Skip to content
  • Kunsill Ġustizzja u Affarijiet Interni

Kunsill Ġustizzja u Affarijiet Interni (Ġustizzja), 6 ta' Marzu 2026

Riżultati ewlenin

Regolament dwar il-protezzjoni tal-adulti

Il-Kunsill laħaq il-pożizzjoni tiegħu dwar ir-regolament dwar il-protezzjoni tal-adulti. Ir-regoli proposti huma mfassla biex jissalvagwardjaw id-drittijiet tal-adulti li ma jistgħux jipproteġu l-interessi tagħhom stess f'sitwazzjonijiet transfruntiera, pereżempju minħabba kundizzjonijiet marbutin mal-età bħall-marda tal-Alzheimer.

Ladarba jiġu adottati, ir-regoli l-ġodda ser jiggarantixxu d-drittijiet tal-adulti li jeħtieġu protezzjoni jew appoġġ f'sitwazzjonijiet transfruntiera bħall-bejgħ ta' proprjetà, kura medika barra mill-pajjiż jew rilokazzjoni lejn pajjiż ieħor. Ir-regolament ser jiżgura li d-drittijiet tal-adulti għall-awtonomija individwali — inkluż il-libertà li jieħdu deċiżjonijiet dwar il-kwistjonijiet personali u l-arranġamenti futuri tagħhom — jiġi rrispettat meta jiċċaqilqu fl-UE.

L-indipendenza tal-avukati fl-Ewropa

Fil-qafas tad-djalogu tal-Kunsill dwar l-istat tad-dritt, il-ministri qasmu l-fehmiet tagħhom dwar l-indipendenza tal-avukati fl-Ewropa, ir-rwol tal-UE u l-konvenzjoni Ewropea dwar il-professjoni ta' avukat. L-avukati qed iħabbtu wiċċhom ma' sfidi dejjem akbar għall-indipendenza, is-sikurezza u l-awtonomija professjonali tagħhom, bħal theddid, intimidazzjoni, fastidju, u interferenza politikament motivata. L-indipendenza tagħhom hija essenzjali għall-protezzjoni tal-istat tad-dritt. F'dan il-kuntest, il-ministri rriflettew dwar kif għandhom jiġu indirizzati dawn l-isfidi kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f'dak tal-UE, u kif l-UE tista' tissimplifika l-għodod u l-prattiki eżistenti biex tipproteġi lill-avukati. Il-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa għall-protezzjoni tal-professjoni ta' avukat tista' sservi bħala punt ta' referenza għal riflessjoni dwar ir-riskji li jaffettwaw l-indipendenza tal-avukati.

Il-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna: il-ġlieda kontra l-impunità Russa

Il-ministri qasmu l-fehmiet tagħhom dwar il-ġlieda kontra l-impunità fir-rigward ta' delitti mwettqa fl-Ukrajna u ssottolinjaw il-ħtieġa li jkomplu l-isforzi f'dan ir-rigward. Il-Kummissjoni infurmat lill-ministri dwar il-progress fil-ħolqien tat-Tribunal Speċjali għad-delitt ta' aggressjoni. Il-Kummissjoni ssottolinjat ukoll li fl-24 ta' Frar 2026, eżattament erba' snin wara l-bidu tal-gwerra, hija ppreżentat proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Konvenzjoni li tistabbilixxi l-Kummissjoni Internazzjonali għat-Talbiet għall-Ukrajna. L-Eurojust tat ukoll aġġornament dwar l-azzjonijiet li ttieħdu f'dan il-qasam, u ppreżentat l-aħħar żviluppi.

Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE

Il-Kunsill approva l-konklużjonijiet dwar l-applikazzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE. Il-konklużjonijiet jagħtu segwitu għar-rapport annwali tal-Kummissjoni tal-2025 dwar l-implimentazzjoni tal-karta u jikkonċentraw fuq il-kooperazzjoni fost l-istituzzjonijiet tal-UE, l-istati membri u partijiet ikkonċernati oħra (eż. organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, difensuri tad-drittijiet tal-bniedem) biex tissaħħaħ l-applikazzjoni tagħha. Il-ministri saħqu li jeħtieġ li jsir aktar fuq livell nazzjonali, reġjonali u lokali biex jittejbu s-sensibilizzazzjoni, il-fehim u l-applikazzjoni tal-Karta madwar l-UE.

Il-ministri kellhom ukoll skambju ta' fehmiet mad-direttur tal-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali, Sirpa Rautio, dwar kif il-karta tista' tiġi applikata aħjar sabiex tipproteteġi u tippromwovi d-drittijiet fundamentali.

Il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata

Waqt ikla ta' ħidma, il-ministri ddiskutew il-kwistjoni ta' membri ta' organizzazzjonijiet kriminali li jkomplu l-attivitajiet illegali tagħhom minn ġewwa l-ħabs, pereżempju bl-użu ta' għodod ġodda ta' komunikazzjoni jew bl-għajnuna ta' persunal tal-ħabs korrott. Id-diskussjonijiet ikkonċentraw fuq it-theddida mill-attivitajiet tal-gruppi ta' kriminalità organizzata fil-ħabsijiet u fuq jekk hemmx bżonn li noqogħdu aktar attenti għal din il-kwistjoni fil-livell tal-UE, b'mod partikolari permezz tal-qsim ta' informazzjoni u l-aħjar prattiki.

Affarijiet oħra

  • Żewġ imħallfin tal-QKI (is-Slovenja u Franza) soġġetti għal sanzjonijiet mill-Istati Uniti attendew il-laqgħa u spjegaw il-konsegwenzi tas-sanzjonijiet fuq il-ħajja tagħhom ta' kuljum.
  • Il-Kummissjoni tat aġġornament dwar ir-reviżjoni tar-Regolament dwar l-Eurojust, li ser ikun allinjat ħafna mar-reviżjoni tar-Regolament dwar l-Europol u tal-qafas tal-UE għall-protezzjoni tad-data għall-aġenziji tal-ġustizzja u l-affarijiet interni.
  • Il-Polonja ppreżentat inizjattiva biex il-11 ta' Jannar jintgħażel bħala Jum l-Indipendenza Ġudizzjarja.

Dokumenti tal-laqgħat

Dokumenti ta' tħejjija

Stqarrijiet għall-istampa

Tagħrif għall-istampa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa

Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.

L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.

Kompli segwina

Laqgħat oħra: Kunsill Ġustizzja u Affarijiet Interni

Ara laqgħat oħrajn

L-aħħar reviżjoni: 9 ta' Marzu 2026