COVID-19: ir-rispons tal-UE għar-riperkussjonijiet ekonomiċi
L-UE u l-istati membri tagħha ħadu azzjoni biex inaqqsu kemm jista' jkun l-impatt negattiv tal-pandemija tal-COVID-19 fuq l-ekonomija.
F'din il-paġna tista' ssir taf aktar dwar il-miżuri konkreti li l-UE qed tieħu biex tappoġġa l-irkupru ekonomiku:
- il-pjan ta' rkupru tal-UE, Next Generation EU
- SURE: appoġġ temporanju għall-ħaddiema
- emendi għall-baġit tal-UE biex jiġu indirizzati kwistjonijiet urġenti
- direzzjoni mill-ġdid tal-fondi tal-UE biex tingħata għajnuna lill-istati membri l-aktar fil-bżonn
- appoġġ għas-setturi l-aktar affettwati
Pjan ta' rkupru għall-Ewropa
Fit-23 ta' April 2020, il-mexxejja tal-UE ddeċidew li jaħdmu biex jistabbilixxu fond għall-irkupru tal-UE bil-għan li jtaffi l-effetti tal-kriżi. Huma inkarigaw lill-Kummissjoni Ewropea biex b'mod urġenti toħroġ bi proposta, li tiċċara wkoll ir-rabta bejn il-fond u l-baġit fit-tul tal-UE. Il-proposta, pjan ta' rkupru għall-Ewropa, ġiet ippreżentata mill-Kummissjoni Ewropea fis-27 ta' Mejju 2020.
Fil-21 ta' Lulju 2020, il-mexxejja tal-UE qablu dwar sforz għall-irkupru ta' €750 biljun, Next Generation EU, biex jgħin lill-UE tindirizza l-kriżi kkawżata mill-pandemija.
Flimkien mal-pakkett ta' rkupru, il-mexxejja tal-UE qablu dwar baġit tal-UE fit-tul għall-2021-2027 ta' €1074.3 biljun. Fost l-oħrajn, il-baġit ser jappoġġa l-investiment fit-tranżizzjoni diġitali u dik ekoloġika u fir-reżiljenza.
Flimkien mal-€540 biljun ta' fondi diġà fis-seħħ għat-tliet xbieki ta' sikurezza (għall-ħaddiema, għan-negozji u għall-istati membri), il-pakkett għall-irkupru globali tal-UE jammonta għal €2 364.3 biljun.(fi prezzijiet tal-2018).
Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill laħqu qbil preliminari dwar dan il-pakkett fl-10 ta' Novembru 2020. Il-Kunsill Ewropew tal-10 u l-11 ta' Diċembru 2020 indirizza t-tħassib li tqajjem dwar il-ftehim u witta t-triq biex jiġi adottat il-pakkett ta' rkupru.
Baġit għall-2021-2027 u pjan ta' rkupru tal-UE (Infografika)
Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza
Ir-regolament li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (RRF) ġie adottat mill-Kunsill fil-11 ta' Frar 2021. Dan l-istrument, li huwa fil-qalba ta' Next Generation EU, iġib miegħu €672.5 biljun f'appoġġ lill-istati membri biex jgħinhom jindirizzaw l-impatt ekonomiku u soċjali tal-pandemija tal-COVID-19.
Fit-13 ta' Lulju 2021, l-ewwel 12-il pajjiż tal-UE - l-Awstrija, il-Belġju, id-Danimarka, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Italja, il-Latvja, il-Lussemburgu, il-Portugall, is-Slovakkja u Spanja - ingħataw l-approvazzjoni għall-użu tal-fondi tal-UE għall-irkupru u r-reżiljenza biex jagħtu spinta lill-ekonomiji tagħhom u jirkupraw mill-konsegwenzi tal-COVID-19.
Fit-28 ta' Lulju 2021, erba' pajjiżi oħra tal-UE – il-Kroazja, Ċipru, il-Litwanja u s-Slovenja – ukoll ingħataw l-approvazzjoni.
