"Il-cookies jintużaw biex intejbu l-esperjenza ta' navigazzjoni tiegħek. Il-cookies meħtieġa huma neċessarji biex jappoġġaw karatteristiċi essenzjali tas-sit web tal-Kunsill. Il-cookies fakultattivi jgħinuna nipproduċu rapporti statistiċi anonimi u aggregati biex naqdu aħjar il-ħtiġijiet tiegħek.
Bil-permess tiegħek, ser nużaw cookies biex nipproduċu data aggregata anonima dwar in-navigazzjoni u l-imġiba tal-viżitaturi fuq is-sit web tagħna. Ser nużaw din id-data biex intejbu l-esperjenza tiegħek tan-navigazzjoni fuq is-sit web tagħna.
Kunsill Trasport, Telekomunikazzjoni u Enerġija (Telekomunikazzjoni), 5 ta' Diċembru 2023
Riżultati prinċipali
Il-Kunsill qabel dwar il-pożizzjoni tiegħu (approċċ ġenerali) fir-rigward ta' regolament dwar miżuri biex jitnaqqas il-kost tal-introduzzjoni tan-networks tal-komunikazzjoni elettronika tal-gigabits (att dwar l-infrastruttura tal-gigabits). Evalwa wkoll il-progress fid-diskussjonijiet dwar regolament li jistabbilixxi miżuri li jsaħħu s-solidarjetà u l-kapaċitajiet fl-UE tad-detezzjoni, it-tħejjija u r-rispons għat-theddid u l-inċidenti taċ-ċibersigurtà (att dwar iċ-ċibersolidarjetà).
Il-ministri kellhom ukoll dibattitu ta' orjentazzjoni dwar it-tmexxija u l-kompetittività teknoloġika b'enfasi fuq l-investimenti fin-networks u l-infrastrutturi diġitali. Fl-aħħar nett, il-presidenza aġġornat lill-ministri dwar is-sitwazzjoni attwali ta' għadd ta' fajls leġiżlattivi.
Kienet laqgħa kostruttiva. Qbilna dwar il-pożizzjoni tagħna dwar liġi ġdida għall-introduzzjoni ta' networks b'veloċità għolja, kif ukoll dwar linji gwida politiċi biex nippromwovu l-investimenti fin-networks u l-infrastruttura diġitali bil-ħsieb li titlesta t-trasformazzjoni diġitali tal-UE sa tmiem dan id-deċennju.
María González Veracruz, segretarju tal-istat għat-telekomunikazzjoni u l-infrastrutturi diġitali ta' Spanja
Qisna l-progress ġmielu li sar s'issa fuq proposta storika biex jissaħħu l-kapaċitajiet u s-solidarjetà fil-qasam taċ-ċibersigurtà madwar l-UE. Ser inkomplu naħdmu qatigħ fuq dan il-fajl leġiżlattiv bit-tama li dalwaqt ser inkunu nistgħu naqblu dwar mandat ta' negozjar fil-Kunsill u nibdew taħditiet mal-Parlament Ewropew malajr kemm jista' jkun.
Rigward l-intelliġenza artifiċjali, id-dinja għandha għajnejha fuqna. Jeħtieġ li naqblu dwar l-ewwel leġiżlazzjoni internazzjonali li tiżgura IA ċċentrata fuq il-bniedem, innovattiva u sikura. Ser nagħmlu użu bil-galbu tal-mandat li ngħatajna u nittamaw li għada jkollna dibattitu produttiv u konklużiv mal-Parlament Ewropew.
Carme Artigas, segretarju tal-istat għad-diġitalizzazzjoni u l-intelliġenza artifiċjali ta' Spanja
Att dwar l-infrastruttura tal-gigabits
Il-Kunsill qabel dwar il-pożizzjoni tiegħu dwar regoli ġodda li għandhom l-għan li jnaqqsu l-kost tal-introduzzjoni tan-networks tal-komunikazzjoni elettronika tal-gigabits (att dwar l-infrastruttura tal-gigabits). Il-proposta tal-Kummissjoni għandha l-għan li tnaqqas il-kostijiet għoljin tal-introduzzjoni tal-infrastruttura tal-komunikazzjoni elettronika b'veloċità għolja ħafna, ikkawżati parzjalment mill-proċeduri tal-għoti tal-permessi qabel l-introduzzjoni jew l-aġġornament tan-networks. Ir-regolament għandu wkoll l-għan li jħaffef l-introduzzjoni tan-networks, li jipprovdi ċertezza legali u trasparenza għall-atturi ekonomiċi kollha u li jipprevedi proċessi ta' ppjanar u ta' introduzzjoni aktar effiċjenti għall-operaturi tan-networks pubbliċi tal-komunikazzjoni elettronika. Barra minn hekk, ir-regoli jindirizzaw l-introduzzjoni u l-aċċess għall-infrastruttura fiżika ġol-bini.
