"Il-cookies jintużaw biex intejbu l-esperjenza ta' navigazzjoni tiegħek. Il-cookies meħtieġa huma neċessarji biex jappoġġaw karatteristiċi essenzjali tas-sit web tal-Kunsill. Il-cookies fakultattivi jgħinuna nipproduċu rapporti statistiċi anonimi u aggregati biex naqdu aħjar il-ħtiġijiet tiegħek.

Żur il-paġna tal-politika tal-cookies tagħna għal aktar informazzjoni u biex tibdel is-settings tiegħek.

български español čeština dansk Deutsch eesti Ελληνικά English français Gaeilge hrvatski italiano latviešu lietuvių magyar Malti Nederlands polski português română slovenčina slovenščina suomi svenska
Skip to content

Kunsill Ġustizzja u Affarijiet Interni

Kunsill Ġustizzja u Affarijiet Interni, 12-13/10/2017, 12 u 13 ta' Ottubru 2017

Riżultati ewlenin - 13 ta' Ottubru

Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen

Il-Ministri kellhom l-ewwel skambju ta' fehmiet dwar il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea biex jiġi emendat il-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen. Din tikkonċerna regoli dwar l-introduzzjoni mill-ġdid b'mod temporanju tal-kontrolli fil-fruntieri interni. Id-diskussjonijiet dwar din il-proposta issa ser ikomplu fuq livell tekniku.

Il-ministri ħadu wkoll nota tar-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tar-regoli attwali.

"Ħadd ma jikkontesta l-benefiċċji taż-żona Schengen, u jeħtieġ li nsibu l-aħjar mod kif nipproteġu dawn il-kisbiet filwaqt li fl-istess ħin inkunu nistgħu nwieġbu għat-theddid li qed jevolvi u li qed jiffaċċjaw xi stati membri. Illum kellna dibattitu tajjeb u onest u issa ser inkomplu b'eżami dettaljat tal-proposta."

Anders Anvelt, Ministru Estonjan għall-Intern

Il-ġlieda kontra t-terroriżmu

Il-ministri kellhom skambju ta' fehmiet dwar modi kif tittejjeb il-kooperazzjoni bejn l-atturi fil-qasam tal-infurzar tal-liġi u fil-qasam tal-intelligence fil-ġlieda kontra t-terroriżmu, filwaqt li jiġi rispettat b'mod sħiħ il-fatt li s-sigurtà nazzjonali hija kompetenza esklużiva tal-istati membri.

Migrazzjoni u asil

Il-ministri ddiskutew b'mod informali r-rwol li r-risistemazzjoni jista' jkollha fil-ġestjoni ġenerali tal-migrazzjoni u fil-politiki tal-UE dwar l-asil, b'segwitu għar-rakkomandazzjoni reċenti tal-Kummissjoni.

Il-Kunsill ħa nota wkoll tal-progress li sar fis-seba' fajls leġislattivi li lkoll flimkien jiffurmaw ir-riforma tas-Sistema Ewropea Komuni tal-Asil (SEKA).

  • Dwar waħda mill-proposti (Aġenzija tal-UE għall-Asil), kien intlaħaq qbil politiku ġenerali ad referendum mal-Parlament Ewropew f'Ġunju 2017
  • Dwar żewġ fajls (ir-regolamenti dwar l-Eurodac u dwar Standards għall-Kwalifika) għadhom għaddejjin in-negozjati mal-Parlament Ewropew
  • Dwar żewġ proposti oħra (ir-Regolament dwar ir-Risistemazzjoni u d-Direttiva dwar il-Kondizzjonijiet ta' Akkoljenza) il-presidenza għandha l-għan li tikseb mandat tal-Kunsill u, jekk possibbli, tibda n-negozjati mal-Parlament Ewropew qabel l-aħħar tas-sena
  • Dwar fajl ieħor (ir-regolament dwar proċeduri ta' asil), il-ħidma miexja 'l quddiem fil-korpi preparatorji tal-Kunsill
  • Dwar il-kwistjoni tas-solidarjetà u r-responsabbiltà (Dublin), tmexxew 'il quddiem l-isforzi biex jinstab approċċ komuni, filwaqt li nbena fuq il-ħidma tal-presidenzi preċedenti.

