Skip to content
  • 2023

    27 ta' Ġunju

    Il-Kunsill jadotta rakkomandazzjoni biex tiġi żgurata tranżizzjoni bla xkiel lejn ċertifikati tas-saħħa diġitali tad-WHO

    Il-Kunsill adotta rakkomandazzjoni biex tiġi żgurata t-tranżizzjoni bla xkiel tas-sistema ta' ċertifikazzjoni tal-COVID-19 lejn network globali taċ-ċertifikazzjoni tas-saħħa diġitali tad-WHO.

    Ir-rakkomandazzjoni tħeġġeġ lill-istati membri jissieħbu, jsegwu u jipparteċipaw f'aktar żvilupp tan-network globali taċ-ċertifikazzjoni tas-saħħa diġitali tad-WHO. Sakemm l-istati membri jkunu konnessi miegħu, u matul il-perjodu sa tmiem l-2023, huma mħeġġa jibqgħu konnessi mal-Gateway tal-UE (l-infrastruttura diġitali eżistenti tal-UE għall-verifika taċ-ċertifikati).

  • 2023

    5 ta' Ġunju

    Id-WHO tadotta s-sistema tal-UE ta' ċertifikazzjoni diġitali tal-COVID-19

    L-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) tadotta s-sistema tal-UE ta' ċertifikazzjoni diġitali tal-COVID-19 biex tistabbilixxi sistema dinjija li tgħin biex iċ-ċittadini madwar id-dinja jitħarsu minn theddid għas-saħħa attwali u futur, inkluż pandemiji.

    In-network globali taċ-ċertifikazzjoni tas-saħħa diġitali tad-WHO jintegra t-teknoloġija żviluppata fiċ-ċertifikati COVID diġitali tal-UE.

  • 2023

    2 ta' Mejju

    Diżattivazzjoni tal-IPCR b'modalità sħiħa

    Fit-2 ta' Mejju 2023, il-presidenza Żvediża ddeċidiet li tiddiżattiva l-modalità sħiħa tal-arranġamenti integrati għal rispons politiku f'sitwazzjonijiet ta' kriżi (IPCR) għall-COVID-19. L-IPCR għall-COVID-19 qed jinżamm fil-modalità ta' monitoraġġ u l-kwistjonijiet relatati mal-COVID-19 ikomplu jiġu indirizzati fil-kumitat tal-UE għas-sigurtà tas-saħħa u fil-Grupp ta' Ħidma tal-Kunsill dwar is-Saħħa Pubblika.

  • 2023

    16 ta' Frar

    Reviżjoni tal-miżuri relatati mal-COVID-19 applikabbli għall-vjaġġaturi miċ-Ċina

    Il-pajjiżi tal-UE tennew il-valur ta' approċċ prekawzjonarju koordinat għall-ivvjaġġar lejn l-UE u ser ikomplu jissorveljaw is-sitwazzjoni fir-rigward tal-iżviluppi b'rabta mal-COVID-19.

    Fid-dawl tal-iżviluppi epidemjoloġiċi reċenti u b'kont meħud tal-opinjoni tal-kumitat għas-sigurtà tas-saħħa, huma qablu li jirrevedu ċerti rekwiżiti għall-vjaġġaturi miċ-Ċina lejn l-UE. B'mod partikolari, huma qablu li jeliminaw gradwalment:

    • ir-rekwiżit għal test tal-COVID-19 negattiv ta' qabel it-tluq (sal-aħħar ta' Frar 2023)
    • ittestjar aleatorju fuq vjaġġaturi li jkunu deħlin (sal-15 ta' Marzu 2023)
  • 2023

    4 ta' Jannar

    Is-sitwazzjoni tal-COVID-19 fiċ-Ċina: l-UE taqbel dwar rispons koordinat

    Il-pajjiżi tal-UE qablu dwar approċċ prekawzjonarju koordinat b'rispons għall-aħħar żviluppi tal-COVID-19 fiċ-Ċina, filwaqt li jikkunsidraw

    • il-ħtieġa għal data affidabbli u suffiċjenti
    • it-tnaqqis tar-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar miċ-Ċina mit-8 ta' Jannar 2023
  • 2022

    13 ta' Diċembru

    Il-Kunsill jadotta rakkomandazzjonijiet ġodda dwar il-miżuri tal-ivvjaġġar

    Il-Kunsill adotta rakkomandazzjonijiet aġġornati dwar l-ivvjaġġar lejn l-UE u dwar il-faċilitazzjoni tal-moviment liberu fl-UE waqt il-pandemija tal-COVID-19.

    Skont ir-rakkomandazzjonijiet il-ġodda l-istati membri ma għandhom jimponu ebda restrizzjoni fuq l-ivvjaġġar għal raġunijiet ta' saħħa pubblika. Madankollu, ir-rakkomandazzjonijiet fihom għadd ta' salvagwardji f'każ ta' sitwazzjoni epidemjoloġika li tmur għall-agħar.

  • 2022

    13 ta' Ġunju

    Ċertifikat COVID diġitali tal-UE: validu sa Ġunju 2023

    Il-Kunsill u l-Parlament Ewropew qablu dwar l-estensjoni tar-regolament li jistabbilixxi ċ-ċertifikat COVID diġitali tal-UE. Fit-28 ta' Ġunju 2022, il-Kunsill adotta dan ir-regolament.

    Ir-regolament attwali ser jiskadi fit-30 ta' Ġunju 2022; bis-saħħa tal-estensjoni, iċ-ċertifikat ser jiġi estiż b'sena, sat-30 ta' Ġunju 2023.

    Dan ser jiżgura li l-vjaġġaturi jkunu jistgħu jkomplu jużaw iċ-ċertifikat COVID diġitali tal-UE tagħhom għall-ivvjaġġar fl-UE f'pajjiżi fejn dawn iċ-ċertifikati tal-ivvjaġġar għadhom meħtieġa. Madankollu, ir-regolament ma jimponix l-użu ta' tali ċertifikati fuq l-istati membri.

  • 2022

    29 ta' Marzu

    L-istrateġija ta' solidarjetà tal-UE dwar it-tilqim

    Sentejn wara t-tifqigħa tal-pandemija u sena wara t-tnedija tal-kampanji ta' tilqim fl-Unjoni, l-istati membri ddiskutew l-aġġornament tal-istrateġija tagħhom għall-provvista u d-donazzjoni tal-vaċċini biex jindirizzaw l-isfidi l-ġodda relatati mat-tilqim kontra l-COVID-19.

    Is-sitwazzjoni epidemjoloġika qed titjieb fl-Ewropa u madwar id-dinja, u l-provvista tat-tilqim issa qed taqbeż id-domanda:

    • fl-istati membri
    • fil-pajjiżi li jirċievu donazzjonijiet mill-UE

    Il-kondiviżjoni tal-vaċċini mal-pajjiżi li għandhom bżonnhom tibqa' objettiv ewlieni tal-istrateġija tal-Unjoni dwar it-tilqim, iżda l-implimentazzjoni tagħha mistennija tevolvi biex issir aktar effettiva.

  • 2022

    25 ta' Marzu

    Il-Kunsill Ewropew irrieżamina l-isforzi ta' koordinazzjoni b'rispons għall-pandemija tal-COVID-19

    Matul il-Kunsill Ewropew tal-25 ta' Marzu, il-mexxejja tal-UE ddiskutew il-ftehim dwar il-prevenzjoni, it-tħejjija u r-rispons għall-pandemiji li għandu jiġi adottat fil-qafas tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO).

  • 2022

    3 ta' Marzu

    Il-Kunsill jagħti l-approvazzjoni tiegħu biex jinbdew in-negozjati dwar trattat internazzjonali dwar il-pandemiji

    Fit-3 ta' Marzu 2022, il-Kunsill adotta deċiżjoni li tawtorizza l-ftuħ ta' negozjati għal ftehim internazzjonali dwar il-prevenzjoni, it-tħejjija u r-rispons għall-pandemiji.

    Il-korp intergovernattiv ta' negozjar, bil-kompitu li jabbozza u jinnegozja dan l-istrument internazzjonali, ser jorganizza l-laqgħa tiegħu li jmiss sal-1 ta' Awwissu 2022, biex jiddiskuti l-progress dwar abbozz ta' ħidma. Imbagħad ser jippreżenta rapport ta' progress lis-76 Assemblea Dinjija tas-Saħħa fl-2023, bil-għan li l-istrument jiġi adottat sal-2024.

  • 2022

    24 ta' Frar

    Il-Kunsill jestendi l-miżuri għas-settur ferrovjarju

    Minħabba li l-pandemija tal-COVID-19 kompliet taffettwa l-livell tat-traffiku ferrovjarju, il-Kunsill estenda sat-30 ta' Ġunju 2022 il-miżuri ta' emerġenza stabbiliti f'Ottubru 2020 biex itaffu l-impatt tal-pandemija fuq is-settur.

    Il-miżuri jagħtu lill-istati membri l-possibbiltà li jitnaqqsu ċerti ħlasijiet għall-infrastruttura għall-kumpaniji ferrovjarji filwaqt li jiżguraw rimborż f'waqtu għall-fornituri tal-infrastruttura.

    Minħabba l-imprevedibbiltà tat-tifqigħa tal-COVID-19, ġie deċiż ukoll li sal-31 ta' Diċembru 2023 jiġġeddu s-setgħat tal-Kummissjoni li testendi l-miżura permezz ta' atti delegati jekk ikun meħtieġ, għal massimu ta' sitt xhur kull darba.

  • 2022

    22 ta' Frar

    Il-Kunsill jaġġorna r-rakkomandazzjoni dwar l-ivvjaġġar minn pajjiżi terzi

    Fit-22 ta' Frar 2022, il-Kunsill adotta rakkomandazzjoni aġġornata dwar ir-restrizzjoni temporanja fuq l-ivvjaġġar mhux essenzjali lejn l-UE. L-emendi introdotti jwieġbu għal:

    • l-evoluzzjoni tal-pandemija
    • iż-żieda fit-teħid tat-tilqim u l-għoti ta' dożi booster
    • ir-rikonoxximent ta' għadd dejjem jikber ta' ċertifikati maħruġa minn pajjiżi terzi bħala ekwivalenti għaċ-ċertifikat COVID diġitali tal-UE

    Skont ir-rakkomandazzjoni, il-kategoriji ta' persuni li ġejjin għandhom jitħallew jivvjaġġaw lejn l-UE taħt ċerti kundizzjonijiet:

    • persuni mlaqqma u li fiequ
    • vjaġġaturi essenzjali
    • vjaġġaturi mhux essenzjali minn pajjiżi fuq il-lista tal-UE

    Ir-rakkomandazzjoni l-ġdida ser tapplika mill-1 ta' Marzu 2022.

    Ikoni li juru l-globu, bagalja u virus.
    COVID-19: l-ivvjaġġar minn pajjiżi terzi lejn l-UE (sat-13 ta' Diċembru 2022) (Infografika)

    COVID-19: l-ivvjaġġar minn pajjiżi terzi lejn l-UE (sat-13 ta' Diċembru 2022) (Infografika)

  • 2022

    25 ta' Jannar

    Il-Kunsill jadotta rakkomandazzjoni ġdida dwar il-miżuri tal-ivvjaġġar marbuta mal-COVID-19

    Il-Kunsill adotta rakkomandazzjoni ġdida dwar approċċ ikkoordinat biex jiġi ffaċilitat il-moviment liberu sikur matul il-pandemija tal-COVID-19.

    Din ir-rakkomandazzjoni hija b'rispons għaż-żieda sinifikanti fit-tilqim u l-introduzzjoni rapida taċ-ċertifikat COVID diġitali tal-UE. Tissostitwixxi r-rakkomandazzjoni preċedenti (2020/1475).

    Skont ir-rakkomandazzjoni l-ġdida, il-miżuri tal-COVID-19 għandhom jiġu applikati filwaqt li jitqies l-istatus tas-saħħa tal-persuna aktar milli s-sitwazzjoni epidemjoloġika fil-livell reġjonali, bl-eċċezzjoni taż-żoni fejn il-virus qed jiċċirkola f'livelli għoljin ħafna (żoni ħomor skuri). Dan ifisser li ċ-ċertifikat COVID diġitali tal-UE ta' vjaġġatur għandu jkun id-determinant ewlieni.

    Ikoni li juru l-globu, bagalja u l-bandiera tal-UE.
    Approċċ komuni għall-miżuri tal-ivvjaġġar b'rabta mal-COVID-19 fl-UE (Infografika)

    Approċċ komuni għall-miżuri tal-ivvjaġġar b'rabta mal-COVID-19 fl-UE (Infografika)

  • 2022

    25 ta' Jannar

    Il-Kunsill tenna x-xewqa tal-Unjoni Ewropea li żżid l-appoġġ tagħha għall-pajjiżi l-aktar fil-bżonn, b’mod partikolari fl-Afrika

    Matul il-laqgħa tal-Kunsill Affarijiet Ġenerali tal-25 ta’ Jannar 2022, il-Kunsill tenna x-xewqa tal-Unjoni Ewropea li żżid l-appoġġ tagħha għall-pajjiżi l-aktar fil-bżonn, b’mod partikolari fl-Afrika:

    • billi tkompli tipprovdi appoġġ Ewropew lill-COVAX
    • fuq bażi bilaterali, f’kooperazzjoni ma' sħab
  • 2022

    10 ta' Jannar

    L-Istati membri jaqblu li jneħħu l-waqfa ta’ emerġenza biex l-ivvjaġġar bl-ajru jkun jista’ jerġa’ jibda mal-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Afrika

    Fl-10 ta’ Jannar 2022, l-istati membri qablu matul diskussjoni madwar mejda dwar rispons politiku integrat għall-kriżijiet (IPCR) biex titneħħa l-waqfa ta’ emerġenza biex l-ivvjaġġar bl-ajru jkun jista’ jerġa’ jibda mal-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Afrika.

  • 2021

    26 ta' Novembru

    Il-pajjiżi tal-UE jaqblu li jimponu restrizzjonijiet temporanji ta' emerġenza fuq l-ivvjaġġar kollu lejn l-UE mir-reġjun tan-Nofsinhar tal-Afrika

    Fis-26 ta' Novembru 2021, il-pajjiżi tal-UE ltaqgħu f'diskussjoni madwar mejda dwar l-IPCR ta' livell għoli ta' emerġenza biex jikkoordinaw ir-rispons tal-UE għall-emerġenza ta' varjant ġdid tal-COVID-19 fin-Nofsinhar tal-Afrika msejjaħ B.1.1.529 jew Omicron.

    Wara d-diskussjoni u l-kontribut mill-esperti taċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (ECDC), il-pajjiżi tal-UE qablu li jattivaw il-brejk ta' emerġenza skont id-dispożizzjonijiet tar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar ir-restrizzjonijiet temporanji fuq l-ivvjaġġar mhux essenzjali lejn l-UE (2020/912).

    Il-pajjiżi tal-UE qablu li jimponu b'mod urġenti r-restrizzjonijiet temporanji fuq l-ivvjaġġar kollu lejn l-UE mill-pajjiżi tar-reġjun: il-Botswana, l-Eswatini, il-Lesoto, il-Mozambique, in-Namibja, l-Afrika t'Isfel u ż-Żimbabwe.

    Dawn ir-restrizzjonijiet temporanji jinkludu s-sospensjoni tat-titjiriet tal-passiġġieri minn pajjiżi affettwati. L-istati membri huma mitluba wkoll jiskoraġġixxu l-ivvjaġġar lejn dawn il-pajjiżi għaċ-ċittadini tal-UE.

    Il-pajjiżi tal-UE ser iżommu s-sitwazzjoni taħt rieżami u ser ikomplu jissorveljaw il-kwistjoni fil-jiem li ġejjin.

  • 2021

    21 u 22 ta' Ottubru

    Il-mexxejja tal-UE jappellaw għal aktar sforzi biex tiġi indirizzata l-eżitazzjoni għat-tilqim u jiġi ffaċilitat il-moviment liberu

    Matul il-laqgħa tal-Kunsill Ewropew f’Ottubru 2021, il-mexxejja tal-UE indirizzaw uħud mill-aspetti ewlenin tar-rispons għall-kriżi tal-COVID-19 u appellaw għal aktar sforzi, b'mod partikolari biex:

    • tingħeleb l-eżitazzjoni għat-tilqim, inkluż billi tiġi indirizzata d-diżinformazzjoni
    • jiġi ffaċilitat il-moviment liberu fl-UE u l-ivvjaġġar lejha, u titħaffef il-ħidma ma' pajjiżi terzi dwar ir-rikonoxximent reċiproku taċ-ċertifikati
    • jiġu konklużi n-negozjati dwar il-pakkett leġiżlattiv tal-Unjoni tas-Saħħa
    • tiġi żgurata t-tneħħija rapida tal-ostakli li jfixklu l-organizzazzjoni globali tad-distribuzzjoni tal-vaċċini
    Illustrazzjoni tal-vaċċini
    F'Ottubru 2021, tlieta minn kull erba' adulti huma mlaqqma fl-UE.
  • 2021

    5 ta' Ottubru

    Irkupru: il-pjan nazzjonali ta' Malta ġie approvat

    Il-Kunsill adotta d-deċiżjoni ta' implimentazzjoni dwar l-approvazzjoni tal-pjan nazzjonali ta' Malta għall-irkupru u r-reżiljenza.

