Skip to content
  • Kunsill Ġustizzja u Affarijiet Interni

Kunsill Ġustizzja u Affarijiet Interni, 08-09/06/2017, 8 u 9 ta' Ġunju 2017

Riżultati ewlenin

Ġustizzja kriminali fiċ-ċiberspazju

Il-Ministri għall-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni ddiskutew it-triq ‘il quddiem dwar l-evidenza elettronika fuq il-bażi ta’ soluzzjonijiet prattiċi identifikati bħala riżultat tal-proċess fil-livell ta’ esperti tal-Kummissjoni. Huma appoġġaw l-implimentazzjoni rapida ta’ għadd ta’ miżuri prattiċi biex titjieb il-kooperazzjoni fost l-awtoritajiet ġudizzjarji u mal-fornituri tas-servizzi. Dawn jinkludu l-ħolqien ta’ verżjoni elettronika faċli għall-utent tal-Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropea (OIE), il-ħolqien ta’ punti uniċi ta’ kuntatt fi ħdan l-awtoritajiet tal-istati membri u l-fornituri tas-servizzi biex jiġu ffaċilitati l-kooperazzjoni, is-simplifikazzjoni tal-politiki tal-fornituri tas-servizzi dwar il-proċeduri u l-kondizzjonijiet biex jintalab aċċess, l-istandardizzazzjoni ta’ formoli użati mill-istati membri biex jitolbu aċċess għal evidenza elettronika, fost oħrajn. Sabiex titjieb il-kooperazzjoni mal-awtoritajiet tal-Istati Uniti, sieħeb ewlieni fir-rigward tal-evidenza elettronika, l-iskambju tal-aħjar prattiki u t-taħriġ ta’ prattikanti għandhom ukoll jiġu mtejba aktar.

Maġġoranza kbira minnhom appoġġaw il-ħtieġa li tiġi kkunsidrata azzjoni leġislattiva tal-UE dwar kooperazzjoni diretta ma’ fornituri tas-servizzi u li jiġu stabbiliti kondizzjonijiet komuni u salvagwardji minimi għal aċċess dirett għal data mill-awtoritajiet permezz ta' sistema tal-kompjuter. Ħafna saħqu li fl-iżvilupp ta’ qafas bħal dan, għandu jittieħed kont dovut ta' kwistjonijiet ta’ protezzjoni tad-data u jenħtieġ li jitqiesu u jiġu żgurati kif xieraq sinerġiji ma’ diskussjonijiet attwali li qed iseħħu f’livell internazzjonali. B’kont meħud tas-sens ta’ urġenza li tqajjem minn għadd ta’ ministri, il-Kummissjoni ħabbret l-intenzjoni tagħha li tippreżenta proposta leġislattiva fil-bidu tas-sena d-dieħla.

Il-Kummissjoni Ewropea infurmat lill-ministri dwar il-ħidma mwettqa fil-proċess fil-livell ta’ esperti dwar il-kriptaġġ, li huwa previst li jkompli fix-xhur li ġejjin. Il-Presidenza infurmat ukoll lill-ministri dwar is-sitwazzjoni attwali fir-rigward taż-żamma ta’ data.

Tfal migranti

Il-Ministri għall-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni ddiskutew b’mod konġunt l-isfidi attwali relatati maż-żieda fl-għadd ta’ tfal migranti li jivvjaġġaw lejn u li jaslu fl-Unjoni Ewropea. Fl-2015 u fl-2016, 30 fil-mija tal-applikanti għall-asil fl-UE kienu tfal, b’ħafna minnhom jivvjaġġaw mingħajr il-familja tagħhom.

Il-ministri adottaw konklużjonijiet tal-Kunsill li jaffermaw mill-ġdid li t-tfal migranti għandhom id-dritt li jiġu protetti, f’konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-liġi tal-UE, inkluż il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE, u mad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tat-tfal.

“It-tfal migranti jeħtieġu protezzjoni speċifika peress li huma esposti għal riskji għolja ta’ vjolenza, traffikar jew sfruttament matul ir-rotot tal-migrazzjoni. Id-dibattitu huwa l-ewwel pass f’din id-direzzjoni. Issa rridu nimxu ‘l quddiem u niżguraw li nieħdu l-miżuri prattiċi xierqa fil-livell nazzjonali bħal dawk proposti mill-Kummissjoni fil-komunikazzjoni reċenti tagħha.”

Il-presidenza Maltija

Kwistjonijiet oħra tal-Ġustizzja

Il-Kunsill adotta għadd ta’ approċċi ġenerali inkluż rigward id-direttiva dwar il-forniment ta’ kontenut u servizzi diġitali, dwar il-proposta għal direttiva dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus permezz tal-liġi kriminali, u dwar il-protezzjoni tad-data mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-unjoni.

L-istati membri li qed jieħdu sehem fil-kooperazzjoni msaħħa adottaw approċċ ġenerali dwar il-proposta għal regolament tal-Kunsill dwar l-istabbiliment tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew, li r-rwol tiegħu huwa li jiġġieled ir-reati kontra l-interessi finanzjarji tal-UE.

Politika dwar il-migrazzjoni

Il-Ministri kellhom skambju ta’ fehmiet dwar il-politika ta’ migrazzjoni, b’mod partikolari dwar is-sitwazzjoni fil-Mediterran Ċentrali u dwar l-implimentazzjoni tad-dikjarazzjoni ta’ Malta tat-3 ta’ Frar 2017.

Huma ddiskutew ukoll il-politika ta’ ritorn u ta’ riammissjoni, fejn il-ministri ssottolinjaw l-importanza li tkompli tissaħħaħ il-politika ta’ ritorn tal-UE u li ssir iktar effiċjenti. Nhar il-Ħamis, il-Kunsill adotta konklużjonijiet dwar it-titjib tar-ritorn u r-riammissjoni ta’ persuni li jkunu qed jirrisjedu illegalment, li jsemmu, b’mod partikolari, il-bżonn li titqies koordinazzjoni aktar b’saħħitha bejn l-oqsma ta’ ritorn u l-politika dwar il-viża.

Riforma tas-sistema Ewropea komuni tal-asil

Il-ministri evalwaw il-ħidma mwettqa s’issa fuq ir-riforma tas-sistema Ewropea komuni tal-asil (SEKA) u ddiskutew it-triq’ il quddiem.

L-UE tkompli tibni fuq l-approċċ komprensiv tagħha għall-migrazzjoni. Dan jinkludi l-indirizzar ta’ flussi migratorji, it-titjib tar-ritorni ta’ dawk li mhumiex fil-bżonn ta’ protezzjoni internazzjonali u r-riforma tas-sistema Ewropea komuni tal-asil.

Presidenza Maltija tal-Kunsill

Sistema Ewropea ta’ informazzjoni u ta’ awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar

Il-Kunsill qabel dwar approċċ ġenerali għall-proposta għal sistema Ewropea ta’ informazzjoni u ta’ awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar (ETIAS). Din is-sistema ser tippermetti kontrolli minn qabel u, jekk meħtieġ, tiċħad l-awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi eżentati mill-viża li jivvjaġġaw lejn iż-żona Schengen.

Kwistjonijiet l-oħra ta’ affarijiet interni

Il-ministri kellhom skambju ta’ fehmiet dwar it-titjib tal-iskambju tal-informazzjoni u l-interoperabilità tas-sistemi tal-informazzjoni, li dwaru l-Kunsill adotta konklużjonijiet nhar il-Ħamis. Il-ħidma fuq dan is-suġġett ser tkompli matul il-presidenza Estonjana li jmiss.

Il-ministri ddiskutew il-proposti leġislattivi biex titjieb is-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS). B’mod partikolari, huma kkonċentraw fuq tliet punti: twissijiet preventivi għal tfal f’riskju li jinħatfu, twissijiet dwar persuni u oġġetti għal kontrolli ta’ inkjesta u t-titjib tas-SIS fil-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja. Huma qablu b’mod wiesa’ dwar il-possibbiltà li jinkludu twissijiet preventivi għal tfal f’riskju li jinħatfu, kif ukoll twissijiet dwar persuni u oġġetti għal kontrolli ta’ inkjesta. Il-kwistjoni tat-tisħiħ tal-użu tas-SIS fil-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja ser tiġi eżaminata fi stadju aktar tard. Il-ħidma ser tkompli fuq livell tekniku fuq il-bażi ta’ din il-gwida.

Dokumenti tal-laqgħat

Stqarrijiet għall-istampa

Tagħrif għall-istampa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa

Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.

L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.

Kompli segwina

Laqgħat oħra: Kunsill Ġustizzja u Affarijiet Interni

Ara laqgħat oħrajn

L-aħħar reviżjoni: 8 ta' Jannar 2025