- Kunsill Trasport, Telekomunikazzjoni u Enerġija
Kunsill Trasport, Telekomunikazzjoni u Enerġija (Enerġija), 4 ta' Marzu 2024
Riżultati prinċipali
Is-sigurtà tal-provvista u t-tħejjija għax-xitwa
Il-ministri qasmu l-fehmiet tagħhom dwar is-sitwazzjoni attwali tas-sigurtà tal-provvista u t-tħejjijiet għax-xitwa 2024-2025. Fost affarijiet oħra, huma indirizzaw modi kif jiġu evitati, kemm individwalment kif ukoll kollettivament, xokkijiet ġodda fil-prezzijiet u biex tissaħħaħ is-sigurtà tal-enerġija, filwaqt li jintlaħqu l-miri stabbiliti dwar id-dekarbonizzazzjoni u dwar l-eliminazzjoni gradwali tal-fjuwils fossili Russi.
Stati membri differenti insistew li l-interkonnessjonijiet u networks tal-enerġija interkonnessi sew kienu element kostitwenti essenzjali biex tiġi żgurata s-sigurtà tal-provvista matul il-kriżi u ser ikunu saħansitra aktar u aktar fis-snin li ġejjin. F'dak ir-rigward, ħafna insistew fuq il-ħtieġa li jiġu allokati biżżejjed riżorsi biex jiġi żgurat l-iżvilupp ta' networks transfruntiera tal-enerġija.
Ħafna ministri appellaw għall-eliminazzjoni gradwali tal-importazzjoni tal-gass Russu, id-diversifikazzjoni tar-rotot tal-provvista, iż-żieda fl-effiċjenza enerġetika, it-tkomplija tal-isforzi ta' sobrjetà enerġetika u t-tħaffif tal-elettrifikazzjoni bħala modi importanti biex tiżdied ir-reżiljenza u tiġi żgurata s-sigurtà tal-provvista.
F'dak il-kuntest, laħqu qbil politiku rigward ir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar it-tkomplija ta' miżuri kkoordinati għat-tnaqqis fid-domanda għall-gass. Dan l-istrument mhux vinkolanti jinkoraġġixxi lill-istati membri biex ikomplu bl-isforzi tagħhom biex inaqqsu d-domanda tagħhom għall-gass bi 15% (meta mqabbla mal-perjodu ta' referenza mill-1 ta' April 2017 sal-31 ta' Marzu 2022), filwaqt li jirrikonoxxi ċ-ċirkostanzi speċifiċi.
- Is-sigurtà tal-provvista tal-gass: l-istati membri jaqblu dwar rakkomandazzjoni biex jitkomplew il-miżuri volontarji għat-tnaqqis tad-domanda (stqarrija għall-istampa, 4 ta' Marzu 2024)
- Il-Kunsill jadotta formalment mira ta' tnaqqis ta' 15% fid-domanda għall-gass (stqarrijiet għall-istampa, 30 ta' Marzu 2023)
- Il-Kunsill jadotta regolament dwar it-tnaqqis fid-domanda għall-gass bi 15% din ix-xitwa (stqarrija għall-istampa, 5 ta' Awwissu 2022)
Imxejna ħafna mill-2022 'l hawn billi adottajna miżuri koordinati fl-UE u billi weġibna malajr għall-kriżi tal-enerġija kkawżata mill-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna. Il-qbil politiku li ntlaħaq illum juri l-impenn tagħna li nibqgħu ppreparati għal kull qtugħ fil-provvista u li niggarantixxu xitwa sikura għaċ-ċittadini u l-industriji tagħna. Tinne Van der Straeten, Ministru għall-Enerġija tal-Belġju
Il-flessibbiltà bħala għodda għat-tranżizzjoni tal-enerġija
Il-ministri qasmu wkoll il-fehmiet tagħhom dwar il-flessibbiltà bħala għodda essenzjali għat-tranżizzjoni tal-enerġija u biex jippermettu d-diżakkoppjament tal-fjuwils fossili Russi.
Huma identifikaw l-akbar ostakli fir-rigward ta' ingranaġġ tal-flessibbiltà, kif ukoll inċentivi possibbli permezz ta' skemi ta' appoġġ. Huma ddiskutew l-ostakli tekniċi, regolatorji u ekonomiċi biex tiġi żblukkata l-flessibbiltà fil-livell tal-konsumaturi domestiċi individwali.
Barra minn hekk, huma identifikaw l-elettrifikazzjoni tal-industriji u l-interkonnessjoni transfruntiera bħala mezzi ta' flessibbiltà fuq skala kbira. Ikkonkludew billi qasmu wkoll il-fehmiet tagħhom dwar kwalunkwe bidla possibbli fis-sistemi tariffarji nazzjonali għall-operaturi tal-grilja tat-trażmissjoni u tad-distribuzzjoni, wara r-riforma reċenti tas-suq tal-elettriku, bħala mod kif tiġi inċentivata l-flessibbiltà.