Fit-8 ta' Settembru 2021, il-Kunsill adotta d-deċiżjonijiet ta' implimentazzjoni tiegħu dwar l-approvazzjoni tal-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza għaċ-Ċekja u l-Irlanda.
Fil-5 ta' Ottubru 2021, il-Kunsill adotta d-deċiżjonijiet ta' implimentazzjoni tiegħu dwar l-approvazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza ta' Malta.
Fid-29 ta' Ottubru 2021, tliet pajjiżi tal-UE - l-Estonja, il-Finlandja u r-Rumanija - ingħataw l-approvazzjoni peress li l-Kunsill, wara proċedura bil-miktub, adotta d-deċiżjonijiet ta' implimentazzjoni dwar l-approvazzjoni tal-pjanijiet tagħhom għall-irkupru u r-reżiljenza.
Fit-3 ta' Mejju 2022, il-Kunsill laqa' l-valutazzjoni tal-pjanijiet nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza għal żewġ pajjiżi oħra - il-Bulgarija u l-Iżvezja.
Fis-17 ta' Ġunju 2022, il-Kunsill adotta d-deċiżjoni ta' implimentazzjoni dwar l-approvazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tal-Polonja.
Fl-4 ta' Ottubru 2022, il-ministri għall-ekonomija u l-finanzi taw l-approvazzjoni tagħhom għall-pjan nazzjonali tan-Netherlands.
Fis-16 ta' Diċembru 2022, il-Kunsill approva l-pjan nazzjonali tal-Ungerija.
Fond għall-irkupru: l-UE tagħti riżultati (Infografika)
It-tweġiba ta' emerġenza tal-UE għall-pandemija tal-COVID-19: x'diġà għamlet l-UE
Matul dawn iż-żminijiet ta' kriżi, l-UE u l-istati membri tagħha qed jaħdmu flimkien u jgħinu lil xulxin.
L-UE mmobilizzat riżorsi bħala appoġġ għar-rispons ta' emerġenza kontra l-virus: niżguraw il-provvista ta' tagħmir protettiv, insaħħu r-riċerka u nappoġġaw lis-sħab globali tagħna fil-bżonn.
Ir-rispons ta' emerġenza tal-UE għall-pandemija tal-COVID-19 (Infografika)
Xbieki ta' sikurezza għall-ħaddiema, in-negozji u l-istati membri
Fid-9 ta' April 2020, il-Grupp tal-Euro ppreżenta tliet xbieki ta' sikurezza immedjati, b'valur ta' €540 biljun, li ġew iffinalizzati f'Mejju 2020. Huma mfassla biex jappoġġaw:
- lill-impjiegi u l-ħaddiema
- lin-negozji
- lill-istati membri
L-impjiegi u l-ħaddiema
L-UE ħolqot strument li jagħti appoġġ temporanju biex jittaffew ir-riskji ta' qgħad f'emerġenza (SURE) biex tgħin lin-nies iżommu xogħolhom matul il-kriżi. L-iskema tipprovdi self b'termini favorevoli lill-istati membri biex ikopru parti mill-ispejjeż relatati mal-ħolqien jew l-estensjoni ta' skemi nazzjonali ta' xogħol b'ħinijiet iqsar.
Hemm appoġġ finanzjarju destinat għal 19-il stat membru:
- Belġju: €8.2 biljun
- Bulgarija: €971 miljun
- Kroazja: €1.6 biljun
- Ċipru: €632 miljun
- Ċekja: €4.5 biljun
- Estonja: €230 miljun
- Greċja: €6.2 biljun
- Ungerija: €651 miljun
- Italja: €27.4 biljun
- Irlanda: €2.5 biljun
- Latvja: €472 miljun
- Litwanja: €1.1 biljun
- Malta: €420 miljun
- Polonja: €11.2 biljun
- Portugall: €6.2 biljun
- Rumanija: €3 biljun
- Slovakkja: €630 miljun
- Slovenja: €1.1 biljun
- Spanja: €21.3 biljun
Dawn l-ammonti kienu soġġetti għal qbil mill-Kunsill. L-appoġġ finanzjarju totali ta' SURE jammonta għal €98.4 biljun għal 19-il stat membru.
