"Il-cookies jintużaw biex intejbu l-esperjenza ta' navigazzjoni tiegħek. Il-cookies meħtieġa huma neċessarji biex jappoġġaw karatteristiċi essenzjali tas-sit web tal-Kunsill. Il-cookies fakultattivi jgħinuna nipproduċu rapporti statistiċi anonimi u aggregati biex naqdu aħjar il-ħtiġijiet tiegħek.
Bil-permess tiegħek, ser nużaw cookies biex nipproduċu data aggregata anonima dwar in-navigazzjoni u l-imġiba tal-viżitaturi fuq is-sit web tagħna. Ser nużaw din id-data biex intejbu l-esperjenza tiegħek tan-navigazzjoni fuq is-sit web tagħna.
Kunsill Ġustizzja u Affarijiet Interni (Affarijiet Interni), 5 ta' Marzu 2026
Riżultati ewlenin
Migrazzjoni
Il-ministri qasmu l-fehmiet tagħhom dwar id-dimensjoni esterna tal-migrazzjoni. It-tisħiħ tal-kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi importanti jibqa' pilastru ċentrali tal-politika tal-UE dwar il-migrazzjoni. F'dan il-kuntest, id-diskussjonijiet iffukaw fuq il-Libanu u l-Libja, żewġ pajjiżi ta' tranżitu ewlenin tul ir-rotot migratorji tal-Mediterran tal-Lvant u Ċentrali. Ħafna ministri affermaw mill-ġdid l-appoġġ tagħhom għal-Libanu u huma favur kooperazzjoni aktar strutturata mal-pajjiż, ladarba jiġu implimentati r-riformi meħtieġa f'diversi oqsma oħra. Rigward il-Libja, diversi ministri enfasizzaw l-importanza li tiġi appoġġata l-kooperazzjoni fil-livell tekniku, filwaqt li enfasizzaw li l-azzjonijiet preventivi, il-ġlieda kontra n-networks tal-persuni li jiffaċilitaw id-dħul klandestin ta' persuni u t-titjib tar-ritorni volontarji jibqgħu prijoritajiet.
Il-Kummissjoni tat aġġornament dwar l-implimentazzjoni tal-patt dwar l-ażil u l-migrazzjoni, qabel ma jibda japplika fit-12 ta' Ġunju 2026. Il-patt ser jagħmel is-sistema Ewropea komuni tal-ażil aktar effettiva bi proċeduri aktar rapidi u regoli aktar ċari kemm fir-rigward tal-qsim tar-responsabbiltà kif ukoll is-solidarjetà bejn l-istati membri. Ser jikkontribwixxi wkoll biex titnaqqas il-pressjoni migratorja fuq l-istati membri kollha.
Barra minn hekk, il-Kummissjoni ppreżentat l-istrateġija tal-UE dwar il-migrazzjoni u l-ażil, li toffri l-viżjoni strateġika tal-Kummissjoni dwar il-politika dwar il-migrazzjoni u l-ażil għall-ħames snin li ġejjin. Il-ministri evalwaw ukoll il-progress li sar fir-rigward tas-sistema riveduta tal-Eurodac, li mistennija tkun kompletament lesta biex titnieda fit-12 ta' Ġunju.
Biex timmarka t-tnedija tal-patt, il-Presidenza Ċiprijotta ħabbret li fit-12 ta' Ġunju ser tospita konferenza ministerjali f'Nikosija.
Ninsabu fl-aħħar fażi qabel ma l-patt dwar l-ażil u l-migrazzjoni jibda japplika fit-12 ta' Ġunju. Waħda mill-ogħla prijoritajiet tagħna hija li niżguraw li l-patt jitnieda bla problemi, sabiex ikun jista' jibda jagħti riżultati tanġibbli: fruntieri esterni aktar b'saħħithom u aktar siguri, proċeduri aktar rapidi u solidarjetà akbar bejn l-istati membri.
Nicholas A. Ioannides, Viċi Ministru għall-Migrazzjoni u l-Protezzjoni Internazzjonali tar-Repubblika ta' Ċipru
Il-ministri għall-affarijiet interni ddiskutew is-sitwazzjoni ġenerali taż-żona Schengen. Il-Kummissjoni ppreżentat il-Barometru ta' Schengen u tkellmet fil-qosor dwar l-istrateġija tal-UE dwar il-viżi li ġiet ippubblikata reċentement.
Bħala parti mill-implimentazzjoni tal-prijoritajiet taċ-ċiklu tal-Kunsill ta' Schengen għall-2025-2026, il-ministri ddiskutew kif jiġu mħeġġa r-ritorni volontarji, speċjalment fi stadju bikri tal-proċess. Filwaqt li l-istati membri qablu li din tibqa' l-għażla preferuta, huma enfasizzaw ukoll li r-ritorni volontarji jaħdmu aħjar meta dawn ikunu akkoppjati ma' miżuri robusti għar-ritorni furzati. Il-ministri qasmu wkoll il-fehmiet tagħhom dwar kif l-inċentivi għar-ritorni u l-appoġġ għar-riintegrazzjoni jistgħu jintużaw b'mod aktar strateġiku.