Riżultati ewlenin - 12 ta' Ottubru

Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew

Ir-regolament li jistabbilixxi l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE) ġie adottat minn dawk l-istati membri li qed jieħdu sehem fil-kooperazzjoni msaħħa. L-UPPE ser ikun responsabbli għall-investigazzjoni, il-prosekuzzjoni u t-tressiq quddiem il-ġustizzja tal-awturi ta' reati kontra l-interessi finanzjarji tal-Unjoni. Dan ser jgħaqqad l-isforzi marbutin mal-infurzar tal-liġi fuq livell nazzjonali u Ewropew fil-ġlieda kontra l-frodi fil-konfront tal-UE.

Kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji kriminali

Il-ministri ddiskutew ir-regolament propost biex tiġi estiża s-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni ta’ Rekords Kriminali (ECRIS) eżistenti billi tiġi stabbilita sistema ċentralizzata. Maġġoranza ta' stati membri qablu li s-sistema għandu jkun fiha informazzjoni dwar ċittadini ta' pajjiżi terzi kkundannati, anki jekk il-persuna jkollha wkoll ċittadinanza tal-UE. Il-ministri ddiskutew ukoll il-kriterji biex jiddaħħlu l-marki tas-swaba' fis-sistema ECRIS. Filwaqt li għadd ta' ministri qiesu l-kriterji ta' sentenza ta' kustodja għal reat imwettaq b'mod intenzjonali bħala kompromess ibbilanċjat, hi meħtieġa ħidma ulterjuri.

Il-ministri kellhom ukoll dibattitu ta' orjentazzjoni dwar ir-regolament propost dwar ir-rikonoxximent reċiproku ta' ordnijiet ta' ffriżar u ta' konfiska u appoġġaw b'mod ġenerali l-inklużjoni ta' sistemi ta' konfiska preventiva fl-ambitu tar-regolament, dment li l-ordni ta' konfiska tkun marbuta b'mod evidenti mal-attivitajiet kriminali u salvagwardji proċedurali adegwati jkunu japplikaw.

"L-Unjoni Ewropea tiffaċilita l-ħajja taċ-ċittadini tagħha, iżda taħdem ukoll bla heda biex tiżgura li l-kriminali ma jieħdux vantaġġ mill-benefiċċji li tipprovdi. Il-kooperazzjoni fil-ġustizzja kriminali, inkluż permezz tal-kondiviżjoni tal-informazzjoni dwar il-kundanni u r-rikonoxximent reċiproku tal-ordnijiet ta' ffriżar u ta’ konfiska hija essenzjali biex jinkiseb dan. Dawn l-għodod ser jippermettulna niżguraw li l-kriminali ma jistgħux sempliċement jaħarbu mill-imgħoddi tagħhom billi jmorru f'pajjiż differenti jew billi jressqu l-assi tagħhom fuq naħa oħra tal-fruntieri u jkomplu bl-attivitajiet tagħhom."

Urmas Reinsalu, Ministru Estonjan għall-Ġustizzja

Drittijiet fundamentali

Il-Kunsill adotta konklużjonijiet dwar l-applikazzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali fl-2016. Dawn il-konklużjonijiet jirriflettu uħud mill-kwistjonijiet l-aktar pertinenti, bħall-ġlieda kontra r-razziżmu u l-vjolenza fuq in-nisa.

Dokumenti tal-laqgħat

Stqarrijiet għall-istampa

Tagħrif għall-istampa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa

Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.

L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.

Kompli segwina

Laqgħat oħra: Kunsill Ġustizzja u Affarijiet Interni

Ara laqgħat oħrajn

L-aħħar reviżjoni: 8 ta' Jannar 2025