Il-ministri qablu li hemm distakk enormi bejn l-investimenti meħtieġa biex jintlaħqu l-miri tal-konnettività tal-UE għall-2030 u dak li bħalissa qed jiġi investit. Filwaqt li nnotaw li l-proċeduri amministrattivi għall-infrastruttura tan-network spiss ikunu twal, kumplessi u differenti fost l-istati membri, il-ministri qablu dwar l-importanza tar-regolament il-ġdid fl-armonizzazzjoni tal-proċessi rilevanti u fl-aċċellerazzjoni tat-trasformazzjoni diġitali tal-UE għall-benefiċċju taċ-ċittadini u n-negozji. L-approċċ ġenerali tal-Kunsill huwa l-mandat ta' negozjar għall-presidenza biex tibda taħditiet mal-Parlament Ewropew.
Il-ministri għat-telekomunikazzjoni ħadu nota ta' rapport ta' progress dwar regolament li jistabbilixxi miżuri li jsaħħu s-solidarjetà u l-kapaċitajiet fl-Unjoni tad-detezzjoni, it-tħejjija u r-rispons għat-theddid u l-inċidenti taċ-ċibersigurtà. (att dwar iċ-ċibersolidarjetà). L-objettiv ewlieni ta' din il-proposta huwa li ssaħħaħ is-solidarjetà fil-livell tal-UE sabiex isir titjib fid-detezzjoni, it-tħejjija u r-rispons għat-theddid u l-inċidenti taċ-ċibersigurtà. Il-proposta għandha l-għan li żżid ir-reżiljenza taċ-ċittadini, tan-negozji u tal-entitajiet li joperaw fis-setturi kritiċi u dawk kritiċi ħafna fil-konfront tat-theddid dejjem akbar taċ-ċibersigurtà li jħalli impatti soċjetali u ekonomiċi.
Il-ministri qablu li r-regolament isaħħaħ il-kapaċitajiet komuni tal-UE fir-rigward tad-detezzjoni u l-għarfien tas-sitwazzjoni tat-theddid u l-inċidenti ċibernetiċi, isaħħaħ it-tħejjija tal-entitajiet kritiċi madwar l-UE u jsaħħaħ is-solidarjetà billi jiżviluppa kapaċitajiet ta' rispons komuni fil-konfront ta' inċidenti taċ-ċibersigurtà sinifikanti jew fuq skala kbira. Qablu li l-ħidma għandha tkompli fil-livell tekniku sabiex fil-Kunsill ikun jista' jinkiseb mandat ta' negozjar għal taħditiet mal-Parlament Ewropew malajr kemm jista' jkun.
Networks u infrastruttura diġitali
Fuq l-inizjattiva tal-presidenza u bħala segwitu għall-iskambju ta' fehmiet fil-laqgħa informali tal-ministri għat-telekomunikazzjoni tat-23 u l-24 ta' Ottubru 2023 f'León, il-Kunsill kellu dibattitu ta' orjentazzjoni dwar it-tmexxija u l-kompetittività teknoloġika b'enfasi fuq l-investimenti fin-networks u l-infrastruttura diġitali. Il-konsultazzjoni pubblika rilevanti mwettqa mill-Kummissjoni kkonkludiet li l-operaturi Ewropej tat-telekomunikazzjoni jeħtieġu skala u ħeffa biex jadattaw għal din ir-rivoluzzjoni teknoloġika, iżda qed jinżammu lura mill-frammentazzjoni tas-suq. Huma biss ftit l-operaturi Ewropej li huma attivi f'aktar minn stat membru wieħed, u fl-UE għad hemm limitazzjonijiet għal suq uniku fil-konnettività. Il-programm ta' ħidma tal-Kummissjoni għall-2024 jindika li hija ser twitti triq għal azzjonijiet regolatorji u ta' politika possibbli rigward networks u infrastruttura diġitali, b'mod partikolari biex jiġu ffaċilitati l-operaturi tal-infrastruttura transfruntiera fis-suq uniku, tiġi aċċellerata l-introduzzjoni tat-teknoloġiji u jiġi attirat aktar kapital fin-networks.