Is-settur tal-enerġija solari fl-Ewropa
Waqt l-ikla ta' nofsinhar, il-ministri ddiskutew l-istat tas-settur tal-enerġija solari fl-Ewropa. Huma ddiskutew il-kontribut importanti li jistgħu jagħtu l-fotovoltajċi solari għad-diżakkoppjament tal-fjuwils fossili Russi sal-2027 (skont il-pjan REPowerEU, huwa mistenni li dan jista' jissostitwixxi 9bcm ta' gass).
Il-ministri ħadu nota sew tal-ispjegazzjonijiet mill-mistednin minn Solar Power Europe u l-Kunsill Ewropew għall-Manifattura Solari. Huma kkummentaw dwar it-tħaffif impressjonanti li kien hemm fl-użu tal-fotovoltajċi solari madwar l-Ewropa kollha, filwaqt li ħadu nota wkoll li l-Kummissjoni tqis li jeħtieġ li jsir aktar.
Il-ministri appoġġaw ukoll b'mod ġenerali l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' azzjonijiet biex jappoġġaw u jespandu l-manifattura solari Ewropea, fost l-oħrajn permezz ta' enfasi fuq l-innovazzjoni u rkantijiet immirati, filwaqt li ħafna wissew kontra miżuri restrittivi fuq l-importazzjonijiet solari.
Affarijiet oħra
Taħt affarijiet oħra, il-Kummissjoni infurmat lill-ministri dwar il-progress li sar mill-istati membri bil-ħsieb li jintlaħqu l-objettivi tal-2030 għall-enerġija u l-klima.
- "Lesti għall-mira ta' 55%" (informazzjoni ġenerali)
- Tibdil fil-klima: x'qed tagħmel l-UE (informazzjoni ġenerali)
Il-ministri ġew infurmati wkoll dwar is-sitwazzjoni tal-enerġija fl-Ukrajna mill-Ministru għall-Enerġija tal-Ukrajna German Galushchenko (permezz ta' vidjokonferenza).
Id-delegazzjoni Litwana appellat lill-Kummissjoni Ewropea biex tesplora kwalunkwe azzjoni urġenti u tressaq il-proposti leġiżlattivi meħtieġa biex tinforza l-iskadenza sa mhux aktar tard mill-1 ta' Jannar 2027 għall-eliminazzjoni gradwali tal-importazzjonijiet tal-gass, inkluż l-LNG mir-Russja, filwaqt li insistiet li tali leġiżlazzjoni għandha tagħti s-setgħa lill-istati membri biex jieħdu l-miżuri meħtieġa fil-livell nazzjonali biex tintlaħaq tali skadenza.
Il-ministri għall-enerġija tal-Awstrija, taċ-Ċekja, tal-Ungerija u tas-Slovakkja pprovdew informazzjoni dwar l-impatti tal-imposta tan-newtralità għall-ħżin tal-gass u l-ħtieġa għal koordinazzjoni aħjar fil-livell Ewropew.
Il-Kunsill adotta wkoll mingħajr diskussjoni l-punti li jidhru fil-listi ta' punti A leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi.
Dokumenti tal-laqgħat
Dokumenti ta' tħejjija
Stqarrijiet għall-istampa
- Is-sigurtà tal-provvista tal-gass: l-istati membri jaqblu dwar rakkomandazzjoni biex jitkomplew il-miżuri volontarji għat-tnaqqis tad-domanda
- 04/03/2024
- Att dwar Ewropa Interoperabbli: il-Kunsill jadotta liġi ġdida għal servizzi pubbliċi diġitali aktar effiċjenti madwar l-UE
- 04/03/2024
- Skart elettroniku: il-Kunsill jadotta emendi biex jiġi ċċarat min għandu jħallas għall-ispejjeż tal-immaniġġjar
- 04/03/2024
Tagħrif għall-istampa
Kuntatti għall-istampa
-
Peristera Dimopoulou Press officer
- +32 471 33 53 26
- +32 2 281 61 56
Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.
Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa
Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.
L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.
Kompli segwina
- Irreġistra għall-allerti bl-email tagħna biex tirċievi aġġornamenti dwar din il-laqgħa u laqgħat simili.
- Segwi @EUCouncilPressgħall-aħħar aġġornamenti għall-istampa.
- Hashtag fuq X: #TTE
Laqgħat oħra: Kunsill Trasport, Telekomunikazzjoni u Enerġija
Laqgħat li seħħew
L-aħħar reviżjoni: 13 ta' Novembru 2025