Sal-14 ta' Diċembru 2022 (l-aktar żborż reċenti u dak finali), 19-il stat membru kienu rċevew total ta' kważi €98 4 biljun ta' appoġġ SURE.
- COVID-19: il-Kunsill japprova €87.4 biljun f'appoġġ finanzjarju għall-istati membri taħt SURE (stqarrija għall-istampa, 25 ta' Settembru 2020)
- Il-Kunsill japprova appoġġ temporanju biex itaffi r-riskji ta' qgħad f'emerġenza (stqarrija għall-istampa, 19 ta' Mejju 2020)
- SURE (Kummissjoni Ewropea)
Negozji
Il-Grupp tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) stabbilixxa fond ta' garanzija pan-Ewropew ta' €25 biljun. Il-fond ser jipprovdi self sa €200 biljun għall-kumpaniji b'enfasi fuq intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs) fl-UE kollha.
Dan flimkien ma' aktar fondi ta' emerġenza li diġà ġew ingranati mill-BEI biex jitnaqqsu l-ħtiġijiet ta' finanzjament fuq perjodu qasir ta' żmien tal-SMEs u jingħata appoġġ lis-settur tas-saħħa.
Stati membri
Il-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà stabbilixxa l-Appoġġ fil-Kriżi Pandemika bbażat fuq linja ta' kreditu prekawzjonarja eżistenti, aġġustata għall-kriżi tal-COVID-19. Dan jista' jipprovdi self disponibbli għall-istati membri kollha taż-żona tal-euro sa 2% tal-PDG tagħhom, sa valur totali ta' €240 biljun.
5 modi kif l-UE u l-istati membri jaħdmu flimkien kontra l-COVID-19
Hemm ħafna x'ngħidu dwar kif l-UE u l-istati membri tagħha jaħdmu flimkien bħala tim biex jgħinu lin-nies jiffaċċaw il-pandemija tal-COVID-19. Mill-akkwist ta' vaċċini sikuri u effettivi, għall-provvista ta' tagħmir mediku fejn ikun l-aktar meħtieġ, għat-teħid ta' pazjenti minn pajjiżi oħra; mill-protezzjoni tal-impjiegi u tal-ħaddiema għall-għajnuna lill-pajjiżi sħab madwar id-dinja, il-pajjiżi tal-UE għamlu ferm aktar milli kien mistenni minnhom biex jappoġġaw lil xulxin.
Emendi għall-baġit tal-UE
Baġit 2021
Fid-9 ta' April 2021, il-Kunsill approva €121.5 miljun addizzjonali permezz tar-Riżerva ta' Solidarjetà u Għajnuna ta' Emerġenza biex jiġu indirizzati ħtiġijiet urġenti relatati mal-pandemija tal-COVID-19.
Il-fondi ser jappoġġaw:
- il-ħidma preparatorja għaċ-ċertifikati diġitali tal-COVID tal-UE biex jiġi ffaċilitat il-moviment liberu
- il-kapaċitajiet tal-istati membri biex jidentifikaw u jimmonitorjaw varjanti ġodda
- l-iżvilupp u l-evalwazzjoni ta' assaġġi ġodda ta' traskrizzjoni inversa u reazzjoni katina bil-polimerażi (RT-PCR) għal kull varjant emerġenti ġdid qabel ma jiġu implimentati t-testijiet, filwaqt li tiġi żgurata kapaċità suffiċjenti ta' ttestjar fl-istati membri
- il-monitoraġġ tas-SARS-CoV-2 u l-varjanti tiegħu fl-ilmijiet mormija
- l-iżvilupp ulterjuri tal-pjattaforma ta' skambju għall-formoli tal-lokalizzazzjoni tal-passiġġieri
B'kollox, il-Kummissjoni pproponiet €245.2 miljun ta' finanzjament addizzjonali mill-baġit tal-UE biex tappoġġa dawn l-inizjattivi, kif ukoll €100 miljun għal ħtiġijiet emerġenti ulterjuri marbuta mal-kriżi tal-coronavirus. L-abbozz ta' baġit emendatorju li ser ikopri parti minn din in-nefqa ġie adottat mill-Kunsill u mill-Parlament f'Lulju 2021.