Fid-dawl ta' dan kollu, il-ministri għarfu li s-settur tat-telekomunikazzjoni qed jiffaċċa sfidi u opportunitajiet ġodda kritiċi għall-kompetittività u s-sostenibbiltà tiegħu fuq perjodu medju u twil ta' żmien, minħabba l-konverġenza bejn it-telekomunikazzjoni u networks definiti mis-software abbażi tal-cloud, l-importanza dejjem akbar ta' ħtiġijiet ta' prestazzjoni u sigurtà, il-feġġ ta' atturi dominanti ġodda fil-katina tal-valur, u l-iżvilupp ta' teknoloġiji ġodda li jeħtieġu investimenti konsiderevoli. Għaldaqstant, il-ministri qablu li għandha titkompla l-ħidma biex tinsab soluzzjoni għall-problemi identifikati u li r-regolamenti tal-UE għandhom jiġu adattati għall-kuntest il-ġdid ikkaratterizzat minn sfidi ġeopolitiċi importanti u bidliet teknoloġiċi rapidi. F'dan ir-rigward, huma esploraw il-miżuri possibbli li għandhom jiġu promossi fis-suq tat-telekomunikazzjoni biex jitrawwem ambjent diġitali sostenibbli u sigur u jiġu garantiti s-sovranità u l-indipendenza diġitali tal-UE. Bl-istess mod, il-ministri kellhom ukoll skambju ta' fehmiet dwar miżuri li jistgħu jiġu adottati biex jiggarantixxu s-sigurtà u r-reżiljenza tal-kejbils sottomarini kritiċi, inkluż iżda mhux limitat għall-governanza, ir-regolamentazzjoni u l-finanzjament.
Affarijiet oħra
Il-presidenza aġġornat lill-Kunsill fir-rigward tas-sitwazzjoni attwali ta' għadd ta' proposti leġiżlattivi, li huma:
l-att dwar l-intelliġenza artifiċjali (AIA)
ir-reviżjoni tar-regolament dwar identità diġitali Ewropea (eIDAS)
l-att dwar Ewropa interoperabbli
l-att dwar ir-reżiljenza ċibernetika
l-abbozz ta' regolament dwar emenda mmirata tal-att dwar iċ-ċibersigurtà fir-rigward tas-servizzi tas-sigurtà ġestiti
Il-presidenza infurmat ukoll lill-Kunsill dwar attivitajiet u avvenimenti fil-qasam diġitali, inkluż id-dikjarazzjoni ministerjali ta' León dwar in-newroteknoloġija, u r-raba' assemblea tal-alleanza Ewropea għall-intelliġenza artifiċjali (IA) li saret f'Madrid fis-16 u s-17 ta' Novembru 2023.
Il-Kummissjoni ser tinforma lill-ministri dwar is-sitwazzjoni attwali tal-inizjattivi internazzjonali fil-qasam diġitali b'enfasi fuq il-kunsilli tal-kummerċ u t-teknoloġija u s-sħubijiet diġitali. Il-Kummissjoni aġġornat ukoll lill-Kunsill dwar il-gateways Ewropej tad-data bħala element ewlieni tad-dikjarazzjoni ministerjali tal-UE dwar id-deċennju diġitali u infurmat lill-Kunsill dwar l-edizzjoni tal-2023 tal-konferenza dinjija dwar ir-radjukomunikazzjoni (WRC-23) tal-Unjoni Internazzjonali tat-Telekomunikazzjoni (UIT).
Fl-aħħar nett, il-presidenza Belġjana li jmiss ippreżentat il-prijoritajiet u l-programm ta' ħidma tagħha għal-ewwel nofs tal-2024.
Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.
L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.