    B'hekk Malta ngħatat l-approvazzjoni li tuża l-fondi tal-UE għall-irkupru u r-reżiljenza biex tagħti spinta lill-ekonomija tagħha u tirkupra mill-konsegwenzi tal-COVID-19. Issa Malta tista' tiffirma ftehim ta' għotja mal-Kummissjoni u tirċievi prefinanzjament ta' 13%.

  • 2021

    8 ta' Settembru

    Irkupru: Il-pjanijiet ta' rkupru taċ-Ċekja u tal-Irlanda ġew approvati

    Il-Kunsill adotta t-tielet sett ta' deċiżjonijiet ta' implimentazzjoni dwar l-approvazzjoni tal-pjanijiet nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza, li jippermetti lil żewġ pajjiżi oħra tal-UE - iċ-Ċekja u l-Irlanda - jibdew jimplimentaw riformi u jagħmlu investimenti.

    Iċ-Ċekja tista' tiffirma ftehim ta' għotja mal-Kummissjoni u tirċievi prefinanzjament ta' 13%. L-Irlanda ma talbitx li parti mill-fondi allokati għaliha tingħata minn qabel.

  • 2021

    28 ta' Lulju

    Approvazzjoni għall-fondi tal-UE għall-irkupru mogħtija lil erba' pajjiżi oħra tal-UE

    Il-Kunsill adotta t-tieni lott ta' deċiżjonijiet ta' implimentazzjoni dwar l-approvazzjoni ta' pjanijiet nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza.

    Erba' pajjiżi oħra tal-UE – il-Kroazja, Ċipru, il-Litwanja u s-Slovenja – ingħataw l-approvazzjoni għall-użu tal-fondi tal-UE għall-irkupru u r-reżiljenza biex jagħtu spinta lill-ekonomiji tagħhom u jirkupraw mill-konsegwenzi tal-COVID-19.

    L-adozzjoni ta' deċiżjonijiet ta' implimentazzjoni tal-Kunsill dwar l-approvazzjoni tal-pjanijiet tippermetti lill-istati membri jiffirmaw ftehimiet ta' għotja u self li ser jippermettu sa 13% ta' prefinanzjament.

  • 2021

    13 ta' Lulju

    Approvazzjoni biex l-ewwel fondi ta' rkupru tal-UE jingħataw lil 12-il pajjiż tal-UE

    Il-ministri tal-UE għall-ekonomija u l-finanzi llum adottaw l-ewwel ġabra ta' deċiżjonijiet ta' implimentazzjoni tal-Kunsill dwar l-approvazzjoni ta' pjanijiet nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza.

    12-il pajjiż tal-UE – l-Awstrija, il-Belġju, id-Danimarka, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Italja, il-Latvja, il-Lussemburgu, il-Portugall, is-Slovakkja u Spanja rċevew l-approvazzjoni għall-użu tal-fondi tal-UE għall-irkupru u r-reżiljenza biex jagħtu spinta lill-ekonomiji tagħhom u jirkupraw mill-konsegwenzi tal-COVID-19.

    L-adozzjoni ta' deċiżjonijiet ta' implimentazzjoni tal-Kunsill dwar l-approvazzjoni tal-pjanijiet tippermetti lill-istati membri jiffirmaw ftehimiet ta' għotja u self li ser jippermettu sa 13% ta' prefinanzjament.

  • 2021

    24 u 25 ta' Ġunju

    Il-mexxejja tal-UE għadhom qed joqogħdu attenti għall-varjanti tal-COVID-19

    Il-mexxejja tal-UE ddiskutew is-sitwazzjoni epidemjoloġika attwali mtejba fl-Ewropa, u laqgħu l-progress tajjeb fit-tilqim, filwaqt li enfasizzaw il-ħtieġa li jitkomplew l-isforzi tat-tilqim u li nibqgħu attenti u kkoordinati, partikolarment fi żviluppi bħall-emerġenza u t-tixrid ta' varjanti ta' tħassib.

    Huma laqgħu l-ftehimiet dwar iċ-ċertifikat COVID diġitali tal-UE u dwar ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill dwar l-ivvjaġġar fl-UE u dwar l-ivvjaġġar mhux essenzjali lejn l-UE.

    Huwa u jqis is-sitwazzjoni dinjija, il-Kunsill Ewropew tenna l-impenn tal-UE lejn is-solidarjetà dinjija bi tweġiba għall-pandemija. Il-mexxejja tal-UE qablu li jimxu 'l quddiem fil-ħidma li għaddejja biex tingħata spinta lill-produzzjoni globali tal-vaċċini kontra l-COVID-19 u l-aċċess universali għalih.

  • 2021

    24 u 25 ta' Mejju

    Il-mexxejja tal-UE jwiegħdu li jagħtu mill-inqas 100 miljun doża ta' tilqim qabel tmiem l-2021

    Il-mexxejja tal-UE ddiskutew il-kontribut tal-UE għat-tweġiba dinjija għall-pandemija tal-COVID-19 matul il-laqgħa straordinarja tal-Kunsill Ewropew fl-24 u l-25 ta’ Mejju 2021. L-istati membri tal-UE tennew l-appoġġ tagħhom għall-pajjiżi fil-bżonn u ħadu impenn li jagħtu mill-inqas 100 miljun doża ta' tilqim kontra l-COVID-19 qabel tmiem l-2021.

    Il-mexxejja tal-UE ddiskutew ukoll is-sitwazzjoni epidemjoloġika mtejba fl-Ewropa bħalissa, filwaqt li laqgħu l-qbil dwar iċ-ċertifikat COVID diġitali tal-UE u appellaw għal reviżjoni tar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar l-ivvjaġġar fl-UE sa nofs Ġunju.

  • 2021

    20 ta' Mejju

    Qbil dwar iċ-ċertifikat COVID Diġitali tal-UE

    Il-presidenza Portugiża laħqet qbil politiku mal-Parlament Ewropew dwar iċ-ċertifikat COVID Diġitali tal-UE.

    L-għan huwa li jiġi ffaċilitat il-moviment sikur u liberu matul il-pandemija tal-COVID-19 billi jagħti prova li persuna tkun tlaqqmet kontra l-COVID-19, irċeviet riżultat negattiv tat-test jew fieqet mill-COVID-19. Iċ-ċertifikat, li ser ikun qed jintuża mill-1 ta' Lulju, ser ikun disponibbli f’format diġitali u stampat, ikun fih kodiċi QR u ser jinħareġ mingħajr ħlas. Huwa mhux prekundizzjoni għall-eżerċitar tad-drittijiet tal-moviment liberu u mhux dokument tal-ivvjaġġar.

    L-ambaxxaturi għall-UE approvaw il-qbil fil-21 ta' Mejju 2021.

    Ċertifikat COVID diġitali tal-UE li japplika kodiċi QR fuq smartphone
    Ċertifikat COVID diġitali tal-UE (Infografika)

    Ċertifikat COVID diġitali tal-UE (Infografika)

  • 2021

    20 ta' Mejju

    L-UE tappoġġa l-bidu tal-proċess tad-WHO għal trattat dwar il-pandemiji

    Il-Kunsill adotta deċiżjoni biex jappoġġa t-tnedija ta' negozjati għal trattat internazzjonali dwar il-ġlieda kontra l-pandemiji. L-objettiv tad-deċiżjoni tal-Kunsill huwa li jiżgura l-parteċipazzjoni tal-UE fin-negozjati li jindirizzaw kwistjonijiet li jaqgħu fil-kompetenza tal-UE, fid-dawl tal-adeżjoni possibbli tal-UE għat-trattat.

    Il-proposta biex jiġi konkluż trattat dwar il-pandemiji għandha tiġi diskussa fl-Assemblea Dinjija tas-Saħħa. Tali trattat ikun fil-kuntest tal-isforzi internazzjonali biex tissaħħaħ is-sigurtà tas-saħħa globali, b'mod partikolari dwar it-tħejjija u r-rispons għal emerġenzi tas-saħħa, fid-dawl tat-tagħlimiet meħuda mill-pandemija.

  • 2021

    14 ta' April

    Il-pajjiżi tal-UE qablu dwar mandat dwar iċ-Ċertifikat Aħdar Diġitali

    L-ambaxxaturi għall-UE qablu dwar mandat għal negozjati mal-Parlament Ewropew dwar il-proposta għal Ċertifikat Aħdar Diġitali.

    Dan iċ-ċertifikat ser jiffaċilita l-moviment sikur u liberu matul il-pandemija tal-COVID-19 billi jagħti prova li persuna tkun tlaqqmet kontra l-COVID-19, irċeviet riżultat negattiv tat-test jew fieqet mill-COVID-19.

    Il-qafas legali taċ-Ċertifikat Aħdar Diġitali jikkonsisti minn żewġ proposti leġiżlattivi. L-ewwel waħda tikkonċerna liċ-ċittadini tal-UE u l-membri tal-familji tagħhom u t-tieni tikkonċerna ċittadini ta' pajjiżi terzi li jkunu qed joqogħdu legalment jew jirrisjedu legalment fit-territorju ta' stat membru.

    Skont dawn il-proposti, ser ikun possibbli li ċ-ċertifikat jintuża fl-istati membri kollha tal-UE. Ser jiġi introdott ukoll fl-Iżlanda, il-Liechtenstein, in-Norveġja u l-Iżvizzera. Iċ-Ċertifikat Aħdar Diġitali ser ikun miftuħ ukoll għal inizjattivi li qed jiġu żviluppati globalment.

    Il-Parlament Ewropew mistenni jadotta l-pożizzjoni tiegħu waqt il-plenarja tiegħu bejn is-26 u d-29 ta' April u minnufih wara jibdew in-negozjati biex tiġi ffinalizzata l-leġiżlazzjoni. Il-pajjiżi tal-UE jridu li l-qafas ikun lest sas-sajf tal-2021.

  • 2021

    1 ta' April

    Il-pajjiżi tal-UE jaqsmu dożi addizzjonali ta' vaċċini mal-istati membri l-aktar fil-bżonn

    L-ambaxxaturi għall-UE qablu dwar proposta tal-presidenza Portugiża rigward l-allokazzjoni ta' 10 miljun doża tal-vaċċin kontra l-COVID-19 ta' BioNTech-Pfizer fit-tieni kwart tal-2021. Skont il-ftehim, 5 pajjiż: il-Bulgarija, il-Kroazja, l-Estonja, il-Latvja u s-Slovakkja ser jirċievu sehem pro rata ta' 10 miljun doża u 2.85 miljun doża addizzjonali bħala ''vaċċini ta' solidarjetà''.

  • 2021

    25 ta' Marzu

    Il-mexxejja tal-UE jappellaw għal aktar sforzi fl-organizzazzjoni tad-distribuzzjoni ta' vaċċini

    Il-mexxejja tal-UE ltaqgħu permezz ta' vidjokonferenza biex jiddiskutu s-sitwazzjoni attwali dwar il-pandemija tal-COVID-19. Huma saħqu fuq il-ħtieġa li b'mod urġenti jitħaffu l-awtorizzazzjoni, il-produzzjoni u d-distribuzzjoni tal-vaċċini, kif ukoll il-kampanji tat-tilqim.

    Peress li s-sitwazzjoni epidemjoloġika għadha serja, il-mexxejja tal-UE qablu li għalissa jżommu r-restrizzjonijiet fis-seħħ, inkluż fuq l-ivvjaġġar mhux essenzjali.

    Madankollu huma qablu, b'ħarsa lejn il-futur, li għandhom jibdew it-tħejjijiet għal approċċ komuni għat-tneħħija gradwali tar-restrizzjonijiet, biex jiġi żgurat li meta jkun possibbli jkun hemm koordinazzjoni tal-isforzi biex jittaffew il-miżuri attwali. Huma appellaw biex tiġi ttratta b'mod urġenti l-ħidma leġiżlattiva u teknika għal ċertifikati diġitali interoperabbli tal-COVID-19, skont il-proposta tal-Kummissjoni.

    Il-mexxejja tennew ukoll l-impenn tagħhom għas-solidarjetà internazzjonali u għall-isforzi globali għal aċċess universali għall-vaċċini kontra l-COVID-19. Qablu wkoll li jwettqu progress fl-istabbiliment ta' mekkaniżmu tal-UE għall-kondiviżjoni tal-vaċċini, biex jikkomplementa u jappoġġa lill-COVAX fid-distribuzzjoni tal-vaċċini lil sħab madwar id-dinja.

    Il-mexxejja tal-UE ddiskutew d-distribuzzjoni tal-vaċċini.
  • 2021

    11 ta' Marzu

    Ir-raba' vaċċin kontra l-COVID-19 awtorizzat għall-użu fl-UE

    L-UE tat awtorizzazzjoni kondizzjonali għat-tqegħid fis-suq għall-vaċċin kontra l-COVID-19 żviluppat minn Janssen (Johnson & Johnson), ir-raba' vaċċin kontra l-COVID-19 awtorizzat għall-użu fil-pajjiżi tal-UE. Din l-awtorizzazzjoni ġiet wara rakkomandazzjoni xjentifika pożittiva bbażata fuq valutazzjoni bir-reqqa tas-sikurezza, l-effettività u l-kwalità tal-vaċċin mill-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini.

    Il-vaċċin Janssen abbażi ta' vettur virali huwa l-ewwel vaċċin kontra l-COVID-19 li jista' jintuża b'doża waħda.

  • 2021

    25 ta' Frar

    Il-mexxejja tal-UE insistew fuq il-ħtieġa li b'mod urġenti jiżdiedu l-isforzi biex jitħaffef il-forniment tal-vaċċini

    Il-mexxejja tal-UE ddiskutew is-sitwazzjoni attwali fir-rigward tal-pandemija tal-COVID-19 u t-tħejjija għat-theddid għas-saħħa. Insistew fuq il-ħtieġa li b'mod urġenti jitħaffu l-awtorizzazzjoni, il-produzzjoni u d-distribuzzjoni tal-vaċċini, kif ukoll il-kampanji ta’ tilqim.

    Fid-dawl tal-varjanti l-ġodda, il-mexxejja tal-UE qablu li għalissa jżommu r-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar mhux essenzjali.

    Il-mexxejja appellaw biex titkompla l-ħidma fuq approċċ komuni għaċ-ċertifikati tal-vaċċinazzjoni. Ser jerġgħu lura għal din il-kwistjoni.

    Barra minn hekk, huma stiednu lill-Kummissjoni biex sa Ġunju 2021 tippreżenta rapport dwar it-tagħlimiet meħuda s’issa mill-pandemija, bil-ħsieb li tissaħħaħ ir-reżiljenza tal-UE għat-theddid għas-saħħa.

    Il-mexxejja reġgħu affermaw ukoll is-solidarjetà tagħhom ma’ pajjiżi terzi u ddiskutew modi biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni globali dwar is-saħħa, li hija essenzjali biex jiġi indirizzat it-theddid attwali u futur għas-saħħa. Huma jridu jsaħħu l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa u l-ħidma għal trattat internazzjonali dwar il-pandemiji fi ħdan il-qafas tagħha.

    Mexxejja tal-UE: il-prijorità ewlenija tagħna hija li nħaffu l-produzzjoni ta' vaċċini u l-kampanji ta’ tilqim
  • 2021

    15 ta' Frar

    Miżuri għat-trasport b'rabta mal-COVID-19: il-Kunsill japprova regoli dwar slots u liċenzji

    Il-Kunsill adotta żewġ settijiet ta' regoli temporanji biex jappoġġa s-settur tat-trasport, li għadu qed jintlaqat b'mod qawwi mill-pandemija.

    L-eżenzjoni mir-rekwiżiti tal-użu tas-slots tal-ajruporti ser tipproteġi l-linji tal-ajru u tipprevjeni l-ħsara ambjentali li tiġi kkawżata mit-tluq ta' titjiriet vojta sempliċiment sabiex is-slots jinżammu għas-sena ta' wara. Ir-regoli l-ġodda ser ikunu fis-seħħ fil-ħin għall-bidu tal-istaġun tas-sajf 2021 u jsegwu minn eżenzjoni sħiħa tas-slots applikabbli fis-sajf 2020 u fix-xitwa 2020-2021.

    Estensjoni tal-possibbiltà li tittawwal temporanjament il-validità tal-liċenzji tas-sewqan, tal-kontrolli tekniċi ta' vetturi u ta' liċenzji, ċertifikati u awtorizzazzjonijiet speċifiċi oħra ser tgħin lill-operaturi tat-trasport u liċ-ċittadini li ma jkunux jistgħu jissodisfaw ċerti rekwiżiti amministrattivi minħabba r-restrizzjonijiet tal-COVID-19. L-ewwel sett ta' regoli dwar l-estensjonijiet tal-liċenzji ġie adottat f'Mejju 2020.

  • 2021

    11 ta' Frar

    il-Kunsill jadotta l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza

    Fil-11 ta' Frar 2021 il-Kunsill adotta r-regolament li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (RRF). Il-faċilità ta' €672.5 biljun - il-qalba tal-istrument għall-irkupru Next Generation EU - ser tgħin lill-istati membri jindirizzaw l-impatt ekonomiku u soċjali tal-pandemija tal-COVID-19.

    Il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza hija mfassla biex tiżgura wkoll appoġġ għat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, biex b'hekk l-ekonomiji tal-pajjiżi tal-UE jkunu jistgħu jsiru aktar sostenibbli u reżiljenti.

