Skip to content
  • Kunsill Trasport, Telekomunikazzjoni u Enerġija

Kunsill Trasport, Telekomunikazzjoni u Enerġija (Enerġija), 19 ta' Diċembru 2023

Riżultati ewlenin

Regolamenti ta' Emerġenza

Il-Kunsill laħaq qbil politiku dwar proposti li jiġi estiż il-perjodu ta' applikazzjoni ta' tliet regolamenti ta' emerġenza tal-Kunsill, adottati f'Diċembru 2022, f'konformità mal-Artikolu 122 TFUE. Il-miżuri ta' emerġenza ġew adottati s-sena li għaddiet wara l-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, biex tissaħħaħ is-solidarjetà bejn l-istati membri, jitħaffef il-varar tal-enerġija rinnovabbli u ċ-ċittadini tal-UE jiġu protetti minn prezzijiet tal-enerġija eċċessivament għoljin.

Ir-regolamenti ta' emerġenza ġew estiżi minħabba r-riskji persistenti għas-sigurtà tal-provvista tal-gass tal-UE u sabiex jiġu evitati l-volatilità tas-suq u prezzijiet tal-gass eċċessivament għoljin.

Teresa Ribera, Viċi Prim Ministru u Ministru għat-Tranżizzjoni Ekoloġika u l-Isfida Demografika ta' Spanja
L-estensjoni tat-tliet miżuri ta' emerġenza hija meħtieġa biex tindirizza sitwazzjoni li għadha fraġli fl-UE wara l-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja. Din ser tippermettilna niżguraw l-istabbilizzazzjoni tas-swieq tal-enerġija, intaffu l-effett tal-kriżi u nipproteġu liċ-ċittadini tal-UE minn prezzijiet għoljin eċċessivi tal-enerġija.
Teresa Ribera, Viċi Prim Ministru u Ministru għat-Tranżizzjoni Ekoloġika u l-Isfida Demografika ta' Spanja
Teresa Ribera, Viċi Prim Ministru u Ministru għat-Tranżizzjoni Ekoloġika u l-Isfida Demografika ta' Spanja

Tisħiħ tas-solidarjetà

Ir-regolament (UE) 2022/2576 jinkludi miżuri temporanji ta' emerġenza mfassla biex inaqqsu l-prezzijiet għoljin tal-enerġija u jtejbu s-sigurtà tal-provvista tal-gass. Huwa japplika mit-30 ta' Diċembru 2022 għal perjodu ta' sena.

Il-ministri għall-enerġija tal-UE laħqu qbil politiku dwar l-estensjoni tar-regolament għal sena oħra, sal-31 ta' Diċembru 2024.

L-infografika tispjega l-miżuri l-ġodda biex tissaħħaħ is-solidarjetà fost il-pajjiżi tal-UE u jiġu limitati l-prezzijiet tal-gass fil-kriżi tal-enerġija li qed niffaċċjaw.
Miżuri fis-suq tal-gass biex tiġi żgurata u kondiviża l-provvista fl-UE (Infografika)

Miżuri fis-suq tal-gass biex tiġi żgurata u kondiviża l-provvista fl-UE (Infografika)

Tħaffif tal-varar tal-enerġija rinnovabbli

Ir-regolament (UE) 2022/2577 għandu l-għan li jindirizza l-kriżi tal-enerġija, inaqqas id-dipendenza tal-UE fuq il-fjuwils fossili Russi u javvanza aktar l-objettivi tal-UE b'rabta mal-klima billi jħaffef il-proċess tal-għoti tal-permessi u l-varar ta' proġetti tal-enerġija rinnovabbli. Huwa japplika mit-30 ta' Diċembru 2022 għal perjodu ta' 18-il xahar.

Il-ministri qablu li jestendu l-perjodu ta' applikazzjoni ta' ċerti dispożizzjonijiet emendati fir-regolament sat-30 ta' Ġunju 2025. B'differenza miż-żewġ regolamenti ta' emerġenza l-oħra, l-emendi b'hekk imorru lil hinn mis-sempliċi estensjoni tal-perjodu ta' applikazzjoni tar-regolament.

