- Summit Internazzjonali
Summit ta' Zagreb bejn l-UE u l-Balkani tal-Punent, 6 ta' Mejju 2020
Riżultati ewlenin
Is-summit bejn l-UE u l-Balkani tal-Punent seħħ fis-6 ta' Mejju 2020 permezz ta' vidjokonferenza minħabba l-pandemija tal-COVID-19. Dan laqqa':
- il-kapijiet ta' stat jew ta' gvern mill-istati membri tal-UE
- il-mexxejja mis-sitt sħab tal-Balkani tal-Punent: l-Albanija, il-Bożnija-Ħerzegovina, is-Serbja, il-Montenegro, ir-Repubblika tal-Maċedonja ta' Fuq u l-Kosovo*
Il-President tal-Kunsill Ewropew, Charles Michel, mexxa l-laqgħa.
Ipparteċipaw ukoll il-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula von der Leyen, Andrej Plenković, Prim Ministru tal-Kroazja, li bħalissa għandha f'idejha l-presidenza tal-Kunsill, Josep Borrell, Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, David Sassoli, President tal-Parlament Ewropew, rappreżentanti tal-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp, il-Bank Dinji, il-Bank Ewropew tal-Investiment u l-Kunsill ta' Kooperazzjoni Reġjonali.
Għoxrin sena wara l-ewwel summit ta' Zagreb, kien ferm importanti li ssir din il-vidjokonferenza, li jkun hemm din l-okkażjoni biex jiġu indirizzati sfidi importanti ħafna li għandna bżonn niffaċċaw flimkien Kummenti mill-President Charles Michel wara s-summit ta' Zagreb bejn l-UE u l-Balkani tal-Punent
Il-mexxejja tal-UE adottaw id-dikjarazzjoni ta' Zagreb, li s-sħab tal-Balkani tal-Punent allinjaw ruħhom magħha.
Perspettiva Ewropea
Waqt is-summit, il-mexxejja tal-UE affermaw mill-ġdid l-appoġġ inekwivoku tagħhom għall-perspettiva Ewropea tal-Balkani tal-Punent. L-UE hija determinata li ssaħħaħ l-appoġġ tagħha għat-trasformazzjoni politika, ekonomika u soċjali tar-reġjun.
It-tieni tema importanti li ddiskutejna matul dan is-summit illum waranofsinhar hija l-perspettiva Ewropea tas-sħab tal-Balkani tal-Punent Kummenti mill-President Charles Michel wara s-summit ta' Zagreb bejn l-UE u l-Balkani tal-Punent
Is-sħab tal-Balkani tal-Punent affermaw mill-ġdid din il-perspettiva bħala l-għażla strateġika soda tagħhom. Huma reġgħu impenjaw ruħhom ukoll li jwettqu u jimplimentaw b'mod effettiv ir-riformi meħtieġa lejn il-valuri u l-prinċipji Ewropej u l-preminenza tal-istat tad-dritt.
Il-mexxejja tal-UE enfasizzaw ukoll l-importanza ta' relazzjonijiet ta' viċinat tajba, stabbiltà reġjonali u kooperazzjoni reċiproka. Dan jinkludi l-implimentazzjoni ta' ftehimiet bilaterali bona fide u b'riżultati tanġibbli, inkluż il-Ftehim ta' Prespa mal-Greċja u t-Trattat dwar Relazzjonijiet Tajbin ta' Viċinat mal-Bulgarija. Jirreferi wkoll għat-tfittxija ta' soluzzjonijiet għal tilwim bilaterali u d-dedikazzjoni ta' aktar sforzi għar-rikonċiljazzjoni.
COVID-19
L-UE u l-Balkani tal-Punent qed jiġġieldu kontra l-coronavirus u l-effetti tiegħu flimkien. L-UE tappoġġa b'mod attiv l-isforzi biex tiġi miġġielda t-tifqigħa tal-coronavirus u l-impatt tagħha fuq is-soċjetajiet u l-ekonomiji, filwaqt li s-sħab tal-Balkani tal-Punent taw appoġġ siewi lill-UE matul il-pandemija:
- assistenza finanzjarja: l-UE mmobilizzat pakkett ta' aktar minn EUR 3.3 biljun għall-benefiċċju tal-Balkani tal-Punent biex jingħata appoġġ lis-settur tas-saħħa, biex jiġi appoġġat l-irkupru soċjali u ekonomiku, u tingħata assistenza permezz tal-Bank Ewropew tal-Investiment, kif ukoll assistenza makrofinanzjarja
- kooperazzjoni u koordinazzjoni fil-forma ta' akkwist konġunt u l-fluss kummerċjali mhux ristrett ta' tagħmir ta' protezzjoni personali, li jiżgura l-fluss rapidu ta' oġġetti essenzjali permezz ta' Korsiji Ħodor li jgħaqqdu l-UE u l-Balkani tal-Punent, il-provvista mill-UE ta' materjal għall-ittestjar biex jiġi vverifikat il-funzjonament korrett tat-testijiet għall-coronavirus fil-Balkani tal-Punent kif ukoll kooperazzjoni mill-qrib ma' korpi tas-saħħa rilevanti
- indirizzar tad-diżinformazzjoni u attivitajiet ibridi oħrajn li joriġinaw b'mod partikolari minn atturi ta' stati terzi li jkunu qed jippruvaw idgħajfu l-perspettiva Ewropea tar-reġjun
- Laqgħa tal-mexxejja tal-Balkani tal-Punent: L-UE ssaħħaħ l-appoġġ biex tiġi indirizzata l-kriżi tal-COVID-19 u tfassal proposta għall-irkupru wara l-pandemija (stqarrija għall-istampa tal-Kummissjoni Ewropea, 29 ta' April 2020)
- Skeda informattiva dwar ir-rispons tal-UE għall-pandemija tal-coronavirus fil-Balkani tal-Punent (infografika tal-Kummissjoni Ewropea)
Kooperazzjoni reġjonali
L-UE tħeġġeġ lill-mexxejja tal-Balkani tal-Punent biex jisfruttaw bis-sħiħ il-potenzjal tal-kooperazzjoni reġjonali biex jiġi ffaċilitat l-irkupru ekonomiku wara l-kriżi, inkluż:
- l-approfondiment tal-integrazzjoni ekonomika reġjonali,
- billi r-regoli u l-istandards tal-UE jintużaw bħala bażi biex ir-reġjun u l-kumpaniji tiegħu jitqarrbu lejn is-Suq Intern tal-UE, permezz taż-Żona Ekonomika Reġjonali
Irkupru soċjoekonomiku
Il-mexxejja kellhom skambju ta' fehmiet dwar il-fażi l-ġdida ta' kooperazzjoni mill-qrib biex jiġi indirizzat l-impatt soċjoekonomiku sinifikanti tal-kriżi tal-COVID-19.
Bħala l-pass li jmiss, il-Kummissjoni Ewropea mistiedna tressaq pjan ekonomiku u ta' investiment robust għar-reġjun li jkollu l-għan li jagħti spinta lill-ekonomiji filwaqt li jtejjeb il-kompetittività tagħhom, biex jgħaqqadhom aħjar fi ħdan ir-reġjun u mal-UE.
B'riżultat ta' dan, il-Balkani tal-Punent għandhom ikunu jistgħu:
- ikollhom rabta sħiħa mas-suq uniku tal-UE,
- joħolqu opportunitajiet ta' impjiegi u intraprenditorjali
- itejbu l-klima tan-negozju u tal-investiment
- jippromwovu l-Aġenda Ekoloġika għall-Balkani tal-Punent
- isaħħu l-ekonomija diġitali u l-konnettività
Sfidi ta' sigurtà u migrazzjoni
Il-parteċipanti tas-Summit iddiskutew ukoll l-isfidi komuni tas-sigurtà.
Huma appellaw biex tiġi żviluppata aktar il-kooperazzjoni biex jitwaqqfu l-flussi ta' migrazzjoni illegali. Il-mexxejja tal-UE qablu wkoll sabiex iżidu l-kooperazzjoni fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-estremiżmu, inkluż il-finanzjament, ir-radikalizzazzjoni u r-ritorn ta' ġellieda barranin. Il-parteċipanti qablu li l-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata hija essenzjali għat-trasformazzjoni tar-reġjun, kif ukoll għall-istabbiltà u s-sigurtà reġjonali. Huma indirizzaw ukoll il-ħtieġa li tingħata prijorità lis-sigurtà tal-enerġija u d-diversifikazzjoni ta' sorsi u rotot.
Fl-aħħar nett, il-mexxejja tal-UE ħeġġew lis-sħab tagħhom tal-Balkani tal-Punent biex jikkontribwixxu għall-missjonijiet tal-UE u jallinjaw bis-sħiħ mal-pożizzjoni tal-UE rigward il-politika barranija.
Informazzjoni ġenerali
Matul l-ewwel laqgħa informali mas-sħab tal-Balkani tal-Punent fi Brussell fis-16 ta' Frar 2020, il-President Michel enfasizza l-impenn tal-UE fir-reġjun.
Is-summit preċedenti bejn l-UE u l-Balkani tal-Punent sar fis-17 ta' Mejju 2018 f'Sofija, il-Bulgarija. Dan laqqa' flimkien il-kapijiet ta' stat jew ta' gvern mill-istati membri tal-UE u l-mexxejja mis-sitt sħab tal-Balkani tal-Punent. Il-mexxejja tal-UE qablu dwar id-dikjarazzjoni ta' Sofija, li s-sħab tal-Balkani tal-Punent allinjaw ruħhom magħha. Huma adottaw ukoll l-aġenda ta' prijoritajiet ta' Sofija, bħala anness għad-dikjarazzjoni u ddeskrivew miżuri ġodda għal kooperazzjoni msaħħa mar-reġjun.
* Dan l-isem huwa mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet dwar l-istatus, u huwa konformi mal-UNSCR 1244/1999 u l-opinjoni tal-QIĠ dwar id-dikjarazzjoni tal-indipendenza tal-Kosovo.
COVID-19: appoġġ ta' aktar minn €3.3 biljun għall-Balkani tal-Punent (Infografika)
Stqarrijiet għall-istampa
Tagħrif għall-istampa
Kuntatti għall-istampa
-
Symeon Piperidis Press officer
- +32 478 83 12 21
- +32 2 281 84 72
Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.
Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa
Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.
L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.
Kompli segwina
- Irreġistra għall-allerti bl-email tagħna biex tirċievi aġġornamenti dwar din il-laqgħa u laqgħat simili.
- Segwi @EUCouncilPressgħall-aħħar aġġornamenti għall-istampa.
Laqgħat oħra: Summit Internazzjonali
Laqgħat li seħħew
L-aħħar reviżjoni: 9 ta' Jannar 2025