    Sabiex jirċievu appoġġ mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, il-pjanijiet tal-pajjiżi tal-UE mitluba jistabbilixxu pakkett koerenti ta' proġetti, riformi u investimenti f'sitt oqsma ta' politika:

    • it-tranżizzjoni ekoloġika
    • it-trasformazzjoni diġitali
    • it-tkabbir u l-impjiegi intelliġenti, sostenibbli u inklużivi
    • il-koeżjoni soċjali u territorjali
    • is-saħħa u r-reżiljenza
    • il-politiki għall-ġenerazzjoni li jmiss, inkluż l-edukazzjoni u l-ħiliet

    Bħala regola, il-pajjiżi tal-UE għandhom sat-30 ta' April 2021 biex jippreżentaw il-pjanijiet nazzjonali tagħhom għall-irkupru u r-reżiljenza li jistabbilixxu l-aġendi ta' riforma u ta' investiment tagħhom sal-2026. Ir-regolament huwa mistenni jidħol fis-seħħ fid-19 ta' Frar 2021, wara l-pubblikazzjoni fil-ġurnal uffiċjali tal-UE.

    Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza
    Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (Infografika)

    Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (Infografika)

  • 2021

    3 ta' Frar

    Miżuri għat-trasport b'rabta mal-COVID-19: Il-Coreper japprova l-mandat biex tiġi estiża l-flessibbiltà temporanja għal-liċenzji

    L-ambaxxaturi tal-istati membri qablu dwar mandat għal negozjati għat-tiġdid ta' miżuri temporanji biex jgħinu lill-operaturi tat-trasport u liċ-ċittadini li ma jistgħux jissodisfaw ċerti rekwiżiti amministrattivi minħabba miżuri tal-COVID-19 meħuda fl-istati membri. Il-proposta testendi l-possibbiltà ta' estensjoni temporanja tal-validità ta' ċertifikati, liċenzji u awtorizzazzjonijiet speċifiċi fl-oqsma tat-trasport bit-triq, bil-ferrovija u fl-ilmijiet navigabbli interni kif ukoll fil-qasam tas-sigurtà marittima. Dan segwa minn regoli simili adottati f'Mejju 2020.

    Il-proposta tikkonċerna l-estensjoni b'10 xhur tal-validità taċ-ċertifikati, il-liċenzji u l-awtorizzazzjonijiet bid-dati ta' skadenza li jaqgħu bejn l-1 ta' Settembru 2020 u t-30 ta' Ġunju 2021.

  • 2021

    2 ta' Frar

    Il-Kunsill jaġġorna r-rakkomandazzjoni dwar l-ivvjaġġar mhux essenzjali lejn l-UE

    Il-Kunsill aġġorna r-rakkomandazzjoni tiegħu dwar ir-restrizzjonijiet temporanji fuq l-ivvjaġġar mhux essenzjali lejn l-UE u t-tneħħija possibbli ta' tali restrizzjonijiet.

    Ir-regoli l-ġodda jintroduċu kriterji addizzjonali biex jiddeterminaw il-pajjiżi li għalihom għandhom jitneħħew ir-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar mhux essenzjali, bħar-rata ta' testijiet b'riżultat pożittiv għall-COVID-19 u l-preżenza ta' varjanti tal-virus ta' tħassib. Il-ħaddiema tat-trasport u fuq il-fruntiera għandhom ikunu eżentati minn ċerti miżuri għall-ivvjaġġar.

    Ir-rakkomandazzjoni ġiet adottata għall-ewwel darba fit-30 ta' Ġunju 2020.

  • 2021

    1 ta' Frar

    Il-Kunsill jaġġorna r-rakkomandazzjoni dwar il-miżuri tal-ivvjaġġar marbuta mal-COVID-19

    Il-Kunsill adotta rakkomandazzjoni aġġornata dwar approċċ koordinat għall-miżuri tal-ivvjaġġar marbuta mal-COVID-19 fl-UE b'rispons għall-pandemija tal-COVID-19. Dawn il-miżuri aġġornati huma rispons koordinat għaż-żieda fl-infezzjonijiet u r-riskji maħluqa mill-varjanti l-ġodda aktar trażmissibbli tal-virus fl-UE u lil hinn minnha.

    Skont ir-rakkomandazzjoni aġġornata, għandu jiżdied kulur ġdid (aħmar skur) mal-kategoriji eżistenti ta' aħdar, oranġjo, aħmar u griż fil-mappa li tiġi ppubblikata kull ġimgħa miċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (ECDC).

  • 2021

    29 ta' Jannar

    L-UE tawtorizza t-tielet tilqima kontra l-COVID-19 għall-użu fl-UE

    L-UE tat awtorizzazzjoni kondizzjonali għat-tqegħid fis-suq tal-vaċċin kontra l-COVID-19 żviluppat minn AstraZeneca, it-tielet vaċċin kontra l-COVID-19 awtorizzat għall-użu fl-UE. Din l-awtorizzazzjoni ssegwi rakkomandazzjoni xjentifika pożittiva bbażata fuq valutazzjoni bir-reqqa tas-sikurezza, l-effettività u l-kwalità tal-vaċċin mill-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini.

  • 2021

    28 ta' Jannar

    It-tneħħija tar-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar: il-Kunsill jirrevedi l-lista ta' pajjiżi terzi

    Wara reviżjoni skont ir-rakkomandazzjoni dwar it-tneħħija gradwali tar-restrizzjonijiet temporanji fuq l-ivvjaġġar mhux essenzjali lejn l-UE, il-Kunsill aġġorna mill-ġdid il-lista ta' pajjiżi terzi li għalihom għandhom jitneħħew ir-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar. Kif stabbilit fir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill, din il-lista ser tkompli tiġi riveduta regolarment u tiġi aġġornata kif meħtieġ.

  • 2021

    27 ta' Jannar

    Eżenzjoni ġdida mir-regoli dwar l-użu tas-slots minħabba l-COVID-19 biex jiġu megħjuna l-linji tal-ajru u biex jiġu evitati t-titjiriet fantażma: il-Kunsill jadotta mandat

    L-ambaxxaturi tal-istati membri qablu dwar mandat għal negozjati biex il-linji tal-ajru jingħataw eżenzjoni mir-rekwiżiti tal-użu tas-slots ta' ajruporti għas-sajf tal-2021, filwaqt li ħadu miżuri inizjali biex jibdew jerġgħu jniedu l-industrija u jħeġġu l-kompetizzjoni. Ir-regoli l-ġodda ser jagħtu wkoll il-flessibbiltà biex jadattaw għal xenarji differenti u jippermettu li jittieħdu miżuri sal-perjodu ta' skedar tas-sajf 2022.

    Skont ir-rekwiżiti ġenerali tal-UE dwar is-slots ta' ajruport, il-linji tal-ajru jridu jużaw mill-inqas 80% tas-slots tat-tluq u tal-inżul tagħhom sabiex iżommuhom is-sena ta' wara. It-test tal-Kunsill jagħti lill-kumpaniji tal-ajru l-possibbiltà li jirritornaw 50% tas-serje ta' slots tagħhom iżda jistenna li jużaw mill-inqas 50% tas-slots li jifdal.

  • 2021

    21 ta' Jannar

    Il-mexxejja tal-UE jridu li l-vaċċinazzjoni titħaffef

    Fil-21 ta' Jannar 2021, il-kapijiet ta' stat jew ta' gvern tal-UE ltaqgħu permezz ta' vidjokonferenza biex jiddiskutu l-koordinazzjoni dwar ir-rispons għall-pandemija tal-COVID-19.

    Il-mexxejja esprimew ir-rieda tagħhom li jaċċelleraw it-tilqim u enfasizzaw li l-impenji ta' konsenja li saru mill-kumpaniji jridu jiġu rispettati.

    Matul il-vidjokonferenza huma qasmu wkoll l-aħjar prattiki u skambjaw fehmiet dwar l-ittestjar, it-tilqim u d-detezzjoni ta' varjanti ġodda tal-virus.

  • 2021

    6 ta' Jannar

    Awtorizzat it-tieni vaċċin sikur u effettiv kontra l-COVID-19

    L-UE tat awtorizzazzjoni kondizzjonali għat-tqegħid fis-suq tal-vaċċin kontra l-COVID-19 żviluppat minn Moderna, it-tieni vaċċin kontra l-COVID-19 awtorizzat għall-użu fl-UE. Din l-awtorizzazzjoni ġiet wara rakkomandazzjoni xjentifika pożittiva bbażata fuq valutazzjoni bir-reqqa tas-sikurezza, l-effettività u l-kwalità tal-vaċċin mill-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini.

  • 2020

    18 ta' Diċembru

    Il-Kunsill u l-Parlament jilħqu qbil proviżorju dwar il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza

    Il-presidenza Ġermaniża tal-Kunsill u n-negozjaturi tal-Parlament Ewropew laħqu qbil proviżorju dwar il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza. 

    B'pakkett finanzjarju ta' €672.5 biljun, il-faċilità hija ċ-ċentru tal-istrument għall-irkupru Next Generation EU. Hija ser tappoġġa l-investimenti pubbliċi u r-riformi fl-istati membri, billi tgħinhom jindirizzaw l-impatt ekonomiku u soċjali tal-pandemija tal-COVID-19, kif ukoll l-isfidi ppreżentati mit-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali. Mill-inqas 37% ta' kull allokazzjoni tal-pjan għandha tappoġġa t-tranżizzjoni ekoloġika u mill-inqas 20% it-trasformazzjoni diġitali.

    Il-qbil proviżorju issa ser jiġi ppreżentat lill-Kunsill u lill-Parlament għall-approvazzjoni.

  • 2020

    18 ta' Diċembru

    Konklużjonijiet tal-Kunsill: tagħlimiet meħuda rigward il-COVID-19 fil-qasam tas-saħħa

    Il-Kunsill approva konklużjonijiet li jibnu fuq it-tagħlimiet meħuda mill-pandemija attwali u li jkopru erba' oqsma importanti:

    • It-titjib tal-maniġġar ta' kriżijiet mill-UE
    • L-iżgurar tal-provvista ta' prodotti mediċinali
    • It-titjib tal-aċċess għad-data dwar is-saħħa u l-kondiviżjoni tagħha
    • It-tisħiħ tar-rwol tal-UE fis-saħħa dinjija
  • 2020

    17 ta' Diċembru

    Adottat il-baġit fit-tul tal-UE 2021-2027

    Wara l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew fis-16 ta' Diċembru 2020, il-Kunsill adotta r-regolament li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) tal-UE għall-2021-2027.

    Ir-regolament jipprevedi baġit fit-tul ta' €1 074.3 biljun għall-UE27 fi prezzijiet tal-2018, inkluż l-integrazzjoni tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp. Flimkien mal-istrument għall-rkupru tal-UE Next Generation EU ta' €750 biljun, dan ser jippermetti lill-UE tipprovdi finanzjament bla preċedent ta' €1.8 triljun fis-snin li ġejjin biex jiġi appoġġat l-irkupru mill-pandemija tal-COVID-19 u l-prijoritajiet fit-tul tal-UE f'oqsma ta' politika differenti, inkluż is-saħħa.

    B'baġit totali ta' €5.1 biljun, il-programm imsaħħaħ EU4Health il-ġdid jipprovdi bażi soda għal azzjoni fil-qasam tas-saħħa bbażata fuq it-tagħlimiet meħuda waqt il-pandemija tal-COVID-19.

    Infografika li tiddeskrivi l-oqsma ewlenin tan-nefqa tal-UE għall-perjodu 2021-2027.
    Qafas finanzjarju pluriennali 2021-2027 u Next Generation EU (Infografika)

    Qafas finanzjarju pluriennali 2021-2027 u Next Generation EU (Infografika)

  • 2020

    17 ta' Diċembru

    It-tneħħija tar-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar: il-Kunsill jirrevedi l-lista ta' pajjiżi terzi

    Wara reviżjoni skont ir-rakkomandazzjoni dwar it-tneħħija gradwali tar-restrizzjonijiet temporanji fuq l-ivvjaġġar mhux essenzjali lejn l-UE, il-Kunsill reġa' aġġorna l-lista ta' pajjiżi terzi li għalihom għandhom jitneħħew ir-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar. Kif stabbilit fir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill, din il-lista ser tkompli tiġi riveduta regolarment u tiġi aġġornata kif meħtieġ.

  • 2020

    15 ta' Diċembru

    Il-Kunsill jappella għat-tisħiħ tar-reżiljenza u l-ġlieda kontra t-theddid ibridu, inkluż id-diżinformazzjoni

    Il-Kunsill adotta konklużjonijiet li jappellaw għal aktar risponsi imsaħħa fil-livell tal-UE biex jiġi miġġieled it-theddid ibridu, inkluż id-diżinformazzjoni, u tissaħħaħ ir-reżiljenza. Il-Kunsill innota li teknoloġiji u kriżijiet ġodda, bħall-pandemija li għaddejja bħalissa, joffru opportunitajiet għal atturi ostili biex jespandu l-attivitajiet ta' interferenza tagħhom. Dawn jippreżentaw sfida addizzjonali għall-istati membri u l-istituzzjonijiet tal-UE, minbarra l-kriżi nnifisha.

    Il-Kunsill irrikonoxxa li l-pandemija tal-COVID-19 tagħmel lill-UE u lill-istati membri tagħha aktar vulnerabbli għal theddid ibridu. Dan it-theddid jinkludi firxa akbar tad-diżinformazzjoni u tal-interferenza manipulattiva. L-indirizzar ta' theddid bħal dan, b'mod partikolari l-attivitajiet ċibernetiċi malizzjużi, id-diżinformazzjoni u t-theddid għas-sigurtà ekonomika jeħtieġ approċċ komprensiv li jinvolvi kooperazzjoni u koordinazzjoni effettivi.

  • 2020

    10 u 11 ta' Diċembru

    Il-mexxejja tal-UE jiddiskutu d-distribuzzjoni tal-vaċċini

    Imlaqqgħin fi Brussell fis-summit Ewropew, il-mexxejja tal-UE wissew kontra l-illaxkar u d-dgħufija fil-ġlieda kontra l-pandemija tal-COVID-19. "Is-sitwazzjoni epidemjoloġika fl-Ewropa tibqa' inkwetanti, għalkemm l-isforzi konsiderevoli li saru minn kulħadd qed jibdew jagħtu r-riżultati", qalu waqt li appellaw għal aktar sforzi bħala l-uniku mod biex jiġu evitati l-mewġiet ta' kontaġju li jmiss.

    Il-mexxejja qablu wkoll li jsaħħu l-koordinazzjoni fil-livell tal-UE, b'mod partikolari dwar l-istrateġiji tal-ittestjar u dwar it-tneħħija gradwali tar-restrizzjonijiet.

    Hekk kif l-ewwel vaċċini għaddejjin mill-proċess ta' awtorizzazzjoni tal-UE, il-mexxejja enfasizzaw l-importanza tat-tħejjijiet għall-organizzazzjoni tad-distribuzzjoni f'waqtha tal-vaċċini fl-UE.

    "Il-vaċċini għandhom jitqies bħala ġid pubbliku," qalu l-mexxejja tal-UE fil-konklużjonijiet, u tennew l-impenn tagħhom li jipprovdu lill-pajjiżi madwar id-dinja aċċess ekwu għal vaċċini sikuri u effettivi, inkluż permezz tal-faċilità COVAX.

    Stampa: Koordinazzjoni tal-UE għall-approvazzjoni u l-organizzazzjoni tad-distribuzzjoni tal-vaċċin kontra l-COVID-19.
    COVID-19: koordinazzjoni tal-UE għal vaċċinazzjoni sikura u effettiva (Infografika)

    COVID-19: koordinazzjoni tal-UE għal vaċċinazzjoni sikura u effettiva (Infografika)

  • 2020

    8 ta' Diċembru

    Trasport: aġġornamenti dwar il-formoli għal-lokalizzazzjoni tal-passiġġieri, id-drittijiet tal-passiġġieri tal-ajru u l-kriżi tal-bidla tal-ekwipaġġ

    Waqt vidjokonferenza informali tal-ministri tal-UE għat-trasport, il-Kummissjoni pprovdiet ukoll aġġornament dwar il-pjattaforma ta' skambju għall-formoli għal-lokalizzazzjoni tal-passiġġieri tal-ajru li jgħinu lill-istati membri jwettqu valutazzjonijiet tar-riskju tal-wasliet u jippermettu t-traċċar tal-kuntatti fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19 u ħeġġet lill-istati membri jipparteċipaw fil-proġett pilota mmexxi mill-aġenzija tas-sikurezza tal-avjazzjoni tal-UE (EASA). Il-Kummissjoni infurmat ukoll lill-ministri dwar il-kriżi tal-bidla tal-ekwipaġġ fis-settur tat-trasport marittimu kkawżata mill-pandemija tal-COVID-19.

    Il-presidenza aġġornat lill-ministri dwar is-sitwazzjoni attwali tal-impatt tal-COVID-19 fuq id-drittijiet tal-passiġġieri tal-ajru.

  • 2020

    7 ta' Diċembru

    L-UE tadotta l-eżenzjoni mill-VAT fuq il-vaċċini u l-kits għall-ittestjar tal-COVID-19

    Biex tiffaċilita l-aċċess għall-vaċċini u l-kits għall-ittestjar tal-COVID-19, l-UE adottat regoli ġodda li jippermettu lill-istati membri jeżentaw l-isptarijiet u l-prattikanti mediċi mill-VAT fuq il-vaċċini, il-kits għall-ittestjar u servizzi relatati mill-qrib. Il-miżuri jikkonċernaw biss il-vaċċini tal-COVID-19 awtorizzati mill-Kummissjoni jew mill-istati membri u l-kits għall-ittestjar tal-COVID-19 li jikkonformaw mal-leġiżlazzjoni applikabbli tal-UE. Ir-regola ser tapplika sal-31 ta' Diċembru 2022.