Il-ministri approvaw ukoll il-pjan direzzjonali rivedut għal wara l-2026 għall-interoperabbiltà tas-sistemi tal-IT fuq skala kbira tal-UE għall-ġustizzja u l-affarijiet interni, inkluż stadji importanti dwar it-tnedija tas-Sistema ta' Informazzjoni dwar il-Viża riveduta u l-Pjattaforma tal-UE ta' Applikazzjoni għal Viża. Is-sistemi interoperabbli tal-IT ser itejbu l-ġestjoni tal-fruntieri esterni u jiżguraw sigurtà interna akbar taż-żona Schengen.
Il-ministri qasmu l-fehmiet tagħhom dwar il-futur tal-Europol u taw gwida politika lill-Kummissjoni bħala kontribut għal proposta leġiżlattiva mistennija f'Ġunju 2026 dwar ir-reviżjoni komprensiva tal-mandat tal-Europol biex tappoġġa aħjar lill-istati membri.
Il-Kunsill ikkonferma li l-proposta leġiżlattiva li ġejja għandu jkollha l-għan li ttejjeb ir-rwol tal-Europol bħala hub ċentrali għall-iskambju u l-analiżi tal-informazzjoni, inkluż permezz tal-użu ta' teknoloġiji ġodda. Il-ministri kkonfermaw li l-proposta għandha ssaħħaħ ukoll il-kooperazzjoni tal-Europol ma' aġenziji u korpi oħra tal-UE billi ssaħħaħ l-interoperabbiltà. Il-Kunsill iddiskuta wkoll ir-rwol li l-Europol għandha taqdi biex jiġi indirizzat it-theddid ibridu.
Ħafna stati membri kienu favur li jinżamm l-ambitu attwali tal-mandat tal-aġenzija fir-rigward tal-oqsma tal-kriminalità. Fl-aħħar nett, il-ministri kkonfermaw li l-mudell ta' governanza eżistenti tal-Europol jista' jissaħħaħ mingħajr ma jinħolqu strutturi ġodda.
Waqt ikla ta' ħidma, il-ministri ddiskutew l-impatt tal-iżviluppi attwali kemm fis-Sirja kif ukollfl-Iran fuq is-sigurtà interna tal-UE. Id-diskussjonijiet għafsu fuq it-theddid attwali u fuq is-sitwazzjoni li qed tevolvi malajr fiż-żewġ pajjiżi. Il-ministri evalwaw it-tħassib ewlieni marbut mas-sigurtà li jirriżulta mis-sitwazzjoni attwali fil-Grigal tas-Sirja, b'mod partikolari fil-kampijiet, il-ħabsijiet u l-faċilitajiet ta' detenzjoni. Id-diskussjonijiet ittrattaw wkoll is-sitwazzjoni li qed teskala malajr fl-Iran, f'kuntest li fih ir-reazzjonijiet militari kienu mmirati lejn diversi pajjiżi fir-reġjun matul dawn l-aħħar jiem, li jippreżentaw theddida serja għall-istabbiltà tar-reġjun u lil hinn minnu. Ġew diskussi azzjonijiet possibbli biex jittaffew ir-riskji identifikati għas-sigurtà interna tal-UE u l-istati membri tagħha.
Il-Koordinatur tal-UE għall-Ġlieda Kontra t-Terroriżmu, is-Servizz għall-Azzjoni Esterna, il-Europol u l-Frontex ikkontribwew għad-diskussjoni.
L-Istrateġija tal-UE dwar id-drogi
Il-Kunsill approva konklużjonijiet dwar il-qafas strateġiku tal-UE dwar id-Drogi u approva l-istrateġija tal-UE dwar id-drogi li ġiet proposta mill-Kummissjoni fl-4 ta' Diċembru 2025.
Din ir-riżorsa bħalissa hi disponibbli biss bil-lingwa jew il-lingwi li ġejjin:
Taħt affarijiet oħra, l-Estonja ppreżentat inizjattiva dwar rispons koordinat għat-theddida għas-sigurtà interna Ewropea maħluqa minn kumbattenti u eks kumbattenti Russi. Il-Litwanja enfasizzat l-importanza li ssir referenza għat-theddid ibridu bħala objettiv fl-istrument finanzjarju li jieħu ħsieb is-sigurtà interna tal-QFP il-ġdid.
Il-Kummissjoni ppreżentat aġenda dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-estremiżmu vjolenti, li tibni fuq l-istrateġija Ewropea ta' sigurtà interna (ProtectEU) ippubblikata f'April 2025.
Il-Kummissjoni tat ukoll aġġornament dwar is-sitwazzjoni fl-Ukrajna relatata mal-istatus ta' protezzjoni temporanja.
Dokumenti tal-laqgħat
Dokumenti ta' tħejjija
Din ir-riżorsa bħalissa hi disponibbli biss bil-lingwa jew il-lingwi li ġejjin:
Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.
L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.