Skip to content
  • Kunsill Ġustizzja u Affarijiet Interni

Kunsill Ġustizzja u Affarijiet Interni, 07-08/12/2017, 7 u 8 ta' Diċembru 2017

Riżultati ewlenin 7 ta' Diċembru

eu-LISA

Il-Kunsill qabel dwar il-pożizzjoni tiegħu dwar abbozz ta’ regolament dwar l-aġenzija Ewropea għat-tmexxija operattiva tas-sistemi tal-IT fuq skala kbira fl-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja (eu-LISA). Dan ir-Regolament ser isaħħaħ il-mandat ta’ eu-LISA, inkluż permezz tal-kontribut tagħha għall-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet tekniċi biex tinkiseb l-interoperabbiltà, soġġett għal proposta leġislattiva li jmiss dwar l-interoperabbiltà.

Il-ġlieda kontra t-terroriżmu

Il-ministri kellhom skambju ta’ fehmiet dwar ir-radikalizzazzjoni, fuq il-bażi tar-rapport interim tal-grupp ta’ livell għoli tal-Kummissjoni Ewropea dwar ir-radikalizzazzjoni. Huma ddiskutew ukoll fil-preżenza ta’ grupp kontra t-terroriżmu (CTG) opportunitajiet possibbli għal aktar kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti li jittrattaw il-ġlieda kontra t-terroriżmu.

Biex inkunu nistgħu niġġieldu kontra t-terroriżmu u ntejbu s-sigurtà taċ-ċittadini tal-UE aħna għandna bżonn nirrispondu fuq il-livelli kollha. Dan ivarja mill-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni, it-titjib tal-kooperazzjoni bejn awtoritajiet differenti, għall-iżgurar li jkollna aċċess għad-data li neħtieġu biex inwaqqfu lit-terroristi milli jwettqu attakki. Andres Anvelt, ministru għall-intern tal-Estonja

Iż-żamma tad-data u l-kriptaġġ

Il-ministri għall-ġustizzja u l-affarijiet interni kellhom diskussjoni konġunta dwar il-kriptaġġ abbażi tal-miżuri ppreżentati mill-Kummissjoni Ewropea f’Ottubru. Huma laqgħu l-miżuri tekniċi ppreżentati u ħeġġew lill-Kummissjoni biex tkompli teżamina l-kwistjoni. Il-Kummissjoni ġiet mistiedna tirrapporta dwar il-progress fl-implimentazzjoni tal-miżuri tekniċi proposti f'Marzu 2018. Il-ministri jistennew b'interess ukoll il-preżentazzjoni tal-proposta leġislattiva dwar l-evidenza elettronika, mistennija li ssir f'Jannar.

Il-ministri ddiskutew iż-żamma tad-data u pprovdew gwida għal ħidma futura fil-livell tal-esperti. Huma ffukaw fuq tliet aspetti: l-iżgurar tal-koerenza mal-abbozz ta' regolament dwar il-privatezza elettronika, ir-restrizzjoni tal-ambitu tal-qafas taż-żamma tad-data, u l-istabbiliment ta' salvagwardji qawwija għall-aċċess għal data miżmuma.

Punti oħra

Il-ministri ddiskutew informalment it-tisħiħ taż-żona ta’ Schengen. Huma ħadu nota tax-xogħol li diġà sar u enfasizzaw il-ħtieġa li titkompla l-ħidma dwar id-diversi inizjattivi li qed jittieħdu biex jitjieb il-kontroll tal-fruntieri esterni u jiġi ppreservat il-moviment liberu.

Riżultati ewlenin - 8 ta' Diċembru

Regolament dwar l-Iffriżar u l-Konfiska

Il-Kunsill qabel dwar approċċ ġenerali dwar l-abbozz ta’ regolament dwar ir-rikonoxximent reċiproku ta’ ordnijiet ta’ ffriżar u ta’ konfiska. L-iffriżar u l-konfiska effettivi ta' assi miksuba permezz ta' attività kriminali huma miżura importanti għall-ġlieda kontra l-finanzjament tal-kriminalità, inkluż it-terroriżmu.

Sistema Ewropea ta' Informazzjoni ta' Rekords Kriminali (ECRIS)

Il-Kunsill laħaq approċċ ġenerali dwar żewġ proposti leġislattivi għall-użu tal-ECRIS rigward ċittadini ta’ pajjiżi terzi u persuni apolidi (TCN). L-objettiv ewlieni ta’ dan l-abbozz ta’ leġislazzjoni huwa li jiġi stabbilit mekkaniżmu effiċjenti li jippermetti l-aċċess għall-informazzjoni dwar rekords kriminali ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi u persuni apolidi misjuba ħatja fl-UE, sabiex ma jkunux jistgħu jaħarbu mill-passat kriminali tagħhom.

Materji matrimonjali u responsabbiltà tal-ġenituri

Il-Ministri kellhom dibattitu dwar ir-reviżjoni tal-hekk imsejjaħ Regolament Brussell IIa (regolament dwar il-ġurisdizzjoni, ir-rikonoxximent u l-infurzar ta' deċiżjonijiet fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta' responsabbiltà tal-ġenituri u dwar sekwestru internazzjonali ta' minuri ). Huma appoġġaw it-tneħħija tal-exequator rigward il-bqija tad-deċiżjonijiet kollha fil-materji ta’ responsabbiltà tal-ġenituri u nnotaw l-importanza ta’ salvagwardji f’dan il-qasam.

Numru dejjem jikber ta’ familji jgħixu ħajjithom minn fruntiera għal oħra u rridu niżguraw li l-leġislazzjoni tirrifletti wkoll ir-realitajiet tagħhom u tipproteġi l-aħjar interess tat-tfal. Illum iddiskutejna kif deċiżjoni fir-rigward ta’ materji ta’ responsabbiltà tal-ġenituri li ssir fi stat membru wieħed tkun tista’ tiġi infurzata aktar malajr fl-istati membri l-oħra kollha, mingħajr il-ħtieġa ta’ proċeduri ingombranti u li jqumu l-flus. Urmas Reinsalu, Ministru Estonjan għall-Ġustizzja

Dokumenti tal-laqgħat

Stqarrijiet għall-istampa

Tagħrif għall-istampa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa

Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.

L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.

Kompli segwina

Laqgħat oħra: Kunsill Ġustizzja u Affarijiet Interni

Ara laqgħat oħrajn

L-aħħar reviżjoni: 8 ta' Jannar 2025