  • 2020

    26 ta' Novembru

    L-UE u l-Awstralja jikkooperaw mill-qrib dwar ir-rispons għall-COVID-19 u l-irkupru minnha

    Waqt laqgħa virtwali tal-mexxejja, Charles Michel, President tal-Kunsill Ewropew, Ursula von der Leyen, President tal-Kummissjoni Ewropea, u Scott Morrison, Prim Ministru tal-Awstralja, enfasizzaw ir-rieda tagħhom li jaħdmu flimkien fil-ġlieda kontra l-pandemija tal-COVID-19, u li jieħdu miżuri effettivi biex jipproteġu s-saħħa u jibnu ekonomiji aktar innovattivi, sostenibbli, inklużivi u reżiljenti.

    Il-mexxejja affermaw mill-ġdid l-impenn tagħhom li jiżguraw aċċess universali, ekwu u bikri għal vaċċini, dijanjostiċi u terapewtiċi siguri, effettivi u affordabbli għall-COVID-19. Huma saħqu dwar l-importanza ta' appoġġ internazzjonali kontinwu għall-Aċċeleratur tal-Aċċess għall-għodod kontra l-COVID-19 (ACT) u l-Faċilità COVAX tiegħu. Huma qablu wkoll li jsaħħu l-kooperazzjoni bilaterali fir-riċerka u l-innovazzjoni u li jikkondividu data tar-riċerka biex jiġġieldu kontra l-pandemija.

    Il-mexxejja laqgħu l-eżiti tas-summit tal-G20 fil-21 u t-22 ta' Novembru. L-UE u l-Awstralja qed jintensifikaw il-kooperazzjoni dwar l-irkupru soċjoekonomiku ta' wara l-pandemija u qed jimplimentaw il-Pjan ta' Azzjoni tal-G20. Huma ser ikomplu jaħdmu flimkien ukoll biex isaħħu l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa u t-tħejjija u r-rispons globali għall-emerġenzi tas-saħħa.

  • 2020

    21 u 22 ta' Novembru

    Summit tal-G20: il-mexxejja jimpenjaw ruħhom għal kooperazzjoni multilaterali fir-rispons għall-COVID-19

    F'summit virtwali ospitat mill-Arabja Sawdija, il-mexxejja tal-G20 iddiskutew kif ser jindirizzaw flimkien il-pandemija tal-COVID-19 li għaddejja bħalissa, jiffinanzjaw l-iżvilupp u t-tqassim ta' tilqima, u jkomplu joffru appoġġ liċ-ċittadini u lin-negozji li qed jitħabtu biex ilaħħqu mal-konsegwenzi tal-pandemija.

    Charles Michel, President tal-Kunsill Ewropew, u Ursula von der Leyen, President tal-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentaw lill-UE fis-summit. Huma appellaw lill-G20 biex jipprovdu, qabel tmiem is-sena 2020, l-$4.5 biljun li huma meħtieġa b'mod urġenti għall-akkwist u t-twassil bil-massa tal-għodod tal-COVID-19. Il-President Michel ippropona wkoll inizjattiva biex jiġi żgurat rispons globali aħjar għall-pandemiji futuri.

    Charles Michel, President tal-Kunsill Ewropew
    Trattat internazzjonali dwar il-pandemiji jista' jgħinna nirrispondu aktar malajr u b'mod aktar koordinat meta jseħħu l-pandemiji. Dan għandu jiġi nnegozjat mal-organizzazzjonijiet u l-aġenziji kollha tan-NU, b'mod partikolari mad-WHO. Id-WHO għandha tibqa' l-pedament tal-koordinazzjoni globali kontra l-emerġenzi tas-saħħa.
    Charles Michel, President tal-Kunsill Ewropew
    Charles Michel, President tal-Kunsill Ewropew

    Biex jappoġġaw lill-aktar pajjiżi fraġli fir-rispons tagħhom għall-COVID-19, il-mexxejja tal-G20 impenjaw ruħhom li jippermettu lill-pajjiżi eliġibbli taħt l-Inizjattiva tal-G20 dwar is-Sospensjoni tas-Servizz tad-Dejn (DSSI) li jissospendu l-pagamenti bilaterali uffiċjali tas-servizz tad-dejn sa Ġunju 2021. Huma approvaw ukoll il-"Qafas Komuni għat-Trattament tad-Dejn lil hinn mid-DSSI", li huwa approvat ukoll mill-Klabb ta' Pariġi.

  • 2020

    19 ta' Novembru

    Il-mexxejja tal-UE jtejbu l-koordinazzjoni dwar ir-rikonoxximent reċiproku tat-testijiet u t-tnedija tal-vaċċini

    Waqt laqgħa permezz ta' vidjokonferenza l-mexxejja tal-UE qablu li jsaħħu aktar il-koordinazzjoni kontra l-pandemija tal-COVID-19. Huma ffukaw b'mod partikolari fuq ir-rikonoxximent reċiproku tat-testijiet, it-tnedija tal-vaċċin u approċċ komuni għat-tneħħija ta' miżuri restrittivi.

    Il-mexxejja tal-UE ddiskutew kif jista' jiġi żviluppat approċċ komuni tal-UE għall-użu ta' testijiet rapidi tal-antiġeni, li huma komplementari għall-ittestjar tal-PCR. Il-mexxejja enfasizzaw il-ħtieġa li ssir ħidma favur ir-rikonoxximent reċiproku tat-testijiet u r-riżultati tagħhom. Tkellmu wkoll dwar strateġiji nazzjonali ta' ttestjar u skambjaw l-aħjar prattiki.

    Huma qablu wkoll li jħaffu t-tħejjijiet tal-pjanijiet nazzjonali tal-vaċċinazzjoni biex jiżguraw li l-vaċċini jkun disponibbli u affordabbli għaċ-ċittadini kollha tal-UE, ladarba jkunu awtorizzati.

    Dwar id-dekonfinament, il-kapijiet ta' stat jew ta' gvern tal-UE enfasizzaw li dan għandu jsir gradwalment biex jiġi evitat ir-riskju li l-virus jerġa' jitfaċċa.

    Charles Michel, President tal-Kunsill Ewropew
    F'termini ta' ħajjiet umani, il-COVID-19 iħalli impatt devastanti. Hemm familji u ħbieb wara n-numri u l-istatistika kollha. Ejja qatt ma ninsewh dan.
    Charles Michel, President tal-Kunsill Ewropew
    Charles Michel, President tal-Kunsill Ewropew

    Il-mexxejja tal-UE ser isegwu l-koordinazzjoni b'rabta mal-COVID-19 fil-laqgħa tal-Kunsill Ewropew f'Diċembru 2020.

  • 2020

    12 ta' Novembru

    Il-presidenza Ġermaniża tippubblika rapport dwar is-sitwazzjoni attwali rigward il-koordinazzjoni tal-UE b'rispons għall-pandemija

    Biex tħejji d-diskussjoni tal-mexxejja tal-UE dwar ir-rispons tal-UE għall-pandemija tal-COVID-19 fil-vidjokonferenza tad-19 ta' Novembru 2020, il-presidenza Ġermaniża ppubblikat rapport dwar is-sitwazzjoni attwali tal-koordinazzjoni tal-UE b'rispons għall-pandemija tal-COVID-19 fit-12 ta' Novembru 2020. Ir-rapport jippreżenta l-ħidma li għaddejja f'oqsma differenti:

    • l-istrateġiji tal-ittestjar u l-użu ta' testijiet rapidi tal-antiġeni
    • ir-rikonoxximent reċiproku tat-testijiet
    • Traċċar tal-kuntatti transkonfinali
    • regolamenti tal-kwarantina
    • l-iżvilupp, il-manifattura u l-użu tal-vaċċini kontra l-COVID-19
  • 2020

    10 ta' Novembru

    Ftehim politiku milħuq fin-negozjati dwar il-baġit fit-tul u l-pjan ta' rkupru tal-UE

    Il-Kunsill laħaq qbil politiku man-negozjaturi tal-Parlament Ewropew dwar il-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss, il-baġit fit-tul tal-UE. Il-qbil jikkomplementa l-pakkett finanzjarju ta' €1 824.3 biljun innegozjat mill-mexxejja tal-UE f'Lulju, li jgħaqqad il-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss – €1 074.3 biljun – u Next Generation EU, strument ta' rkupru temporanju ta' €750 biljun, (fi prezzijiet tal-2018).

    Fir-rigward tal-pjan ta' rkupru, il-pakkett maqbul mal-Parlament jipprevedi involviment akbar tal-awtorità baġitarja fis-sorveljanza tad-dħul skont Next Generation EU.

    Il-ftehim ser jiġi ppreżentat lill-istati membri għall-approvazzjoni flimkien mal-elementi l-oħra tal-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss u l-pakkett ta' rkupru.

  • 2020

    3 ta' Novembru

    Il-Grupp tal-Euro joħroġ dikjarazzjoni dwar l-iżviluppi tal-COVID-19

    Il-Grupp tal-Euro kellu diskussjoni dwar il-prospettiva ekonomika fid-dawl tal-aċċellerazzjoni fit-tixrid tal-virus COVID-19 fil-ħarifa tal-2020 u adotta dikjarazzjoni.

    Fid-dikjarazzjoni, il-ministri evalwaw il-miżuri adottati s'issa, b'mod partikolari l-implimentazzjoni tat-tliet xbieki ta' sikurezza maqbula f'April 2020 għall-ħaddiema, in-negozji u l-istati membri. Huma affermaw ukoll l-impenn tagħhom li jkomplu jaħdmu flimkien fuq il-pjan ta' rkupru, Next Generation EU.

  • 2020

    29 ta' Ottubru

    Il-mexxejja Ewropej jaqblu li jaċċelleraw u jżidu l-isforz kollettiv fil-ġlieda kontra l-COVID-19

    Il-mexxejja tal-UE ltaqgħu permezz ta' vidjokonferenza u ddiskutew il-ħtieġa li jissaħħaħ l-isforz kollettiv għall-ġlieda kontra l-pandemija tal-COVID-19. Huma ffukaw fuq il-politiki tal-ittestjar u t-traċċar, u fuq il-vaċċini.

    Il-mexxejja qablu li l-ittestjar u t-traċċar huma kruċjali biex jiġi limitat it-tixrid tal-virus u ser jgħinu biex is-sitwazzjoni tiġi kkontrollata aħjar. Huma kellhom skambju ta' fehmiet dwar kif jista' jiġi implimentat approċċ komuni għar-rikonoxximent reċiproku, it-tnedija u l-użu ta' testijiet rapidi. Ser jaħdmu abbażi tar-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-istrateġiji tal-ittestjar ippreżentata fit-28 ta' Ottubru 2020.

    Dwar it-traċċar, il-mexxejja tal-UE ddiskutew l-inizjattiva dwar l-interoperabbiltà bejn l-apps imressqa mill-Kummissjoni u l-ħidma fuq Formola komuni ta' Lokalizzazzjoni tal-Passiġġieri, li tiffaċilita wkoll it-traċċar. Iddiskutew ukoll il-possibbiltà li jiġi armonizzat it-tul tal-kwarantini.

    Dwar il-vaċċini, huma enfasizzaw erba' oqsma ewlenin biex tiġi żviluppata l-kooperazzjoni:

    • id-distribuzzjoni ġusta lill-istati membri
    • il-kriterji biex jiġu ddeterminati l-gruppi ta' prijorità
    • l-sfidi u l-ostakli loġistiċi
    • il-komunikazzjoni dwar il-vaċċini
    Il-kummenti tal-President Michel dwar l-ittestjar u t-traċċar
  • 2020

    22 ta' Ottubru

    It-tneħħija tar-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar: il-Kunsill jirrevedi l-lista ta' pajjiżi terzi

    Wara reviżjoni skont ir-rakkomandazzjoni dwar it-tneħħija gradwali tar-restrizzjonijiet temporanji fuq l-ivvjaġġar mhux essenzjali lejn l-UE, il-Kunsill reġa' aġġorna l-lista ta' pajjiżi terzi li għalihom għandhom jitneħħew ir-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar. Kif stabbilit fir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill, din il-lista ser tkompli tiġi riveduta regolarment u tiġi aġġornata skont il-każ.

  • 2020

    21 ta' Ottubru

    Programm l-UE għas-Saħħa: il-Kunsill jilħaq qbil dwar il-pożizzjoni ta' negozjar tiegħu

    L-ambaxxaturi tal-istati membri għall-UE qablu unanimament dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar il-programm l-UE għas-Saħħa (2021-2027). Il-programm huwa rispons qawwi għall-pandemija tal-COVID-19, iżda jżomm ukoll enfasi fuq azzjonijiet fit-tul tal-UE fil-qasam tas-saħħa.

    Il-programm huwa parti mill-proposta tal-baġit fit-tul tal-UE għall-2021-2027. Il-qbil li ntlaħaq mill-Kunsill ser iservi bħala bażi għan-negozjati mal-Parlament Ewropew.

  • 2020

    15 u 16 ta' Ottubru

    Il-mexxejja tal-UE jaqblu li jkomplu l-isforz ta' koordinazzjoni tal-UE fil-ġlieda kontra l-COVID-19

    Il-Kunsill Ewropew ivvaluta s-sitwazzjoni epidemjoloġika attwali, li hija bla preċedent u li tagħti lok għal tħassib serju ħafna. Il-mexxejja laqgħu l-progress li nkiseb s'issa fil-koordinazzjoni ġenerali fil-livell tal-UE kontra l-COVID-19 u qablu li jkomplu l-isforz ta' koordinazzjoni, b'mod partikolari fir-rigward ta':

    • regolamenti tal-kwarantina
    • traċċar tal-kuntatti transkonfinali
    • strateġiji tal-ittestjar
    • valutazzjoni konġunta tal-metodi tal-ittestjar
    • restrizzjoni temporanja fuq vjaġġar mhux essenzjali lejn l-UE

    Il-mexxejja tal-UE komplew jiddiskutu l-passi li jmiss biex jiġi żgurat li l-iżvilupp u d-distribuzzjoni tal-vaċċini għall-COVID-19 fl-UE u ħeġġew ukoll il-kooperazzjoni fil-livell globali.

    Charles Michel, President tal-Kunsill Ewropew
    Din is-sitwazzjoni hija bla preċedent u jeħtieġ li nżidu l-isforzi ta' koordinazzjoni u kooperazzjoni bejn l-istati membri, speċjalment fir-rigward tal-ittestjar u t-traċċar, il-kwarantina u l-vaċċini.
    Charles Michel, President tal-Kunsill Ewropew
    Charles Michel, President tal-Kunsill Ewropew
  • 2020

    13 ta' Ottubru

    Il-Kunsill jadotta rakkomandazzjoni dwar approċċ koordinat għall-miżuri tal-ivvjaġġar

    Il-Kunsill adotta rakkomandazzjoni li tistabbilixxi kriterji komuni u qafas komuni għal miżuri tal-ivvjaġġar b'rispons għall-pandemija tal-COVID-19. Ir-rakkomandazzjoni għandha l-għan li tgħin lill-istati membri jieħdu deċiżjonijiet ibbażati fuq is-sitwazzjoni epidemjoloġika skont ir-reġjun.

    Kull ġimgħa, iċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (ECDC) ser jipproduċi mappa komuni b'kodiċi ta' kuluri u mqassma skont ir-reġjun, bid-data pprovduta mill-istati membri dwar il-kriterji li ġejjin:

    • l-għadd ta' każijiet għal kull 100 000 persuna fl-aħħar 14-il jum
    • l-għadd ta' testijiet għal kull 100 000 persuna mwettqa fl-aħħar ġimgħa (rata tal-ittestjar)
    • perċentwal ta' testijiet pożittivi mwettqa fl-aħħar ġimgħa (rata ta' pożittività tat-testijiet)

    L-istati membri qablu wkoll li jipprovdu informazzjoni ċara, komprensiva u f'waqtha lill-pubbliku dwar kwalunkwe miżura jew rekwiżit ġdid, mill-inqas 24 siegħa qabel ma jidħlu fis-seħħ il-miżuri.

    Grafika: approċċ komuni għall-miżuri dwar l-ivvjaġġar marbuta mal-COVID-19.
    Approċċ komuni dwar il-miżuri b'rabta mal-COVID-19 għall-ivvjaġġar fl-UE (sat-13 ta’ Ġunju 2021) (Infografika)

    Approċċ komuni dwar il-miżuri b'rabta mal-COVID-19 għall-ivvjaġġar fl-UE (sat-13 ta’ Ġunju 2021) (Infografika)

  • 2020

    2 ta' Ottubru

    Miżuri għat-trasport ferrovjarju adottati mill-Kunsill

    Il-Kunsill adotta miżuri ta' emerġenza biex jgħin lis-settur ferrovjarju fis-sitwazzjoni diffiċli kkawżata mill-pandemija tal-coronavirus. Il-miżuri jagħtu lill-istati membri l-possibbiltà li jitnaqqsu ċerti ħlasijiet għall-infrastruttura għall-kumpaniji ferrovjarji filwaqt li jiżguraw rimborż f'waqtu għall-fornituri tal-infrastruttura.

    Din id-deroga temporanja mir-regoli eżistenti dwar l-impożizzjoni ta' ħlasijiet għall-użu tal-infrastruttura ferrovjarja tapplika b'mod retroattiv mill-1 ta' Marzu 2020 sal-31 ta' Diċembru 2020, u tista' tiġi estiża jekk ikun meħtieġ.