Baġit 2020
Bħala tweġiba immedjata għall-konsegwenzi tal-COVID-19, l-UE emendat il-baġit tagħha għall-2020, u żiedet €3.1 biljun biex:
- tixtri u tqassam provvisti mediċi, fosthom tagħmir protettiv u ventilaturi
- tagħti spinta lill-produzzjoni ta' apparat għall-ittestjar
- tibni sptarijiet fuq il-post
- tittrasferixxi pazjenti għal trattament fi stati membri oħra
- tagħmel ripatrijazzjoni ta' ċittadini tal-UE maqbuda barra minn pajjiżhom
Fil-11 ta' Settembru 2020, il-Kunsill qabel li jżid €6.2 biljun oħra mal-baġit tal-UE għall-2020. Il-baġit rivedut iżid il-pagamenti għal:
- l-iżvilupp u t-tqassim ta' tilqima kontra l-COVID-19: il-Kummissjoni Ewropea ser tuża dawn il-flus biex tordna minn qabel dożi tat-tilqima (€1.09 biljun)
- L-Inizjattivi ta' Investiment fir-Rispons għall-Coronavirus (CRII u CRII+): flus mill-baġit tal-UE jiġu diretti mill-ġdid biex tiġi indirizzata l-kriżi tal-COVID-19 (€5.1 biljun)
Ridirezzjoni ta' fondi tal-UE
L-UE malajr allokat mill-ġdid il-fondi ta' koeżjoni biex tgħin lill-istati membri jindirizzaw il-kriżi tal-COVID-19:
- €37 biljun mill-baġit tal-UE disponibbli biex jiġu appoġġati s-sistemi tal-kura tas-saħħa, l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs) u s-swieq tax-xogħol permezz tal-Inizjattiva ta' Investiment fir-Rispons għall-Coronavirus (CRII)
- sa €28 biljun ta' fondi strutturali, mill-pakketti nazzjonali tal-2014-2020 li għadhom ma ġewx allokati għal proġetti, huma eliġibbli għar-rispons għall-kriżijiet
- sa €800 miljun mill-Fond ta' Solidarjetà tal-UE, għall-pajjiżi li ntlaqtu l-agħar, bis-saħħa ta' estensjoni tal-ambitu tal-fond biex jinkludi kriżijiet ta' saħħa pubblika
L-UE adottat ukoll miżuri biex tiżgura flessibbiltà addizzjonali fl-użu tal-fondi strutturali. Bis-saħħa tal-hekk imsejħa Inizjattiva ta' Investiment fir-Rispons għall-Coronavirus Plus (CRII+):
- l-istati membri jistgħu jittrasferixxu flus bejn fondi differenti biex jaqdu l-ħtiġijiet tagħhom
- ir-riżorsi jistgħu jiġu diretti mill-ġdid lejn l-aktar reġjuni milquta, bis-saħħa ta' sospensjoni tal-kundizzjonijiet li bihom ir-reġjuni huma intitolati għal finanzjament
- l-istati membri jistgħu jitolbu sa 100% tal-finanzjament mill-baġit tal-UE bejn l-1 ta' Lulju 2020 u t-30 ta' Ġunju 2021 għal programmi li jittrattaw l-impatt tal-pandemija
L-inizjattiva tinkludi wkoll appoġġ għas-sajjieda u l-bdiewa u reviżjoni tal-Fond għal Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn (FEAD).