L-infografika tippreżenta l-elementi ewlenin tar-regoli proposti l-ġodda tal-UE dwar l-enerġija rinnovabbli.
Lesti għall-mira ta' 55%: kif l-UE biħsiebha tagħti spinta lill-enerġija rinnovabbli (Infografika)

Lesti għall-mira ta' 55%: kif l-UE biħsiebha tagħti spinta lill-enerġija rinnovabbli (Infografika)

Protezzjoni taċ-ċittadini tal-UE u tal-ekonomija minn prezzijiet eċċessivament għoljin

Ir-regolament (UE) 2022/2578 jistabbilixxi sistema ta' miżuri temporanji biex jiġi evitat għoli eċċessiv f'daqqa tal-prezzijiet tal-gass fl-UE, liema prezzijiet ma jirriflettux dawk fis-suq dinji. Huwa japplika mill-1 ta' Frar 2023 għal perjodu ta' sena.

Il-ministri laħqu qbil politiku li jestendu l-perjodu ta' applikazzjoni tar-regolament għal sena oħra, sal-31 ta' Jannar 2025.

Din il-paġna tippreżenta l-mekkaniżmu ta' korrezzjoni tas-suq miftiehem mill-pajjiżi tal-UE sabiex jiġu limitati l-episodji ta' prezzijiet tal-gass eċċessivament għoljin fl-UE.
Mekkaniżmu tas-suq biex jiġu limitati ż-żidiet eċċessivi fil-prezzijiet tal-gass (Infografika)

Mekkaniżmu tas-suq biex jiġu limitati ż-żidiet eċċessivi fil-prezzijiet tal-gass (Infografika)

Affarijiet oħra

Taħt affarijiet oħra, il-presidenza infurmat lill-ministri dwar proposti leġiżlattivi attwali. Speċifikament, il-presidenza tat informazzjoni lill-ministri dwar il-proposta li jittejbu t-tfassil tas-suq tal-elettriku u l-pakkett tad-dekarbonizzazzjoni tas-swieq tal-gass u l-idroġenu tal-UE kif ukoll fajls leġiżlattivi oħrajn fejn dan l-aħħar intlaħaq qbil politiku fi trilogi mal-Parlament: id-direttiva dwar ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija u r-regolament dwar l-emissjonijiet tal-metan fis-settur tal-enerġija.

Il-ministru għall-enerġija tal-Ukrajna German Galushchenko ngħaqad mill-bogħod biex jinforma lill-Kunsill tal-Enerġija dwar is-sitwazzjoni tal-enerġija fl-Ukrajna bil-ħsieb tal-istaġun tax-xitwa u dwar is-sitwazzjoni tas-sistema tal-enerġija tal-Ukrajna.

Il-Kummissjoni infurmat lill-ministri dwar żviluppi reċenti fir-relazzjonijiet esterni fil-qasam tal-enerġija.

Il-Kummissjoni aġġornat lill-ministri wkoll dwar it-tħejjija għax-xitwa.

Il-ministri ġew infurmati wkoll dwar il-valutazzjoni mill-Kummissjoni tal-abbozzi tal-pjanijiet nazzjonali aġġornati għall-enerġija u l-klima.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tat lill-ministri informazzjoni dwar l-urġenza tal-implimentazzjoni tad-direttiva dwar l-enerġija rinnovabbli u d-direttiva dwar l-effiċjenza fl-enerġija.

Il-Litwanja tat lill-ministri informazzjoni dwar tħassib persistenti dwar is-sikurezza nukleari u t-trasparenza mal-bidu tal-operat kummerċjali tat-tieni unità tal-impjant tal-enerġija nukleari tal-Belarussja.

Il-Finlandja infurmat lill-ministri dwar l-avveniment fis-swieq ta' ġurnata bil-quddiem tal-elettriku fit-23 ta' Novembru.

Il-Belġju ppreżenta l-programm ta' ħidma tal-presidenza li ġejja.

F'ħin l-ikla ta' nofsinhar, l-ACER ippreżentat ir-rapport tagħha "Demand response and other distributed energy resources: what barriers are holding them back?"

Fl-aħħar nett, saru żewġ ċerimonji ta' ffirmar: fuq id-Dikjarazzjoni Politika dwar il-Finanzjament tal-Effiċjenza fl-Enerġija u l-Koalizzjoni Ewropea għall-Koalizzjoni għall-Finanzjament tal-Effiċjenza fl-Enerġija u l-Karta dwar l-Enerġija mir-Riħ.

Dokumenti tal-laqgħat

Stqarrijiet għall-istampa

Tagħrif għall-istampa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa

Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.

L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.

Kompli segwina

Laqgħat oħra: Kunsill Trasport, Telekomunikazzjoni u Enerġija

Ara laqgħat oħrajn

L-aħħar reviżjoni: 16 ta' Jannar 2025