ministri evalwaw l-iżviluppi rigward il-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) li jmiss u l-pakkett għall-irkupru.
Fil-5 ta' Novembru, il-presidenza u n-negozjaturi tal-Parlament Ewropew laħqu qbil proviżorju dwar reġim ġenerali ta' kondizzjonalità ġdid biex jiġi protett il-baġit tal-UE. Il-kuntatti trilaterali mal-Parlament Ewropew u mal-Kummissjoni bil-għan li jiżguraw l-approvazzjoni tal-Parlament għar-Regolament QFP ġew konklużi fl-10 ta' Novembru. Dan ippermetta li l-pakkett sħiħ jiġi ppreżentat lill-istati membri għall-approvazzjoni.
Matul id-diskussjoni, il-ministri ddispjaċihom li kienu feġġew ostakli ġodda fil-proċess ta' approvazzjoni, li kienu qed ipoġġu f'riskju l-adozzjoni f'waqtha tal-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss u l-pakkett għall-irkupru. Diversi kelliema ssottolinjaw il-gravità tas-sitwazzjoni u appellaw għal approċċ responsabbli minn kulħadd fl-isfond tat-tieni mewġa tal-pandemija tal-COVID-19, li għamlet il-programmi u l-appoġġ finanzjarju tal-UE partikolarment importanti għaċ-ċittadini, in-negozji u l-irkupru ekonomiku.
Il-ministri ddiskutew l-aġenda għal-laqgħa tal-Kunsill Ewropew li għandha ssir fl-10-11 ta' Diċembru. Il-Kunsill Ewropew ser jevalwa s-sitwazzjoni u jiddiskuti l-isforz ta' koordinazzjoni ġenerali li twettaq b'rispons għall-pandemija tal-COVID-19, inkluż il-ħidma fuq il-vaċċini u l-ittestjar.
Il-Kunsill Ewropew ser jerġa' lura għall-kwistjoni tat-tibdil fil-klima bil-ħsieb li jintlaħaq qbil dwar mira ġdida tal-UE għat-tnaqqis tal-emissjonijiet għall-2030 u ser jindirizza kwistjonijiet tas-sigurtà u b'mod partikolari l-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-estremiżmu vjolenti.
Il-Kunsill Ewropew ser jerġa' lura wkoll għall-kwistjoni tas-sitwazzjoni fil-Lvant tal-Mediterran u r-relazzjonijiet mat-Turkija.
Il-Kunsill Ewropew ser ikollu diskussjoni strateġika dwar ir-relazzjonijiet tal-UE mal-Viċinat tan-Nofsinhar.
Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.
L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.