L-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija (EIT) iffinanzjat minn Orizzont 2020 nieda wkoll inizjattiva ta' tweġiba għall-kriżijiet. L-istitut ser jipprovdi finanzjament addizzjonali ta' €60 miljun lil innovaturi li jħaddmu soluzzjonijiet b'impatt qawwi li jgħinu biex jiġu indirizzati l-isfidi soċjali u ekonomiċi.
Flessibbiltà fl-applikazzjoni tar-regoli tal-UE
L-UE ppermettiet flessibbiltà massima fl-applikazzjoni tar-regoli tal-UE dwar il-finanzi pubbliċi u l-politiki fiskali, eż. biex jiġi akkomodat infiq ta' eċċezzjoni.
Biex jitħarsu l-impjiegi u n-negozji, l-UE adottat regoli temporanji dwar l-għajnuna mill-istat li jippermettu lill-istati membri jappoġġaw finanzjarjament lil kumpaniji u ċittadini li qegħdin ibatu minħabba l-konsegwenzi ekonomiċi tal-COVID-19.
Minn Ottubru 2020, l-appoġġ fiskali nazzjonali totali jammonta għal 4% tal-PDG u ser ikompli fl-2021.
Miżuri tal-UE biex jiġu appoġġati s-setturi l-aktar affettwati mill-pandemija
Agrikoltura u sajd
L-UE tipprovdi appoġġ lis-setturi tal-agrikoltura u s-sajd, filwaqt li tagħraf ir-rwol vitali tagħhom li jiżguraw id-disponibbiltà tal-ikel għaċ-ċittadini tal-UE.
Dawn il-miżuri jinkludu:
- appoġġ dirett lil bdiewa, sajjieda u benefiċjarji oħra
- flessibbiltà fl-użu ta' fondi li ma ntefqux fil-Politika Agrikola Komuni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd
Barra minn hekk, l-UE stabbiliet "korsiji ħodor" biex tippermetti l-fluss ta' ikel madwar l-Ewropa u għarfet lill-ħaddiema staġjonali bħala "ħaddiema kritiċi". Tat ukoll għajnuna għall-ħżin ta' prodotti u ssimplifikat xi proċeduri amministrattivi fil-programmi tagħha.
COVID-19: appoġġ tal-UE lill-agrikoltura u s-sajd (Infografika)
Trasport
Is-settur tat-trasport intlaqat ferm ħażin mill-pandemija tal-COVID-19. Is-sitwazzjoni epidemjoloġika u t-tnaqqis fir-ritmu tal-ekonomija bħala riżultat ta' lockdowns wasslu għal tnaqqis drastiku fid-domanda u s-servizzi tat-trasport madwar it-territorju tal-UE b'konsegwenzi ekonomiċi għas-settur.
F'dawn l-aħħar xhur, il-volumi tat-traffiku reġgħu żdiedu. Pereżempju, l-għadd ta' titjiriet li jsiru kuljum fl-UE dan l-aħħar irdoppja meta mqabbel mal-perjodu tal-pandemija fl-2020. Iż-żidiet fil-volumi tat-trasport huma dovuti l-aktar għall-irkupru ekonomiku, kif ukoll għal miżuri u proċeduri bħall-"korsiji ħodor", iċ-ċertifikat diġitali tal-COVID tal-UE u l-formola ta' lokalizzazzjoni tal-passiġġieri, li ġew stabbiliti sabiex jiffaċilitaw il-flussi tat-traffiku u l-ivvjaġġar.
Miżuri tat-trasport tal-UE matul il-kriżi tal-COVID-19
Sa minn Marzu 2020, l-istati membri tal-UE qablu dwar il-ħtieġa li jkun hemm approċċ koordinat dwar kif l-aħjar tiġi żgurata l-kontinwità ekonomika, jiġu protetti s-saħħa u s-sikurezza tal-ħaddiema tat-trasport u l-moviment liberu tagħhom bejn il-fruntieri, filwaqt li ssir enfasi fuq it-trażżin tat-tixrid tal-pandemija tal-COVID-19.
