- Kunsill Ġustizzja u Affarijiet Interni
Kunsill Ġustizzja u Affarijiet Interni, 04-05/06/2018, 4 u 5 ta' Ġunju 2018
Riżultati ewlenin
Ġustizzja (it-Tnejn 4 ta’ Ġunju)
Direttiva dwar l-insolvenza, ir-ristrutturar u t-tieni opportunità
Il-Kunsill qabel dwar approċċ ġenerali parzjali dwar id-direttiva dwar l-insolvenza, ir-ristrutturar u t-tieni opportunità. Il-qbil ikopri, b'mod partikolari, aspetti relatati mal-kwittanza tad-djun, miżuri biex tiżdied l-effiċjenza tal-proċeduri u l-ġbir ta' data dwar dawk il-proċeduri.
Din id-direttiva, ladarba tkun adottata, ser tappoġġa t-tkabbir u l-impjiegi fl-UE kollha u tgħin biex tiġi żviluppata kultura ta' negozju li fiha jkun possibbli li l-imprendituri li jfallu jingħataw it-tieni opportunità. Nittama li l-qbil tal-lum iwitti t-triq għal pożizzjoni sħiħa tal-Kunsill aktar tard din is-sena u għal qbil politiku qabel l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew. Tsetska Tsacheva, Ministru għall-Ġustizzja tal-Bulgarija
Evidenza elettronika
Il-ministri għall-ġustizzja u l-affarijiet interni ddiskutew il-proposta tal-Kummissjoni u rriaffermaw l-importanza tagħha biex jiġu żgurati mekkaniżmi effikaċi u rapidi għall-ġbir u l-użu ta' evidenza elettronika. Rigward żviluppi internazzjonali reċenti, b'mod partikolari l-adozzjoni tal-CLOUD act tal-Istati Uniti, il-Kunsill appoġġa approċċ komuni fil-livell tal-UE u inkoraġġixxa lill-Kummissjoni biex tkompli l-kuntatti tagħha mal-awtoritajiet tal-Istati Uniti u biex tippreżenta urġentement mandat ta' negozjar, idealment qabel il-vaganzi tas-sajf.
Strateġija tal-Ġustizzja elettronika
Il-ministri ġew infurmati mill-Presidenza dwar il-progress fir-rigward tal-Istrateġija u l-Pjan ta' Azzjoni l-ġodda dwar il-Ġustizzja elettronika għall-2019-2023. L-elementi ewlenin tal-istrateġija l-ġdida li diġà ngħataw forma ser jikkontribwixxu għall-modernizzazzjoni tal-ġustizzja fil-livell nazzjonali u dak Ewropew.
Il-qafas u l-prinċipji maqbula għall-abbozz ta' strateġija u pjan ta' azzjoni ser jinkludu: li tiġi żgurata s-sostenibbiltà tal-proġetti tal-Ġustizzja elettronika, jiġi żviluppat il-prinċipju tal-interoperabbiltà bejn is-sistemi elettroniċi nazzjonali tal-istati membri, u jiġi mħares il-prinċipju ta' parteċipazzjoni volontarja fi proġetti.
Affarijiet Interni (it-Tlieta 5 ta’ Ġunju)
Riforma tas-sistema Ewropea komuni tal-asil u r-risistemazzjoni
Il-ministri evalwaw il-progress fil-fajls kollha tar-riforma tal-asil.
Qabel il-laqgħa tal-Kunsill, il-ministri kellhom diskussjoni informali dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji ta' responsabbiltà u solidarjetà fil-kuntest tas-sistema Ewropea komuni tal-asil. Ir-riżultati ta' dawn id-diskussjonijiet, flimkien mal-aħħar test ta' kompromess, ser jifformaw il-bażi għal aktar ħidma qabel il-laqgħa tal-Kunsill Ewropew fl-aħħar ta' Ġunju.
Il-ministri koprew ukoll informalment ir-regolament dwar il-proċedura tal-asil, filwaqt li appoġġaw b'mod ġenerali l-idea li, sa meta jiġi adottat ir-regolament, l-UE jkollha lista ta' pajjiżi terzi sikuri.
Illum kellna diskussjoni sinċiera dwar aspetti fundamentali tar-riforma tal-asil. Ma għadniex fis-sitwazzjoni ta' kriżi li ffaċċjajna fl-2015, iżda xorta għandna niżguraw li aħna lesti niffaċċjaw kwalunkwe kriżi fil-futur. Id-diskussjonijiet issa ser jitkomplew mill-mexxejja tal-UE abbażi tal-ħidma li saret s'issa. Valentin Radev, ministru għall-affarijiet interni tal-Bulgarija
Kodiċi dwar il-viżi
Il-ministri għall-affarijiet interni ddiskutew il-proposta għar-riforma tal-kodiċi dwar il-viżi, b'attenzjoni partikolari fuq ir-rabta bejn il-politika dwar il-viżi u r-riammissjoni. Il-parti l-kbira tad-delegazzjonijiet appoġġaw il-kodifikazzjoni tar-rabta bejn il-politika dwar il-viżi u r-riammissjoni u esprimew preferenza għall-inċentivi negattivi. Il-ħidma ser titkompla fil-livell tal-esperti sabiex jinkiseb mandat ta' negozjar mill-aktar fis possibbli.
Migrazzjoni
Waqt l-ikla ta' nofsinhar, il-ministri ddiskutew is-sitwazzjoni attwali u t-triq 'il quddiem fir-rigward ta' għadd ta' kwistjonijiet tal-migrazzjoni, filwaqt li koprew it-tliet rotot tal-Mediterran. Huma qiesu kif tista' tissaħħaħ il-ħidma li għaddejja fl-oqsma differenti, inkluż l-appoġġ għall-aġenziji tal-UE, ir-rispett kontinwu għad-dikjarazzjoni UE-Turkija, l-għoti ta' finanzjament suffiċjenti għall-Fond Fiduċjarju tal-UE għall-Afrika u l-appoġġ għas-sħab tul il-Balkani tal-Punent.
Kooperazzjoni tal-UE kontra l-kriminalità organizzata u serja
Il-ministri evalwaw l-impatt taċ-ċiklu ta' politika tal-UE għall-kriminalità organizzata u serja, wara li tlesta l-ewwel ċiklu ta' politika tal-UE (2014-2017). Huma kkonfermaw il-valur miżjud tiegħu u enfasizzaw il-komponenti multidixxiplinarji tiegħu bħala eżempju ċar ta' inizjattiva ta' suċċess tal-UE.
Dokumenti tal-laqgħat
Dokumenti ta' tħejjija
Dokumenti ta' eżitu
Tagħrif għall-istampa
Kuntatti għall-istampa
-
Laura Bérard Press officer
- +32 471 33 09 49
- +32 2 281 57 95
Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.
Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa
Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.
L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.
Kompli segwina
- Irreġistra għall-allerti bl-email tagħna biex tirċievi aġġornamenti dwar din il-laqgħa u laqgħat simili.
- Segwi @EUCouncilPressgħall-aħħar aġġornamenti għall-istampa.
- Hashtag fuq X: #JHA
Laqgħat oħra: Kunsill Ġustizzja u Affarijiet Interni
Laqgħat li seħħew
L-aħħar reviżjoni: 8 ta' Jannar 2025