  • 2020

    1 u 2 ta' Ottubru

    Il-Kunsill Ewropew jiddiskuti l-aktar kwistjonijiet reċenti dwar l-immaniġġar tal-pandemija tal-COVID-19

    Il-Kunsill Ewropew kellu diskussjoni fil-fond dwar l-immaniġġar tal-pandemija tal-COVID-19. Hu appella lill-Kunsill u l-Kummissjoni biex ikomplu jżidu l-isforz ta' koordinazzjoni ġenerali u l-ħidma fuq l-iżvilupp u d-distribuzzjoni ta' vaċċin fil-livell tal-UE. Il-Kunsill Ewropew ser jerġa' lura regolarment għal din il-kwistjoni.

  • 2020

    25 ta' Settembru

    Il-Kunsill japprova €87.4 biljuni f'appoġġ finanzjarju għall-istati membri taħt SURE

    Il-Kunsill approva €87.4 biljun f'appoġġ finanzjarju għal 16-il stat membru fil-forma ta' self tal-UE taħt SURE – l-istrument temporanju tal-UE biex jittaffew ir-riskji tal-qgħad matul il-kriżi tal-COVID-19.

    L-appoġġ ser jgħin lill-istati membri jiffinanzjaw in-nefqa pubblika mġarrba mill-1 ta’ Frar 2020 bħala riżultat tal-użu ta’ skemi nazzjonali ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar u miżuri simili.

    L-appoġġ finanzjarju taħt SURE jingħata lill-istati membri kif ġej:

    • il-Belġju: €7.8 biljun
    • il-Bulgarija: €511 miljun
    • il-Kroazja: €1 biljun
    • Ċipru: €479 miljun
    • ir-Repubblika Ċeka: €2 biljun
    • il-Greċja: €2.7 biljun
    • l-Italja: €27.4 biljun
    • il-Latvja: €193 miljun
    • il-Litwanja: €602 miljun
    • Malta: €244 miljun
    • il-Polonja: €11.2 biljun
    • il-Portugall: €5.9 biljun
    • ir-Rumanija: €4.1 biljun
    • is-Slovakkja: €631 miljun
    • is-Slovenja: €1.1 biljun
    • Spanja: €21.3 biljun
  • 2020

    11 ta' Settembru

    Il-Kunsill japprova żieda fil-baġit għall-2020 għar-rispons għall-COVID-19

    Il-Kunsill qabel li jżid €6.2 biljun fil-baġit tal-UE għall-2020 biex jindirizza l-impatt tal-kriżi tal-COVID-19.

    Il-baġit rivedut iżid il-ħlasijiet għal:

    • l-iżvilupp u d-distribuzzjoni ta' tilqima kontra l-COVID-19: il-Kummissjoni Ewropea ser tuża dawn il-flus biex tagħmel preordni ta' dożi tat-tilqim (€1.09 biljun)
    • Inizjattivi ta' Investiment fir-Rispons għall-Corona (CRII u CRII+): ridirezzjoni ta' flus mill-baġit tal-UE biex tiġi indirizzata l-kriżi tal-COVID-19 (€5.1 biljun)
  • 2020

    9 ta' Settembru

    Miżuri tat-trasport: Il-Kunsill jaqbel dwar il-pożizzjoni tiegħu dwar derogi temporanji b'appoġġ għas-settur ferrovjarju

    Illum l-ambaxxaturi tal-UE qablu dwar mandat rigward proposta biex l-istati membri jingħataw il-possibbiltà li jgħinu lis-settur ferrovjarju billi jipprovdu solliev minn ċerti tariffi għall-infrastruttura għall-kumpaniji ferrovjarji, filwaqt li jiżguraw rimborż f'waqtu għall-fornituri tal-infrastruttura. Dawn ir-regoli temporanji addizzjonali, ladarba adottati, ser jgħinu biex jittaffew l-effetti severi tal-pandemija tal-coronavirus fuq is-settur ferrovjarju.

  • 2020

    7 ta' Awwissu

    It-tneħħija tar-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar: il-Kunsill jirrevedi l-lista ta' pajjiżi terzi

    Wara reviżjoni skont ir-rakkomandazzjoni dwar it-tneħħija gradwali tar-restrizzjonijiet temporanji fuq l-ivvjaġġar mhux essenzjali lejn l-UE, il-Kunsill aġġorna l-lista ta' pajjiżi li għalihom għandhom jitneħħew ir-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar. Kif stipulat fir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill, din il-lista ser tkompli tiġi riveduta regolarment u tiġi aġġornata skont il-każ.

  • 2020

    30 ta' Lulju

    Restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar: il-Kunsill jirrevedi l-lista ta' pajjiżi li għalihom l-istati membri għandhom gradwalment ineħħu r-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar fil-fruntieri esterni

    Wara reviżjoni skont ir-rakkomandazzjoni dwar it-tneħħija gradwali tar-restrizzjonijiet temporanji fuq vjaġġar mhux essenzjali lejn l-UE, il-Kunsill irreveda l-lista ta' pajjiżi li għalihom għandhom jitneħħew ir-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar. Il-kriterji biex jiġu ddeterminati l-pajjiżi terzi li għalihom għandha titneħħa r-restrizzjoni attwali fuq l-ivvjaġġar ikopru, b'mod partikolari, is-sitwazzjoni epidemjoloġika u miżuri ta' konteniment, inkluż it-tbegħid fiżiku, kif ukoll konsiderazzjonijiet ekonomiċi u soċjali.

  • 2020

    17-21 ta' Lulju

    Il-mexxejja tal-UE laħqu ftehim dwar il-pakkett ta' rkupru u l-baġit Ewropew għall-2021-2027

    Il-mexxejja tal-UE, imlaqqgħin fiżikament fi Brussell, qablu dwar sforz ta' rkupru ta' €750 biljun biex jgħin l-UE tindirizza l-kriżi kkawżata mill-pandemija tal-COVID-19. €390 biljun mill-pakkett ser jitqassmu fil-forma ta' għotjiet lill-istati membri u €360 biljun f'self.

    Flimkien mal-fond ta'rkupru, huma qablu wkoll dwar baġit fit-tul tal-UE ta' €1074 biljun għall-2021-2027.

    Kien l-ewwel summit fiżiku tal-mexxejja tal-UE minn mindu faqqgħet il-pandemija.

    Charles Michel, President tal-Kunsill Ewropew
    Ilħaqna ftehim dwar il-pakkett ta' rkupru u l-baġit Ewropew. Dawn kienu, ovvjament, negozjati diffiċli fi żminijiet diffiċli ħafna għall-Ewropej kollha. Maratona li ntemmet b'eżitu pożittiv għas-27 stat membru kollha, iżda speċjalment għan-nies. Dan huwa ftehim tajjeb. Dan huwa ftehim b'saħħtu. U aktar importanti minn hekk, dan huwa l-ftehim xieraq għall-Ewropa, f'dan il-mument.
    Charles Michel, President tal-Kunsill Ewropew
    Charles Michel, President tal-Kunsill Ewropew
  • 2020

    14 ta' Lulju

    Vaċċin kontra l-COVID-19: il-Kunsill jadotta miżuri biex jiżgura żvilupp rapidu

    Il-Kunsill adotta regolament li għandu l-għan li jħaffef l-iżvilupp u l-applikazzjoni ta' vaċċin kontra l-COVID-19 fl-UE. L-att jipprevedi deroga temporanja minn ċerti dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar ir-rilaxx intenzjonat fl-ambjent u l-użu kontenut ta' organiżmi ġenetikament modifikati (OĠM). Għandu l-għan ukoll li jissimplifika l-proċedura ta' applikazzjoni għal awtorizzazzjoni ta' kummerċjalizzazzjoni għal prodotti mediċinali li fihom jew jikkonsistu minn OĠM maħsuba biex jittrattaw jew jipprevjenu l-COVID-19.

    Ir-regolament ser japplika sakemm l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) tiddikjara l-COVID-19 bħala pandemija jew sakemm ikun japplika att ta' implimentazzjoni li bih il-Kummissjoni tirrikonoxxi sitwazzjoni ta' emerġenza tas-saħħa pubblika minħabba l-COVID-19.

  • 2020

    14 ta' Lulju

    Il-Kunsill jadotta miżuri temporanji relatati mal-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej

    Il-Kunsill adotta regolament li jestendi diversi skadenzi marbuta mal-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej minħabba l-pandemija tal-COVID-19. Il-miżuri temporanji, li ser japplikaw sa tmiem l-2022, jagħtu aktar żmien lill-organizzaturi tal-inizjattivi biex jiġbru aktar stqarrijiet ta' appoġġ sabiex jilħqu l-livell minimu ta' miljun firma minn madwar l-UE.

  • 2020

    10 ta' Lulju

    Il-President Michel jippreżenta proposta ġdida għall-baġit fit-tul tal-UE u l-pakkett għall-irkupru qabel il-Kunsill Ewropew

    Il-President tal-Kunsill Ewropew, Charles Michel ippreżenta l-proposta l-ġdida tiegħu għall-baġit fit-tul tal-UE u l-pakkett għall-irkupru, l-hekk imsejħa kaxxa ta' negozjar. Din il-proposta ser isservi bħala bażi għad-diskussjonijiet tal-mexxejja fil-Kunsill Ewropew Straordinarju tas-17 u t-18 ta' Lulju 2020.

    Charles Michel, President tal-Kunsill Ewropew
    L-għanijiet tal-irkupru tagħna jistgħu jinġabru fi tliet kelmiet: l-ewwel konverġenza, it-tieni reżiljenza u trasformazzjoni. B'mod konkret, dan ifisser: it-tiswija tal-ħsara kkawżata mill-COVID-19, ir-riforma tal-ekonomiji tagħna, l-immudellar mill-ġdid tas-soċjetajiet tagħna.
    Charles Michel, President tal-Kunsill Ewropew
    Charles Michel, President tal-Kunsill Ewropew
    Illustrazzjoni: proposta għal pjan ta' rkupru għall-Ewropa.
    Proposta għal pjan ta' rkupru tal-UE - aspetti prinċipali (Infografika)

    Proposta għal pjan ta' rkupru tal-UE - aspetti prinċipali (Infografika)

  • 2020

    30 ta' Ġunju

    Il-Kunsill jaqbel li jibdew jitneħħew ir-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar għar-residenti ta' xi pajjiżi terzi

    Il-Kunsill illum adotta rakkomandazzjoni dwar it-tneħħija gradwali tar-restrizzjonijiet temporanji fuq l-ivvjaġġar mhux essenzjali lejn l-UE. Mill-1 ta' Lulju 2020, l-istati membri għandhom jibdew ineħħu r-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar fil-fruntieri esterni għar-residenti tal-pajjiżi terzi elenkati fuq lista fir-rakkomandazzjoni. Il-lista hi bbażata fuq il-kriterji u l-kundizzjonijiet speċifikati fir-rakkomandazzjoni. Din il-lista ser tiġi riveduta u, kif jeħtieġ il-każ, tiġi aġġornata kull ġimagħtejn.

  • 2020

    25 ta' Ġunju

    Rispons għall-COVID-19 fis-settur tal-enerġija tal-UE: il-Kunsill jadotta konklużjonijiet

    Il-Kunsill adotta konklużjonijiet dwar ir-rispons għall-pandemija tal-COVID-19 fis-settur tal-enerġija tal-UE. Fuq kollox, il-Kunsill esprima l-apprezzament tiegħu għall-persunal fis-settur tal-enerġija għall-isforzi ddedikati u effettivi tagħhom biex jiżguraw it-tħaddim kontinwu tas-sistema tal-enerġija Ewropea matul il-pandemija tal-COVID-19.

    Il-Kunsill enfasizza r-rwol kruċjali tas-settur tal-enerġija fl-irkupru ekonomiku tal-UE u nnota li l-ekonomija Ewropea jeħtieġ li ssir aktar ekoloġika, aktar ċirkolari u aktar diġitali filwaqt li tibqa' kompetittiva globalment.

    Il-Kunsill għaraf ukoll il-ħtieġa għal inizjattivi biex jappoġġaw pjan ta' rkupru robust, għal sistema tal-enerġija affordabbli, sikura, kompetittiva, sigura u sostenibbli.

  • 2020

    24 ta' Ġunju

    Aktar appoġġ għall-bdiewa tal-UE milquta mill-kriżi tal-COVID-19

    Fl-24 ta' Ġunju 20202, il-Kunsill adotta regolament li jippermetti lill-istati membri jħallsu, bħala miżura eċċezzjonali, sa EUR 7 000 lill-bdiewa u sa EUR 50 000 lill-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs) attivi fl-ipproċessar, il-kummerċjalizzazzjoni jew l-iżvilupp ta' prodotti agrikoli jew il-qoton, għajr prodotti tas-sajd.

    L-għan huwa li jsir użu mill-fondi disponibbli taħt programmi eżistenti ta' żvilupp rurali biex jingħata appoġġ lill-bdiewa u l-SMEs l-aktar milquta mill-kriżi tal-COVID-19 u biex jiġu indirizzati l-problemi ta' likwidità u fluss ta' flus li jirriżultaw mill-għeluq ta' ħwienet, swieq u ristoranti.

    Din l-infografika tiddeskrivi l-appoġġ li l-UE tipprovdi lis-setturi tal-agrikoltura u s-sajd matul il-kriżi tal-COVID-19.
    COVID-19: appoġġ tal-UE lill-agrikoltura u s-sajd (Infografika)

    COVID-19: appoġġ tal-UE lill-agrikoltura u s-sajd (Infografika)

  • 2020

    19 ta' Ġunju

    Il-mexxejja tal-UE jiddiskutu l-baġit fit-tul tal-UE u pjan ta' rkupru biex noħorġu mill-kriżi

    Il-mexxejja tal-UE ddiskutew, permezz ta' vidjokonferenza, il-baġit tal-UE għall-2021-2027 u pjan ta' rkupru biex iwieġbu għall-kriżi tal-COVID-19. Il-President tal-Kunsill Ewropew Michel indika l-intenzjoni tiegħu li jorganizza summit fiżiku f'nofs Lulju, biex jiffukaw fuq proposti konkreti.

  • 2020

    17 ta' Ġunju

    Konklużjonijiet tal-Kunsill: il-ġlieda kontra l-kriżi tal-COVID-19 fl-edukazzjoni u t-taħriġ

    Il-Kunsill adotta konklużjonijiet li jirrikonoxxu l-isfidi kkawżati mill-pandemija tal-COVID-19 fis-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ. Il-konklużjonijiet jistiednu lill-istati membri biex jeżaminaw il-possibbiltajiet għall-innovazzjoni u t-trasformazzjoni diġitali aċċellerata, kif ukoll biex jiżviluppaw aktar il-ħiliet u l-kompetenzi diġitali tal-għalliema u tal-ħarrieġa.

    Barra minn hekk, il-konklużjonijiet jirrikonoxxu l-ħtieġa li jiġu żgurati l-inklużjoni u l-opportunitajiet indaqs kif ukoll l-aċċess għal edukazzjoni u taħriġ ta' kwalità għolja għal kulħadd.

  • 2020

    12 ta' Ġunju

    Il-ministri għas-saħħa jiddiskutu l-programm ġdid u msaħħaħ, L-UE għas-Saħħa

    Il-ministri għas-saħħa tal-UE kellhom l-ewwel skambju ta' fehmiet dwar il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea għal regolament li jistabbilixxi r-raba' Programm tas-Saħħa (il-programm L-UE għas-Saħħa jew EU4Health) għall-perjodu 2021-2027.

    Il-ministri laqgħu b'mod ġenerali l-programm il-ġdid l-UE għas-Saħħa u l-objettivi tiegħu. Il-programm huwa mfassal biex jagħti kontribut sinifikanti għall-irkupru ta' wara l-COVID-19, b'enfasi fuq it-tisħiħ tar-reżiljenza tas-sistemi tas-saħħa, u l-promozzjoni tal-innovazzjoni fis-settur tas-saħħa.

    Il-baġit tal-programm il-ġdid mistenni jkun 25 darba ogħla mill-programm attwali tas-saħħa (b'valur ta' madwar €450 miljun għall-perjodu 2014-2020).

    L-UE għas-Saħħa, it-tisħiħ tas-sistema tas-saħħa tal-UE
  • 2020

    9 ta' Ġunju

    Konklużjonijiet tal-Kunsill: it-tiswir tal-futur diġitali tal-Ewropa

    Il-Kunsill adotta konklużjonijiet li jindirizzaw firxa wiesgħa ta' kwistjonijiet marbutin mal-implimentazzjoni tal-istrateġija diġitali tal-UE. It-test jenfasizza l-impatt tat-trasformazzjoni diġitali fuq il-ġlieda kontra l-pandemija, u r-rwol kritiku tagħha fl-irkupru ta' wara l-COVID-19.