Fost l-azzjonijiet koordinati tal-UE l-aktar immedjati, l-istati membri qablu li jistabbilixxu "korsiji ħodor" biex jippermettu l-fluss ta' merkanzija madwar l-Ewropa, filwaqt li jippermettu eċċezzjonijiet u jiffaċilitaw il-proċeduri ta' verifika għall-provvisti u l-persunal.
Barra minn hekk ittieħdu għadd ta' miżuri biex jgħinu lill-kumpaniji u lill-awtoritajiet fis-setturi tal-avjazzjoni, tat-trasport bil-ferrovija, tat-trasport bit-triq u tat-trasport marittimu biex ilaħħqu mal-impatt tal-kriżi tal-coronavirus:
- emenda temporanja tar-rekwiżiti dwar is-slots tal-ajruporti li tagħti lil-linji tal-ajru użu inqas mistenni tas-slots tagħhom f'sistema flessibbli
- emenda temporanja għar-regoli dwar is-servizzi tal-ajru biex jiġu appoġġati l-linji tal-ajru u l-ajruporti u regoli temporanji dwar is-servizzi ta' groundhandling
- estensjoni tal-iskadenza għat-traspożizzjoni tad-direttivi dwar is-sikurezza u l-interoperabbiltà ferrovjarja tar-raba' pakkett ferrovjarju biex l-industrija ferrovjarja u l-awtoritajiet jingħataw flessibbiltà u ċertezza legali
- miżuri temporanji li jippermettu l-estensjoni tal-validità ta' ċerti ċertifikati u liċenzji fit-trasport bit-triq, bil-ferrovija u fuq l-ilma, u li jillaxkaw ir-regoli dwar il-ħlas mill-bastimenti għall-użu tal-infrastrutturi tal-port
- eżenzjoni minn ċerti piżijiet infrastrutturali għall-kumpaniji ferrovjarji filwaqt li jiġi żgurat rimborż f'waqtu għall-fornituri tal-infrastruttura
Fit-23 ta' Ottubru 2020, il-Kunsill adotta konklużjonijiet li jappellaw lill-Kummissjoni biex tfassal malajr pjan ta' kontinġenza għal pandemija u kriżijiet maġġuri oħra għas-settur tat-trasport tal-merkanzija Ewropew. Pjan bħal dan għandu jinkludi miżuri ta' koordinazzjoni fil-livell tal-UE u linji gwida ċari u jiżgura li fil-futur il-pajjiżi tal-UE jkunu ppreparati aħjar għal attivitajiet mhux mistennija.
Fi Frar 2022, minħabba l-kontinwazzjoni tat-tfixkil fit-traffiku ferrovjarju minħabba l-pandemija, il-Kunsill estenda l-miżuri ta' emerġenza stabbiliti f'Ottubru 2020 għas-settur sat-30 ta' Ġunju 2022. Il-miżuri jagħtu lill-istati membri l-possibbiltà li jitnaqqsu ċerti ħlasijiet għall-infrastruttura għall-kumpaniji ferrovjarji filwaqt li jiżguraw rimborż f'waqtu għall-fornituri tal-infrastruttura.
Il-politika monetarja
F'Marzu 2020, il-Bank Ċentrali Ewropew stabbilixxa programm ta' xiri ta' emerġenza fil-każ ta' pandemija b'valur ta' €750 biljun. Il-programm irċieva spinta oħra fl-4 ta' Ġunju 2020, b'ammont addizzjonali ta' €600 biljun, biex b'hekk it-total żdied għal €1 350 biljun.
Għal aktar aġġornamenti dwar il-laqgħat tal-Kunsill relatati mal-COVID-19, l-istqarrijiet għall-istampa, l-infografika u l-pubblikazzjonijiet ara hawnhekk: