Skip to content
  • Summit Internazzjonali

Laqgħa b'vidjokonferenza bejn il-mexxejja tal-UE u l-Ġappun, 26 ta' Mejju 2020

Riżultati ewlenin

Fis-26 ta' Mejju 2020, il-laqgħa bejn il-mexxejja tal-UE u l-Ġappun saret permezz ta' vidjokonferenza.

Is-sħubija bejn l-UE u l-Ġappun hija b'saħħitha u vibranti. Qed naħdmu id f'id biex negħlbu l-COVID-19. L-UE u l-Ġappun jaqsmu valuri komuni: il-multilateraliżmu, l-istat tad-dritt, id-demokrazija u t-twemmin li l-isfidi globali jeħtieġu tweġibiet globali Charles Michel, President tal-Kunsill Ewropew

Il-President tal-Kunsill Ewropew, Charles Michel, u l-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula von der Leyen, irrappreżentaw lill-UE. Il-Ġappun kien rappreżentat mill-Prim Ministru Shinzō Abe.

Il-mexxejja ħarġu stqarrija għall-istampa konġunta:

COVID-19

Il-mexxejja għarfu li solidarjetà globali, kooperazzjoni u multilateraliżmu effettiv huma meħtieġa aktar minn qatt qabel biex jinqered il-virus kif ukoll biex jiġi żgurat l-irkupru ekonomiku. Huma enfasizzaw ukoll l-importanza:

  • li jiġu protetti l-ħajjiet
  • li jittaffew il-konsegwenzi soċjali u ekonomiċi
  • li tiġi promossa l-koordinazzjoni globali f'diversi fora internazzjonali bħall-G7, il-G20 u s-sistema tan-Nazzjonijiet Uniti
  • li tingħata assistenza lill-pajjiżi u l-komunitajiet vulnerabbli fil-bżonn

Reżiljenza

Il-mexxejja enfasizzaw l-importanza tat-tisħiħ tal-istat ta' tħejjija u tat-titjib tar-rispons internazzjonali inkluż permezz ta' organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti filwaqt li jiġi affermat mill-ġdid ir-rwol tad-WHO fil-koordinazzjoni tal-ġlieda kontra l-pandemija tal-COVID-19.

Il-mexxejja affermaw mill-ġdid l-impenn tagħhom għal kollaborazzjoni globali u finanzjament sostnut għall-iżvilupp ta' mediċini, dijanjostika, trattamenti u vaċċini antivirali effettivi sabiex dawn jitqiegħdu għad-dispożizzjoni ta' kulħadd bi prezz affordabbli. Huma appellaw biex il-vaċċin futur kontra l-COVID-19 isir ġid komuni globali.

Strateġija ta' rkupru

Il-mexxejja tal-UE u tal-Ġappun enfasizzaw id-determinazzjoni tagħhom li jiżguraw irkupru robust u jibnu mill-ġdid ekonomiji aktar sostenibbli, inklussivi u reżiljenti.

Huma enfasizzaw li t-tranżizzjoni ekoloġika u t-trasformazzjoni diġitali ser ikunu parti mill-istrateġija ta' rkupru.

Il-mexxejja impenjaw ruħhom ukoll biex jaġġustaw ir-reazzjonijiet ekonomiċi tagħhom, bl-użu tal-għodod ta' politika rilevanti kollha, inkluż għodod diġitali, biex jipprevjenu t-tixrid ta' infezzjonijiet filwaqt li jiżguraw il-privatezza u s-sigurtà.

Huma ssottolinjaw l-importanza li s-sistema ta' negozjar tinżamm miftuħa u impenjaw ruħhom li jikkooperaw biex jiffaċilitaw il-fluss ta' provvisti mediċi, prodotti agrikoli, materja prima u oġġetti u servizzi oħra. Huma qablu li kwalunkwe miżura ta' emerġenza meħtieġa mfassla biex tindirizza l-COVID-19 ma għandhiex toħloq ostakli bla bżonn għall-kummerċ jew tfixkil għal ktajjen ta' provvista globali.

L-UE u l-Ġappun qablu li jgħinu lill-pajjiżi l-anqas żviluppati, inkluż fl-Afrika u f'reġjuni vulnerabbli oħra, biex jiffaċċjaw l-impatt tal-kriżi u jsaħħu s-sistemi tal-kura tas-saħħa tagħhom.

Sħubija strateġika bejn il-Ġappun u l-UE

Il-mexxejja ddiskutew ukoll is-sitwazzjoni ġeopolitika fid-dawl tal-pandemija tal-COVID-19. Huma qablu li jintensifikaw il-kooperazzjoni biex:

  • tissaħħaħ il-kooperazzjoni prattika f'oqsma bħaċ-ċibersigurtà, il-ġlieda kontra t-theddid ibridu u l-ġlieda kontra t-terroriżmu
  • jiġi ffaċilitat l-aċċess għal informazzjoni trasparenti, f'waqtha, affidabbli u bbażata fuq il-fatti
  • tiġi miġġielda d-diżinformazzjoni, f'konformità mal-prinċipji kondiviżi bħal-libertà ta' espressjoni u l-istat tad-dritt

Il-mexxejja affermaw mill-ġdid l-impenn tagħhom għal sħubija strateġika bejn il-Ġappun u l-UE biex jiġu indirizzati l-effetti tal-pandemija tal-COVID-19 u sfidi komuni oħra. Huma esprimew ukoll id-determinazzjoni tagħhom li jkomplu jimplimentaw il-Ftehim ta' Sħubija Strateġika bejn il-Ġappun u l-UE u l-Ftehim ta' Sħubija Ekonomika.

Passi futuri

Il-mexxejja jistennew b'interess li jkollhom summit, meta l-kundizzjonijiet jippermettu, sabiex javvanzaw il-kooperazzjoni bejn il-Ġappun u l-UE f’oqsma bħal:

  • il-konnettività, it-trasport u l-enerġija
  • kwistjonijiet u sfidi ambjentali globali
  • it-tibdil fil-klima
  • it-trasformazzjoni diġitali
  • is-saħħa
  • il-kummerċ ħieles, ġust u bbażat fuq ir-regoli
  • is-sigurtà u d-difiża

Il-laqgħa tal-mexxejja tal-UE u l-Ġappun saret permezz ta' vidjokonferenza

Stqarrijiet għall-istampa

Tagħrif għall-istampa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa

Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.

L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.

Kompli segwina

Laqgħat oħra: Summit Internazzjonali

Ara laqgħat oħrajn

L-aħħar reviżjoni: 9 ta' Jannar 2025