    Il-pandemija tal-COVID-19 u l-konsegwenzi tagħha fuq ħajjitna u l-ekonomiji tagħna enfasizzaw l-importanza tad-diġitalizzazzjoni fl-oqsma kollha tal-ekonomija u s-soċjetà tal-UE. It-teknoloġiji l-ġodda għenuna lkoll nibqgħu konnessi, biex naħdmu minn djarna u biex niffaċilitaw it-tagħlim mill-bogħod ta' uliedna. Kienu strumentali biex iżommu n-negozji u s-servizzi pubbliċi tagħna għaddejjin. Oleg Butković, Ministru għall-Baħar, it-Trasport u l-Infrastruttura tal-Kroazja, presidenza tal-Kunsill
  • 2020

    9 ta' Ġunju

    Il-ministri għall-impjiegi u l-affarijiet soċjali jiddiskutu kif is-swieq tax-xogħol isiru aktar reżiljenti fil-fażi ta' rkupru

    Il-ministri tal-UE għall-impjiegi u l-affarijiet soċjali ffukaw fuq l-irkupru u kellhom skambju ta' fehmiet dwar kif il-politiki nazzjonali dwar l-impjiegi u dawk soċjali jistgħu jsiru aktar b'saħħithom u s-swieq tax-xogħol jistgħu jsiru aktar reżiljenti sabiex jingħelbu l-konsegwenzi tal-pandemija tal-COVID-19. B'mod partikolari huma ddiskutew:

    • arranġamenti tax-xogħol flessibbli, bħal xogħol remot, sigħat ta' xogħol flessibbli, u teknoloġiji tal-ICT innovattivi
    • it-titjib tal-ħiliet/it-taħriġ mill-ġdid bħala opportunità ta' reazzjoni għat-tibdil fid-dinja tax-xogħol minħabba l-COVID-19, kif ukoll fil-kuntest tat-tranżizzjonijiet diġitali u ekoloġiċi li għaddejjin
    • kif ġiet indirizzata l-protezzjoni u l-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri, speċjalment fir-rigward ta' gruppi vulnerabbli fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19
  • 2020

    9 ta' Ġunju

    Il-ministri għall-kummerċ tal-UE jiddiskutu l-implikazzjonijiet tal-pandemija tal-COVID-19 fuq il-politika kummerċjali

    Il-ministri għall-kummerċ indirizzaw l-impatt negattiv li kellha l-pandemija tal-COVID-19 fuq il-kummerċ globali, u r-rwol tal-ktajjen ta' provvista globali fl-irkupru. F'dan il-kuntest, il-Kummissjoni Ewropea hija mistennija tagħmel rieżami tal-politika kummerċjali sa tmiem l-2020, sabiex tiżgura li l-politika kummerċjali tikkontribwixxi għall-irkupru ta’ wara l-COVID-19.

  • 2020

    8 ta' Ġunju

    Ir-rispons globali ta' Tim Ewropa għall-COVID-19: kważi €36 biljun mobilizzati

    L-ammont mobilizzat mill-pakkett Tim Ewropa issa jilħaq kważi €36 biljun, li jinkludu kontribuzzjonijiet mill-Kummissjoni Ewropea, l-istati membri tal-UE, il-Bank Ewropew tal-Investiment u l-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp.

    Dawn ir-riżorsi ser jintużaw biex jingħata appoġġ lill-pajjiżi sħab tal-UE biex tiġi indirizzata l-pandemija, b'fokus speċifiku fuq:

    • it-tisħiħ tas-sistemi tas-saħħa
    • il-faċilitazzjoni tal-irkupru soċjoekonomiku
    • l-iżgurar tal-fluss tal-oġġetti
    • l-investiment fir-riċerka dwar it-trattamenti u l-vaċċini
  • 2020

    5 ta' Ġunju

    Il-ministri tal-intern jiddiskutu l-kontrolli fil-fruntieri interni u l-moviment liberu tal-persuni fil-kuntest tal-COVID-19

    Hekk kif is-sitwazzjoni ġenerali tas-saħħa qed titjieb, l-istati membri kollha jinsabu fil-proċess tat-tneħħija gradwali tal-kontrolli fil-fruntieri u l-irkupru sħiħ tal-moviment liberu tal-persuni li ġie limitat minħabba l-pandemija. Matul il-vidjokonferenza, il-ministri responsabbli għall-affarijiet interni qablu:

    • li l-maġġoranza tal-istati membri għandhom ineħħu l-kontrolli fil-fruntieri sal-15 ta' Ġunju 2020, filwaqt l-oħrajn li isegwuhom sal-aħħar tax-xahar
    • li kwalunkwe restrizzjonijiet li jifdal ikunu bbażati fuq kriterji oġġettivi relatati mas-saħħa, mhux diskriminatorji u proporzjonati
    • li jkomplu jikkoordinaw mill-qrib u taħt it-tmexxija tal-Kummissjoni Ewropea
    • għal approċċ unifikat fir-rigward tat-tneħħija gradwali tar-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar mhux essenzjali lejn l-UE, li mhux mistennija sseħħ qabel l-1 ta' Lulju 2020
  • 2020

    5 ta' Ġunju

    Il-ministri tal-UE jiddiskutu l-prijoritajiet diġitali fl-irkupru wara l-COVID-19

    Meta ltaqgħu fit-tieni vidjokonferenza informali tagħhom, il-ministri tal-UE għat-telekomunikazzjoni kellhom dibattitu ta' orjentazzjoni dwar il-prijoritajiet diġitali tal-UE fl-era ta' wara l-COVID-19.

    Fid-diskussjoni, il-ministri ġew mistiedna jirriflettu dwar:

    • it-tagħlimiet ewlenin meħuda mill-kriżi tal-COVID-19 fis-settur diġitali
    • kif nistgħu niżguraw il-kompetittività u s-sovranità diġitali tal-UE fuq skala globali
    • kif nistgħu nagħtu prijorità lil investimenti fil-konnettività, fid-data u fit-teknoloġiji diġitali, bħall-intelliġenza artifiċjali, u nżiduhom
  • 2020

    4 ta' Ġunju

    Irkupru ekoloġiku u intelliġenti għas-settur tat-trasport

    Fit-tielet vidjokonferenza informali tagħhom, il-ministri tal-UE għat-trasport iddiskutew irkupru sostenibbli u diġitali tas-settur tat-trasport wara t-tifqigħa tal-COVID-19.

    Fid-diskussjoni, il-ministri ġew mistiedna jirriflettu dwar:

    • l-inizjattivi u l-investimenti l-aktar urġenti għal irkupru ekoloġiku u intelliġenti u li jistgħu jagħmlu s-settur aktar reżiljenti
    • l-aħjar għodda biex dawn l-objettivi jintlaħqu fi żmien qasir sa medju u fit-tul

    Il-ministri affermaw mill-ġdid l-importanza ta' approċċ koordinat biex tiġi indirizzata t-tifqigħa, tiġi applikata l-istrateġija ta' ħruġ u jiġi żgurat l-irkupru.

  • 2020

    2 ta' Ġunju

    Il-ministri għall-isport jiddiskutu kif jistgħu jerġgħu jibdew l-attivitajiet sportivi b'mod sikur

    Il-ministri kellhom skambju ta' fehmiet dwar il-passi li jmiss fl-indirizzar tal-impatt tal-pandemija tal-COVID-19 fuq is-settur tal-isport. Huma ddiskutew kif jista' jsir kontribut għall-irkupru tas-settur u kif tista' tinbena reżiljenza fid-dawl ta' żviluppi futuri imprevedibbli. Il-ministri qablu li l-attivitajiet sportivi kollha għandhom jerġgħu jibdew f'kundizzjonijiet sikuri u saħqu dwar l-importanza ekonomika u soċjali tas-settur tal-isport.

  • 2020

    29 ta' Mejju

    Il-ministri jiddiskutu r-rwol tal-ispazju fl-irkupru tal-UE

    Il-ministri kellhom skambju ta' fehmiet dwar kif jistgħu jżidu l-benefiċċji ekonomiċi, ambjentali u soċjali tal-applikazzjonijiet spazjali. Huma ddiskutew il-kontribut tad-data, is-servizzi u t-teknoloġiji spazjali għall-iżvilupp sostenibbli tal-UE, u l-irkupru mill-kriżi tal-COVID-19.

  • 2020

    29 ta' Mejju

    Il-ministri jisiltu tagħlimiet mill-kriżi tal-COVID-19 għall-futur tar-riċerka u l-innovazzjoni

    Il-ministri kellhom skambju ta' fehmiet dwar ir-rwol li għandu jkollhom ir-riċerka u l-innovazzjoni biex is-soċjetajiet isiru aktar reżiljenti għal kriżijiet bħal dik ikkawżata mill-pandemija tal-COVID-19.

    Fir-rigward tat-tagħlimiet meħuda mill-kriżi tal-COVID-19, il-ministri enfasizzaw b'mod ġenerali l-ħtieġa għal koordinazzjoni msaħħa tal-attivitajiet ta' riċerka, u għall-kondiviżjoni tad-data u tal-għarfien.

  • 2020

    27 ta' Mejju

    Il-Kunsill Ewropew ser jiddiskuti l-proposta tal-Kummissjoni għall-QFP u għal fond għall-irkupru fid-19 ta'’ Ġunju

    Fis-27 ta' Mejju 2020, il-Kummissjoni Ewropea ħarġet il-proposta tagħha għal fond għall-irkupru u l-baġit fit-tul tal-UE, il-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) għall-2021-2027.

    Il-President tal-Kunsill Ewropew ħareġ dikjarazzjoni li tindika li ser jikkonsulta mal-istati membri qabel il-Kunsill Ewropew li jmiss li hu skedat għad-19 ta' Ġunju. B'mod parallel, il-Kunsill ser janalizza u jivvaluta l-proposta.

    Fit-23 ta' April 2020, il-Kunsill Ewropew iddeċieda li jaħdem biex jistabbilixxi fond għall-irkupru bħala rispons għall-kriżi tal-COVID-19. Huwa inkariga lill-Kummissjoni Ewropea biex b'mod urġenti toħroġ bi proposta, li kellha tiċċara wkoll ir-rabta bejn il-fond u l-baġit fit-tul tal-UE.

  • 2020

    26 ta' Mejju

    Il-President Centeno jilqa' l-qbil tal-BEI dwar ix-xibka ta' sikurezza għan-negozji

    Il-President tal-Grupp tal-Euro Mário Centeno laqa' l-ftehim mill-Bord tad-Diretturi tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) dwar il-fond ta' garanzija pan-Ewropew il-ġdid għall-appoġġ ta' negozji li qed iħabbtu wiċċhom mal-konsegwenzi ekonomiċi tal-pandemija tal-COVID-19.

    Il-fond il-ġdid tal-BEI huwa wieħed mit-tliet xbieki ta' sikurezza, b'valur ta' €540 biljun, għall-impjiegi u l-ħaddiema, għan-negozji u għall-istati membri, li ġew ippreżentati fir-rapport tal-Grupp tal-Euro li ntlaħaq qbil dwaru fid-9 ta' April 2020. Il-mexxejja tal-UE approvaw ir-rapport fit-23 ta' April, u appellaw biex il-pakkett jibda jopera sa mhux aktar tard mill-1 ta' Ġunju 2020.

    Ir-regolament dwar ix-xibka ta' sikurezza għall-ħaddiema, SURE (Appoġġ biex jittaffew ir-Riskji ta' Qgħad f'Emerġenza), ġie adottat mill-Kunsill fid-19 ta' Mejju 2020.

    Ix-xibka ta' sikurezza għall-istati membri, l-Appoġġ fil-Kriżi Pandemika tal-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà (MES), ġiet approvata mill-Bord tal-Gvernaturi tal-MES fil-15 ta' Mejju 2020.

    Il-President Centeno jilqa' l-qbil mill-bord tad-diretturi tal-BEI.
  • 2020

    25 ta' Mejju

    Il-Kunsill jadotta miżuri ta' salvataġġ għall-avjazzjoni u l-ferroviji

    Il-Kunsill adotta emenda temporanja għar-regoli dwar is-servizzi tal-ajru b'appoġġ għal-linji tal-ajru u għall-ajruporti minħabba tnaqqis qawwi fit-traffiku tal-ajru kkawżat mill-pandemija tal-coronavirus. Il-Kunsill adotta wkoll estensjoni tal-iskadenza għat-traspożizzjoni tad-direttivi dwar is-sikurezza u l-interoperabbiltà ferrovjarja tar-raba' pakkett ferrovjarju sabiex jagħti flessibbiltà u ċertezza legali lill-industrija ferrovjarja u lill-awtoritajiet fiċ-ċirkostanzi attwali. Iż-żewġ atti legali huma parti mill-pakkett ta' emerġenza għat-trasport ippreżentat mill-Kummissjoni fid-29 ta' April 2020.

  • 2020

    20 ta' Mejju

    Il-ministri jiddiskutu miżuri ta' rkupru għas-settur tat-turiżmu tal-UE

    Il-ministri kellhom skambju ta' fehmiet dwar kif l-aħjar jiġu implimentati r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Ewropea biex jerġa' jinbeda l-ivvjaġġar b'mod sikur u t-turiżmu fl-Ewropa jingħata spinta fl-2020. L-għan hu li l-istati membri jiġu megħjuna jikkoordinaw gradwalment it-tneħħija tar-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar u jippermettu l-ftuħ mill-ġdid tan-negozji tat-turiżmu, filwaqt li jiġu rispettati l-prekawzjonijiet tas-saħħa meħtieġa.

    Il-ministri esprimew appoġġ qawwi għal għadd ta' prinċipji li għandhom jirregolaw l-irkupru, inkluż:

    • koordinazzjoni mill-qrib fil-livell tal-UE
    • approċċ gradwali u fi stadji
    • deċiżjonijiet ibbażati fuq data epidemjoloġika tajba
    • nondiskriminazzjoni
  • 2020

    20 ta' Mejju

    Il-Kunsill jadotta pakkett ta' għajnuna ta' €3 biljun għal sħab tal-viċinat

    Il-Kunsill adotta pakkett ta' €3 biljun f'assistenza finanzjarja għal 10 sħab tat-tkabbir u tal-viċinat. Il-fondi ser jiġu pprovduti fil-forma ta' self fuq termini favorevoli ħafna biex jgħinuhom ilaħħqu mar-riperkussjonijiet ekonomiċi tal-pandemija tal-COVID-19, u allokati kif ġej:

    • L-Albanija: €180 miljun
    • Il-Bożnija-Ħerzegovina: €250 miljun
    • Il-Georgia: €150 miljun
    • Il-Ġordan: €200 miljun
    • Il-Kosovo*: €100 miljun
    • Il-Moldova: €100 miljun
    • Il-Montenegro: €60 miljun
    • Ir-Repubblika tal-Maċedonja ta' Fuq: €160 miljun
    • It-Tuneżija: €600 miljun
    • L-Ukrajna: €1.2 biljun

    *Din id-deżinjazzjoni hija mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet dwar l-istatus, u hija konformi mal-UNSCR 1244 (1999) u l-opinjoni tal-QIĠ dwar id-dikjarazzjoni tal-indipendenza tal-Kosovo.

    Pakkett ta' għajnuna tal-UE għal sħab tal-viċinat
    Pakkett ta' għajnuna tal-UE għal sħab tal-viċinat
  • 2020

    20 ta' Mejju

    Trasport: Il-Kunsill jadotta flessibbiltà temporanja għal-liċenzji u s-servizzi tal-port

    Il-Kunsill adotta miżuri temporanji li jippermettu l-estensjoni tal-validità ta' ċerti ċertifikati u liċenzji fit-trasport bit-triq, bil-ferrovija u fuq l-ilma, u li jillaxkaw ir-regoli dwar l-iċċarġjar tal-bastimenti għall-użu tal-infrastrutturi tal-port. Dawn il-miżuri għandhom l-għan li jgħinu lil kumpaniji u awtoritajiet ilaħħqu maċ-ċirkostanzi straordinarji kkawżati mill-kriżi tal-COVID-19.

  • 2020

    19 ta' Mejju

    Il-ministri għaż-żgħażagħ jiddiskutu l-impatt tal-COVID-19 fuq iż-żgħażagħ

    Il-ministri tal-UE responsabbli għaż-żgħażagħ kellhom l-ewwel vidjokonferenza tagħhom biex jiddiskutu l-impatt tal-COVID-19 fuq iż-żgħażagħ u l-konsegwenzi fuq is-settur taż-żgħażagħ, b'enfasi fuq l-impjieg taż-żgħażagħ, il-mobbiltà, is-saħħa u l-benesseri mentali, eċċ. Barra minn hekk, huma qasmu l-fehmiet tagħhom dwar il-miżuri li ttieħdu s'issa biex jgħinu liż-żgħażagħ jirkupraw mill-kriżi, dwar kif jistgħu jidderieġu r-reżiljenza u s-solidarjetà taż-żgħażagħ fil-kuntest tal-istrateġija ta' rkupru u dwar kif jistgħu jinvolvu liż-żgħażagħ u lill-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ sabiex ikun hemm tħejjija għal kriżi ta' pandemija possibbli fil-ġejjieni.

  • 2020

    19 ta' Mejju

    Il-ministri għall-kultura jiddiskutu l-appoġġ għas-settur awdjoviżiv, kulturali u kreattiv fil-kuntest tal-irkupru ekonomiku tal-UE

    Il-ministri għall-kultura ltaqgħu, permezz ta' vidjokonferenza, għal skambju ta' fehmiet dwar l-impatt tal-COVID-19 fuq is-setturi kulturali u kreattivi. Id-diskussjoni ffokat fuq it-tagħlimiet meħuda sa mill-bidu tal-pandemija. Il-ministri ffukaw ukoll fuq approċċi possibbli għall-issoktar tal-programmi u attivitajiet kulturali fil-kuntest tat-tneħħija gradwali tar-restrizzjonijiet.

  • 2020

    19 ta' Mejju

    L-UE tadotta skema temporanja biex tgħin lill-ħaddiema

    Bħala parti mill-pakkett ta' appoġġ ta' emerġenza biex jiġi indirizzat l-impatt ekonomiku tal-kriżi tal-COVID-19, l-UE stabbiliet strument temporanju biex jgħin lill-ħaddiema jżommu xogħolhom matul il-kriżi.

    L-istati membri ser ikunu jistgħu jitolbu sa €100 biljun f'self taħt termini favorevoli biex jgħinu l-finanzjament ta' żidiet f'daqqa u serji tan-nefqa pubblika nazzjonali b'reazzjoni għall-kriżi f'oqsma speċifiċi.

    Il-Kummissjoni Ewropea ser tiġbor fondi fuq is-swieq kapitali internazzjonali f'isem l-UE. Is-self ta' SURE ser ikun sostnut mill-baġit tal-UE u l-garanziji pprovduti mill-istati membri skont is-sehem tagħhom fid-dħul nazzjonali gross tal-UE. L-ammont totali ta' garanziji ser ikun ta' €25 biljun. L-assistenza finanzjarja ser tingħata b'deċiżjoni adottata mill-Kunsill fuq proposta tal-Kummissjoni.

    Is-self ser isir disponibbli wara li l-istati membri kollha jkunu pprovdew il-garanziji tagħhom. L-istrument ser jopera sal-31 ta' Diċembru 2022.

    L-istrument SURE (Appoġġ biex jittaffew ir-Riskji ta' Qgħad f'Emerġenza) huwa wieħed mit-tliet xbieki ta' sikurezza, b'valur ta' €540 biljun, għall-impjiegi u l-ħaddiema, in-negozji u l-istati membri, maqbula mill-Grupp tal-Euro u approvati mill-mexxejja tal-UE.

    Infografika: Ir-rispons ta' emerġenza għall-pandemija tal-COVID-19: x'għamlet l-UE.
    Ir-rispons ta' emerġenza tal-UE għall-pandemija tal-COVID-19 (Infografika)

    Ir-rispons ta' emerġenza tal-UE għall-pandemija tal-COVID-19 (Infografika)

  • 2020

    18 ta' Mejju

    Il-ministri għall-edukazzjoni jiddiskutu l-approċċi nazzjonali dwar il-ftuħ mill-ġdid tal-iskola u l-kontinwazzjoni tal-mobbiltà fit-tagħlim

    Il-ministri tal-UE għall-edukazzjoni ltaqgħu, permezz ta' vidjokonferenza, biex jiddiskutu l-impatt tat-tifqigħa tal-COVID-19 fuq l-edukazzjoni u t-taħriġ madwar l-UE, b'mod partikolari fil-kuntest tat-tneħħija gradwali tal-miżuri ta' konteniment. Huma qasmu l-informazzjoni dwar l-approċċi nazzjonali għal:

    • ftuħ mill-ġdid tal-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ (inkluż miżuri ta' iġjene, sanitarji u organizzazzjonali)
    • organizzazzjoni tal-eżamijiet finali u l-ammissjonijiet għall-edukazzjoni għolja
    • reġistrazzjoni u kundizzjonijiet għall-issoktar tal-istudji mis-sena akkademika li jmiss
    • kontinwazzjoni tal-mobbiltà għat-tagħlim madwar l-UE
  • 2020

    15 ta' Mejju

    L-UE ġġib lura f'pajjiżhom kważi 600 000 ċittadin tal-UE maqbudin barra pajjiżhom

    L-istati membri tal-UE ħadmu flimkien biex jipprovdu appoġġ konsulari u biex jirripatrijaw liċ-ċittadini tal-UE minn pajjiżi terzi. Sa nofs Mejju 2020, l-isforz ta' ripatrijazzjoni kkoordinat bl-appoġġ tal-UE laħaq is-625 000 Ewropew barra minn pajjiżhom, u kważi 600 000 ċittadin tal-UE nġiebu lura f'pajjiżhom.

    Charles Michel, President tal-Kunsill Ewropew
    Nixtieq nifraħ lit-Task Force u lill-membri tagħha għall-impenn estremament effiċjenti u professjonali. Il-viżjoni ċara tagħkom tal-missjoni li trid titwettaq, l-ippjanar bir-reqqa u l-isforzi kontinwi bla heda taħt ċirkostanzi eċċezzjonali ta' ħidma ppermettew li aktar minn 580 000 ċittadin tal-UE jirritornaw b'mod sikur lejn djarhom fl-Ewropa
    Charles Michel, President tal-Kunsill Ewropew
    Charles Michel, President tal-Kunsill Ewropew
  • 2020

    15 ta' Mejju

    Il-Grupp tal-Euro jiddiskuti l-prijoritajiet għall-irkupru tal-UE

    Il-Grupp tal-Euro ltaqa' permezz ta' vidjokonferenza biex jiddiskuti pjanijiet għat-tnedija mill-ġdid tal-ekonomija tal-UE. Il-ministri eżaminaw ukoll il-progress li sar fir-rigward tax-xbieki ta' sikurezza ekonomika li ddaħħlu fis-seħħ biex jiġu indirizzati l-konsegwenzi tal-COVID-19.

    Il-President tal-Grupp tal-Euro Mário Centeno
    Id-deċiżjonijiet politiċi mingħajr preċedent li ttieħdu fil-Grupp tal-Euro xahar ilu qed jiġu msarrfa f'realtà legali fi żmien rekord. Għamilna progress tajjeb dwar it-tliet xbieki ta' sikurezza: il-miżura ta' appoġġ fil-kriżi pandemika proposta taħt il-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà qed topera mil-lum, u l-Kunsill laħaq qbil dwar SURE. (Appoġġ biex jittaffew ir-Riskji ta' Qgħad f'Emerġenza); ħejjejna l-bażi għal qbil dwar il-fond ta' garanzija għan-negozji tal-Bank Ewropew tal-Investiment.
    Il-President tal-Grupp tal-Euro Mário Centeno
    Il-President tal-Grupp tal-Euro Mário Centeno
  • 2020

    15 ta' Mejju

    Il-ministri għall-affarijiet barranin jiddiskutu l-impatt tal-COVID-19 fuq is-sitwazzjoni fil-Viċinat tan-Nofsinhar u l-Lvant Nofsani

    Il-ministri għall-affarijiet barranin kellhom diskussjoni dwar il-Viċinat tan-Nofsinhar u s-sitwazzjoni fil-Lvant Nofsani usa', fid-dawl tal-pandemija tal-COVID-19. F'dan il-kuntest il-ministri esprimew it-tħassib tagħhom dwar il-konsegwenzi soċjoekonomiċi tal-pandemija, u qablu li l-kriżi attwali hija opportunità biex issir riflessjoni dwar ir-relazzjonijiet tal-UE mar-reġjun fit-terminu medju u twil ta' żmien.

  • 2020

    15 ta' Mejju

    Il-Kunsill jilħaq qbil politiku dwar xibka ta' sikurezza għall-impjiegi u l-ħaddiema

    Fil-15 ta' Mejju 2020, l-ambaxxaturi għall-UE laħqu qbil politiku dwar SURE, strument temporanju biex jgħin lill-ħaddiema jżommu xogħolhom matul il-kriżi. L-adozzjoni formali hija mistennija sad-19 ta' Mejju.

    L-istati membri ser ikunu jistgħu jitolbu sa €100 biljun f'self taħt termini favorevoli biex jgħinu l-finanzjament ta' żidiet f'daqqa u serji tan-nefqa pubblika nazzjonali b'reazzjoni għall-kriżi f'oqsma speċifiċi.

    L-istrument SURE (Appoġġ biex jittaffew ir-Riskji ta' Qgħad f'Emerġenza) huwa wieħed mit-tliet xbieki ta' sikurezza, b'valur ta' €540 biljun, għall-impjiegi u l-ħaddiema, in-negozji u l-istati membri, maqbula mill-Grupp tal-Euro u approvat mill-mexxejja tal-UE.

  • 2020

    13 ta' Mejju

    Il-ministri tal-UE għall-agrikoltura u s-sajd jiddiskutu miżuri attwali u futuri biex jiġi limitat l-impatt tal-COVID-19

    Il-presidenza Kroata organizzat it-tieni vidjokonferenza tal-ministri tal-UE responsabbli għall-agrikoltura u s-sajd biex jevalwaw il-miżuri li ttieħdu s'issa kontra l-impatt negattiv tal-pandemija tal-COVID-19 fuq is-setturi.

    Il-ministri identifikaw oqsma addizzjonali fejn jeħtieġ appoġġ. Ħafna ministri appellaw għal baġit tal-Politika Agrikola Komuni b'saħħtu għal wara l-2020.

    Din l-infografika tiddeskrivi l-appoġġ li l-UE tipprovdi lis-setturi tal-agrikoltura u s-sajd matul il-kriżi tal-COVID-19.
    COVID-19: appoġġ tal-UE lill-agrikoltura u s-sajd (Infografika)

    COVID-19: appoġġ tal-UE lill-agrikoltura u s-sajd (Infografika)

  • 2020

    12 ta' Mejju

    Il-ministri tal-UE jiddiskutu l-implikazzjonijiet għas-sigurtà u d-difiża tal-pandemija tal-COVID-19

    Il-ministri għad-difiża ffokaw fuq ir-rwol kruċjali li kellhom il-forzi armati fl-appoġġ għall-atturi ċivili u fl-għoti ta' appoġġ transkonfinali. Huma ssottolinjaw ukoll il-ħtieġa li jżidu t-tħejjija u r-reżiljenza fit-triq 'il quddiem billi jitwettqu eżerċizzji, tissaħħaħ il-ħidma fuq iċ-ċibersigurtà u jiġi miġġieled it-theddid ibridu inkluż it-tisħiħ tal-isforzi kontra d-diżinformazzjoni.

  • 2020

    12 ta' Mejju

    Il-ministri għas-saħħa jenfasizzaw l-importanza tal-aċċess għall-mediċini fil-kuntest tal-COVID-19

    Il-ministri tal-UE għas-saħħa kellhom vidjokonferenza dwar id-disponibbiltà tal-mediċini madwar l-UE fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19. Id-dibattitu kien ukoll opportunità għall-ministri biex jagħtu kontribut fl-iżvilupp ta' strateġija farmaċewtika għall-Ewropa.

  • 2020

    8 ta' Mejju

    Il-Grupp tal-Euro jilħaq qbil dwar l-appoġġ finanzjarju f'każ ta' emerġenza għall-pajjiżi taż-żona tal-euro

    Il-ministri għall-finanzi qablu dwar il-karatteristiċi u t-termini standardizzati għall-pajjiżi taż-żona tal-euro biex ikollhom aċċess għall-Appoġġ fil-Kriżi Pandemika tal-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà (MES). L-istati membri jistgħu jissellfu sa 2% tal-PDG tagħhom biex jiffinanzjaw spejjeż diretti u indiretti relatati mal-kura tas-saħħa, il-kura u l-prevenzjoni li jirriżultaw mill-pandemija tal-COVID-19.

  • 2020

    8 ta' Mejju

    Il-Kunsill jilħaq qbil dwar il-pożizzjonijiet tiegħu dwar miżuri ta’ salvataġġ tat-trasport

    L-UE qed taħdem fuq sett ta' miżuri urġenti biex tgħin lill-kumpaniji u lill-awtoritajiet fis-setturi tal-avjazzjoni, tat-trasport bil-ferrovija, tat-trasport bit-triq u tat-trasport marittimu biex ilaħħqu mal-impatt tal-kriżi tal-coronavirus.

    Illum, l-ambaxxaturi tal-istati membri tal-UE qablu dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar erba' proposti leġislattivi mfassla biex jipprovdu flessibbiltà, itaffu l-piż amministrattiv u jnaqqsu l-ispejjeż finanzjarji għan-negozji tat-trasport fil-kuntest tal-kriżi tal-COVID-19.

  • 2020

    6 ta' Mejju

    Is-Summit ta' Zagreb bejn l-UE u l-Balkani tal-Punent jafferma mill-ġdid l-impenn tal-UE għall-kollaborazzjoni fil-ġlieda kontra l-COVID-19

    Is-Summit ta' Zagreb bejn l-UE u l-Balkani tal-Punent laqqa' flimkien il-kapijiet ta' stat jew ta' gvern mill-istati membri tal-UE u l-mexxejja mis-sitt isħab tal-Balkani tal-Punent: l-Albanija, il-Bożnija-Ħerzegovina, is-Serbja, il-Montenegro, ir-Repubblika tal-Maċedonja ta' Fuq u l-Kosovo*. Huma adottaw id-Dikjarazzjoni ta' Zagreb, inkluż impenn imġedded ta' kooperazzjoni biex flimkien jiġġieldu kontra l-pandemija tal-COVID-19, b'attenzjoni speċjali fuq tliet oqsma:

    • assistenza finanzjarja b'pakkett ta' aktar minn €3.3 biljun għall-benefiċċju tas-sħab tal-Balkani tal-Punent biex jingħata appoġġ lis-settur tas-saħħa, l-irkupru soċjali u ekonomiku, u tingħata assistenza permezz tal-Bank Ewropew tal-Investiment, kif ukoll assistenza mikrofinanzjarja
    • kooperazzjoni u koordinazzjoni fil-forma ta' akkwist konġunt u l-fluss kummerċjali bla restrizzjonijiet ta' tagħmir personali protettiv
    • indirizzar tad-diżinformazzjoni u ta' attivitajiet ibridi oħra

    * Dan l-isem huwa mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet dwar l-istatus, u huwa konformi mal-UNSCR 1244/1999 u l-opinjoni tal-QIĠ dwar id-dikjarazzjoni tal-indipendenza tal-Kosovo.

    Ir-rispons tal-UE għall-pandemija tal-coronavirus fil-Balkani tal-Punent: l-UE mmobilizzat aktar minn €3.3 biljun euro f'appoġġ lill-Balkani tal-Punent biex jittrattaw il-pandemija tal-COVID-19.
    COVID-19: appoġġ ta' aktar minn €3.3 biljun għall-Balkani tal-Punent (Infografika)

    COVID-19: appoġġ ta' aktar minn €3.3 biljun għall-Balkani tal-Punent (Infografika)

  • 2020

    5 ta' Mejju

    Il-ministri għat-telekomunikazzjoni jiddiskutu l-implikazzjonijiet tal-kriżi tal-COVID-19 għas-settur

    Il-ministri tal-UE għat-telekomunikazzjoni ltaqgħu għall-ewwel darba permezz ta' vidjokonferenza matul din il-kriżi biex jiddiskutu:

    • l-użu ta' apps għat-traċċar tal-kuntatti biex tiġi ttrattata l-pandemija
    • ir-rwol tas-settur diġitali fl-irkupru ta' wara l-COVID-19, inkluż miżuri li jinċentivaw l-investiment fl-użu ta' infrastrutturi diġitali ġodda b'kapaċità kbira ħafna
  • 2020

    5 ta' Mejju

    Il-ministri għall-impjiegi u l-affarijiet soċjali jiddiskutu miżuri li jappoġġaw il-pjan ta' rkupru tal-UE

    Il-ministri tal-UE responsabbli mill-impjiegi u l-affarijiet soċjali ltaqgħu permezz ta' vidjokonferenza u ddiskutew:

    • l-impatt tal-isfidi demografiċi fid-dawl tat-tifqigħa tal-COVID-19 u kif jistgħu jgħinu lil dawk ir-reġjuni fl-UE li huma l-aktar affettwati mit-tnaqqis fil-popolazzjoni
    • miżuri tas-suq tax-xogħol u tal-politika soċjali fil-livell tal-UE u dak nazzjonali bħala parti mill-isforzi ta' rkupru ekonomiku
  • 2020

    5 ta' Mejju

    Il-Kunsill japprova pakkett ta' assistenza ta' €3 biljun biex jappoġġa lis-sħab ġirien

    Il-Kunsill adotta pakkett ta' €3 biljun f'assistenza finanzjarja għal 10 sħab tat-tkabbir u tal-viċinat. Il-fondi ser jiġu pprovduti fil-forma ta' self fuq termini favorevoli ħafna biex jgħinuhom ilaħħqu mar-riperkussjonijiet ekonomiċi tal-pandemija tal-COVID-19, u allokati kif ġej:

    • L-Albanija: €180 miljun
    • Il-Bożnija-Ħerzegovina: €250 miljun
    • Il-Georgia: €150 miljun
    • Il-Ġordan: €200 miljun
    • Il-Kosovo*: €100 miljun
    • Il-Moldova: €100 miljun
    • Il-Montenegro: €60 miljun
    • Ir-Repubblika tal-Maċedonja ta' Fuq: €160 miljun
    • It-Tuneżija: €600 miljun
    • L-Ukrajna: €1.2 biljun

    *Din id-deżinjazzjoni hija mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet dwar l-istatus, u hija konformi mal-UNSCR 1244 (1999) u l-opinjoni tal-QIĠ dwar id-dikjarazzjoni tal-indipendenza tal-Kosovo.

  • 2020

    29 ta' April

    Il-ministri għat-trasport jiddiskutu sfidi futuri b'konsegwenza tal-miżuri ta' rilassament

    Il-ministri għat-trasport tal-UE kellhom it-tieni vidjokonferenza informali tagħhom dwar l-implikazzjonijiet tal-pandemija tal-COVID-19 għat-trasport. Huma ddiskutew il-miżuri li ttieħdu s'issa kontra l-pandemija u qablu dwar il-ħtieġa għal approċċ koordinat tal-UE fl-istrateġija ta' ħruġ. Il-ministri laqgħu l-pakkett il-ġdid ta' miżuri addizzjonali tal-Kummissjoni Ewropea biex itaffu l-impatt tal-kriżi fuq is-settur tat-trasport.

  • 2020

    28 ta' April

    L-UE ġġedded l-impenn tagħha li tappoġġa pajjiżi sħab waqt il-laqgħa bejn l-UE u l-G5 tas-Saħel

    Fi tmiem il-vidjokonferenza bejn l-UE u l-G5 tas-Saħel, il-President Michel afferma mill-ġdid l-impenn tal-UE li tgħin lill-pajjiżi u l-komunitajiet globalment biex ilaħħqu mal-kriżi tal-COVID-19, f'konformità mad-Dikjarazzjoni Konġunta tal-membri tal-Kunsill Ewropew tas-26 ta' Marzu 2020.

  • 2020

    28 ta' April

    Il-ministri għall-affarijiet interni jiddiskutu s-sitwazzjoni attwali u t-triq 'il quddiem għat-tneħħija tal-miżuri ta' konteniment

    Il-ministri tal-UE responsabbli għall-affarijiet interni iltaqgħu permezz ta' vidjokonferenza biex jiddiskutu s-sitwazzjoni attwali u t-triq 'il quddiem fir-rispons għall-COVID-19 fil-qasam tal-affarijiet interni. Huma ddiskutew ukoll:

    • it-titjib tat-traffiku fuq il-fruntieri interni sabiex jiġi żgurat il-funzjonament tas-suq intern u l-fluss liberu tal-merkanzija
    • il-faċilitazzjoni jew it-tneħħija tal-kontrolli fuq il-fruntieri interni b'mod koordinat
    • il-ħidma flimkien biex tingħeleb iż-żieda fiċ-ċiberkriminalità, b'mod partikolari l-bejgħ ta' oġġetti ffalsifikati u t-tixrid ta' fake news
    • ir-rwol ta' apps għat-traċċar tal-kuntatti fil-kontroll tat-tixrid tal-virus
  • 2020

    28 ta' April

    Il-ministri għall-enerġija jaqblu dwar rwol ċentrali għas-settur tal-enerġija fil-pjan ta' rkupru tal-UE

    Il-ministri tal-UE responsabbli għall-enerġija ltaqgħu permezz ta' vidjokonferenza biex jivvalutaw il-miżuri li diġà ttieħdu biex tissaħħaħ it-tħejjija fis-settur u tiġi żgurata s-sigurtà tal-provvista. Huma ddiskutew ukoll il-kontribut possibbli tas-settur tal-enerġija għal irkupru sostenibbli mill-pandemija.

    Il-ministri rrikonoxxew li s-sistema tal-enerġija Ewropea hija reżiljenti u li bħalissa m'hemm l-ebda riskju ta' interruzzjoni fis-sistemi ta' provvista tal-enerġija, speċjalment għal dawk l-aktar fil-bżonn.

  • 2020

    27 ta' April

    Il-ministri għat-turiżmu jiddiskutu l-impatt tal-COVID-19 fuq is-settur tat-turiżmu

    Il-ministri għat-turiżmu skambjaw informazzjoni u l-aħjar prattiki dwar miżuri ta' għajnuna meħuda s'issa fil-livell nazzjonali biex jappoġġaw is-settur tat-turiżmu, li huwa wieħed mill-ewwel u mill-aktar setturi ekonomiċi affettwati mill-kriżi tal-COVID-19. Huma ddiskutew ukoll azzjonijiet possibbli fil-futur fil-livell nazzjonali u dak tal-UE għall-irkupru malajr tas-settur.

  • 2020

    23 ta' April

    Il-mexxejja tal-UE ser jaħdmu fuq fond ta' rkupru

    Il-mexxejja tal-UE, li ltaqgħu permezz ta' vidjokonferenza, approvaw il-pakkett maqbul mill-Grupp tal-Euro. Dan huwa magħmul minn tliet xbieki ta' sikurezza għall-ħaddiema, in-negozji u l-istati membri, b'valur ta' €540 biljun.

    Il-mexxejja inkarigaw ukoll lill-Kummissjoni biex b'mod urġenti toħroġ bi proposta għal fond ta' rkupru. "Dan il-fond għandu jkun kbir biżżejjed, immirat lejn is-setturi u l-partijiet ġeografiċi tal-Ewropa l-aktar milquta," qal il-President Michel.

    Il-Kapijiet ta' stat jew ta' gvern laqgħu pjan direzzjonali Ewropew biex jitneħħew il-miżuri ta' konteniment tal-COVID-19, ippreżentati mill-Presidenti Michel u von der Leyen fil-15 ta' April.

    Huma laqgħu wkoll il-Pjan Direzzjonali Konġunt għall-Irkupru, li jiddefinixxi erba' oqsma ewlenin għall-azzjoni: suq uniku, sforzi kbar ta' investiment, azzjoni globali tal-UE u governanza aħjar. Dan jistabbilixxi wkoll prinċipji importanti, bħas-solidarjetà, il-koeżjoni u l-konverġenza.

  • 2020

    22 ta' April

    Council adopts measures to allow flexible use of structural funds in COVID-19 crisis

    The Council adopted a package of measures to ensure additional flexibility in the use of structural funds so member states can respond quickly and effectively to the economic and social consequences of the COVID-19 outbreak. Thanks to the so-called Coronavirus Response Investment Initiative Plus:

    • member states can transfer money between different funds to meet their needs
    • resources can be redirected to the most affected regions, thanks to a suspension of the conditions on which regions are entitled to funding 
    • member states can request up to 100% financing from the EU budget between 1 July 2020 and 30 June 2021 for programmes dealing with the impact of the pandemic

    This is the second legislative act in less than a month amending the rules on the use of EU structural funds to respond to the crisis.

  • 2020

    22 ta' April

    Il-Kunsill jadotta regoli biex jgħin lis-sajjieda tal-UE

    Il-Kunsill adotta regoli ġodda maħsuba biex itaffu l-impatt tat-tifqigħa tal-COVID-19 fuq is-setturi tas-sajd u l-akkwakultura. Ir-regoli l-ġodda jemendaw ir-regolament dwar il-fond Ewropew għall-affarijiet marittimi u s-sajd (FEMS) u r-regolament dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq (OKS) fi ħdan l-iskema ta' finanzjament attwali għall-2014-2020.

    Uħud mill-miżuri adottati skont ir-regolament emendatorju huma:

    • appoġġ b'rabta mas-sospensjoni temporanja jew tnaqqis tal-attivitajiet tas-sajd u l-akkwakultura
    • flessibbiltà fl-użu tal-fondi baġitarji
    • appoġġ għall-ħżin ta' prodotti tas-sajd u l-akkwakultura
  • 2020

    21 ta' April

    Il-ministri għall-isport jiddiskutu kif jista' jiġi appoġġat is-settur tal-isport fil-pandemija tal-COVID-19

    Il-ministri għall-isport tal-UE llum iddiskutew kif jappoġġaw is-settur tal-isport, l-atleti u l-federazzjonijiet madwar l-Ewropa biex jegħlbu l-isfidi kumplessi kkawżati mill-pandemija tal-COVID-19.

  • 2020

    16 ta' April

    Il-ministri għall-ekonomija u l-finanzi jiddiskutu l-implimentazzjoni ta' miżuri ta' emerġenza

    Il-ministri għall-ekonomija u l-finanzi tal-UE ddiskutew l-implimentazzjoni rapida tal-miżuri maqbula biex jiġi indirizzat l-impatt soċjoekonomiku tal-COVID-19. Il-presidenza Kroata ntrabtet b'mod partikolari li tipproċedi malajr b'negozjati dwar il-proposta tal-Kummissjoni għal strument temporanju biex jittaffew ir-riskji ta' qgħad f'emerġenza (SURE).

    Il-ministri approvaw dikjarazzjoni biex jappoġġaw l-applikazzjoni flessibbli tar-regoli tal-UE fis-settur bankarju, u jistiednu lill-banek iżommu lura milli jiddistribwixxu dividendi. Huma qablu wkoll dwar is-simplifikazzjoni tar-rekwiżiti ta' informazzjoni għaċ-ċiklu tas-Semestru Ewropew ta' din is-sena.

  • 2020

    16 ta' April

    Il-ministri għall-kummerċ jiddiskutu l-impatt tal-COVID-19 fuq il-kummerċ u l-ktajjen tal-provvista mondjali

    Il-ministri tal-UE responsabbli għall-kwistjonijiet kummerċjali kellhom skambju ta' fehmiet dwar l-impatt tal-COVID-19 fuq ir-relazzjonijiet kummerċjali u fuq il-ktajjen tal-valur u tal-provvista mondjali. Il-ministri ddiskutew ukoll:

    • proposta tal-Kummissjoni Ewropea għal miżura ġdida ta' awtorizzazzjoni għall-esportazzjoni għal ċerti oġġetti ta' tagħmir protettiv personali (PPE)
    • il-linji gwida tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-iskrinjar tal-Investiment Dirett Barrani (FDI)
  • 2020

    15 ta' April

    Il-ministri għas-saħħa jiddiskutu strateġija ta' ħruġ komuni

    Il-ministri għas-saħħa tal-UE kellhom vidjokonferenza biex jevalwaw is-sitwazzjoni attwali u l-miżuri li diġà ttieħdu b'rispons għat-tixrid tal-COVID-19 fl-UE. Huma kellhom ukoll skambju ta' fehmiet dwar strateġija ta' ħruġ komuni għat-tnaqqis tal-miżuri ta' konteniment.

  • 2020

    15 ta' April

    Il-Presidenti Michel u von der Leyen jippreżentaw pjan direzzjonali għat-tneħħija gradwali tal-miżuri ta' konteniment

    Il-Presidenti Michel u von der Leyen ippreżentaw pjan direzzjonali Ewropew għat-tneħħija tal-miżuri ta’ konteniment tal-COVID-19 u enfasizzaw il-ħtieġa li tinbeda diskussjoni strateġika dwar il-pjan ta' rkupru fil-vidjokonferenza tal-mexxejja fit-23 ta' April.

  • 2020

    14 ta' April

    Il-ministri għall-edukazzjoni jiddiskutu l-aħjar appoġġ għall-istudenti, l-għalliema, l-iskejjel u l-familji.

    Il-ministri għall-edukazzjoni tal-UE kellhom vidjokonferenza dwar l-impatt tal-pandemija COVID-19 fuq l-edukazzjoni. B’mod partikolari, huma ffukaw fuq l-isfidi u l-opportunitajiet tat-tagħlim online, kif jistgħu jiġu żgurati l-valutazzjoni, l-eżamijiet u r-reġistrazzjoni, u l-miżuri previsti għal ftuħ mill-ġdid gradwali u sikur ta' skejjel u istituzzjonijiet ta' taħriġ.

  • 2020

    14 ta' April

    Il-Kunsill japprova assistenza finanzjarja għas-sajjieda tal-UE

    L-ambaxxaturi għall-UE qablu dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar proposta biex temenda r-regolament dwar il-fond Ewropew għall-affarijiet marittimi u s-sajd (FEMS) u r-regolament dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq (OKS).

    Il-proposta tintroduċi għadd ta' miżuri li jipprovdu appoġġ finanzjarju lis-sajjieda u lill-bdiewa tal-akkwakultura tal-UE biex tgħinhom jegħlbu l-isfidi ekonomiċi kkawżati mit-tifqigħa tal-COVID-19.

  • 2020

    14 ta' April

    L-UE tagħmel disponibbli €3.1 biljun addizzjonali biex tiġi indirizzata l-kriżi tal-COVID-19

    Permezz ta' proċedura bil-miktub, il-Kunsill adotta żewġ emendi għall-baġit tal-UE għall-2020, biex jagħmel disponibbli €3.1 biljun addizzjonali f'fondi bħala rispons għall-kriżi tal-COVID-19.

    Dan il-baġit addizzjonali ser jintuża:

    • għax-xiri u d-distribuzzjoni ta' provvisti mediċi, inkluż tagħmir protettiv u ventilaturi
    • biex tingħata spinta lill-produzzjoni ta' apparat għall-ittestjar
    • għall-bini ta' sptarijiet fuq il-post
    • għat-trasferiment ta' pazjenti għal trattament fi stati membri oħra
    • għar-ripatrijazzjoni ta' ċittadini tal-UE maqbuda barra minn pajjiżhom
  • 2020

    9 ta' April

    Il-Grupp tal-Euro jipproponi pakkett ta' appoġġ ta' €500 biljun

    Il-Grupp tal-Euro ltaqa' permezz ta' vidjokonferenza biex ifassal pakkett ta' miżuri ta' rispons biex jiġi ppreżentat lill-mexxejja tal-UE.

    Ir-rapport jipproponi tliet xbieki ta' sikurezza immedjati għall-ħaddiema, in-negozji u l-istati membri. Huwa jħejji wkoll il-bażi għal fond ta' rkupru biex iniedi mill-ġdid l-ekonomija u jiżgura s-solidarjetà tal-UE mal-istati membri l-aktar milquta mill-COVID-19.

    Il-President tal-Grupp tal-Euro Mário Centeno
    Illum, qbilna dwar tliet xbieki ta' sikurezza u pjan għall-irkupru, biex niżguraw li nikbru flimkien, mhux għal rasna, ladarba nissuperaw il-virus. Dawn il-proposti jibnu fuq is-saħħa finanzjarja kollettiva tagħna u fuq is-solidarjetà Ewropea.
    Il-President tal-Grupp tal-Euro Mário Centeno
    Il-President tal-Grupp tal-Euro Mário Centeno
  • 2020

    8 ta' April

    Il-ministri għall-iżvilupp jaqblu li jniedu pakkett ta' rispons globali ta' €20 biljun

    Il-ministri għall-iżvilupp tal-UE approvaw il-pakkett ta' appoġġ għall-pajjiżi sħab fil-ġlieda kontra l-pandemija tal-COVID-19 u l-konsegwenzi tagħha, b'appoġġ finanzjarju ġenerali ta' aktar minn €20 biljun minn riżorsi eżistenti għall-azzjoni esterna.

  • 2020

    8 ta' April

    Il-Kunsill japprova aktar użu tar-riżorsi ta' koeżjoni

    Il-Kunsill qabel dwar il-pożizzjoni tiegħu rigward it-tieni pakkett ta' miżuri, l-Inizjattiva ta' Investiment fir-Rispons għall-Coronavirus Plus, biex jilliberaw aktar flus minn fondi strutturali tal-UE għal operazzjonijiet relatati mal-kriżi.

    Il-proposta toffri aktar flessibbiltà dwar l-użu tal-fondi strutturali. L-istati membri ser ikunu jistgħu jittrasferixxu l-flus bejn il-fondi biex jirrispondu malajr għall-konsegwenzi ekonomiċi u soċjali tat-tifqigħa tal-COVID-19.

  • 2020

    7 ta' April

    L-UE u l-istati membri ser iżidu l-koordinazzjoni tal-isforzi tar-riċerka

    Il-ministri tal-UE għar-riċerka u l-innovazzjoni ltaqgħu permezz ta' vidjokonferenza biex jiddiskutu tweġiba koordinata għall-kriżi tal-COVID-19.

    Huma kkonċentraw fuq:

    • il-finanzjament ta' proġetti Ewropej ta' riċerka u innovazzjoni
    • il-qsim ta' data u infrastruttura xjentifika fost iċ-ċentri ta' riċerka u innovazzjoni
  • 2020

    6 ta' April

    Il-ministri għad-difiża jiddiskutu l-appoġġ għar-rispons għall-kriżi tal-COVID-19 u l-implikazzjonijiet tagħha fuq l-operazzjonijiet militari

    Il-ministri għad-difiża tal-UE, waqt laqgħa permezz ta' vidjokonferenza, iffukaw fuq l-assistenza pprovduta mill-militar matul il-kriżi tal-COVID-19, kif ukoll fuq is-sitwazzjoni fil-missjonijiet u l-operazzjonijiet militari u ċivili tal-UE f'pajjiżi terzi. Qasmu eżempji ta' kif il-forzi armati tal-istati membri kkontribwew għall-isforzi kontra l-pandemija billi pprovdew trasport u appoġġ loġistiku, bnew sptarijiet fi żmien rekord, bagħtu l-persunal mediku tagħhom, u appoġġaw lill-pulizija u servizzi nazzjonali oħrajn.

  • 2020

    6 ta' April

    Il-ministri għall-ġustizzja jiddiskutu miżuri fil-qasam tal-ġustizzja

    Il-ministri tal-UE responsabbli għal kwistjonijiet ta' ġustizzja organizzaw vidjokonferenza biex jaqsmu l-informazzjoni dwar il-miżuri introdotti mill-istati membri fil-qasam tal-ġustizzja b'rispons għall-pandemija tal-COVID-19. Huma qablu li kwalunkwe miżura straordinarja meħuda għandha tkun konformi mal-valuri fundamentali tal-Unjoni.

  • 2020

    3 ta' April

    Il-ministri għall-affarijiet barranin jiddiskutu r-rispons internazzjonali għall-COVID-19

    Il-ministri għall-affarijiet barranin tal-UE ffukaw fuq ir-rispons internazzjonali għall-pandemija tal-COVID-19 u r-ripatrijazzjoni ta' ċittadini tal-UE, f'vidjokonferenza mmexxija mir-Rappreżentant Għoli tal-UE Josep Borrell. Huma qablu dwar l-importanza tal-assistenza lil pajjiżi terzi u l-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni.

  • 2020

    30 ta' Marzu

    L-UE tadotta miżuri għar-rilaxx immedjat tal-fondi ta' koeżjoni

    L-UE adottat leġislazzjoni biex jiġi rilaxxat malajr finanzjament mill-baġit tal-UE biex tiġi indirizzata l-kriżi tal-COVID-19.

    Il-leġislazzjoni temenda r-regoli tal-fondi strutturali u ta' investiment biex tiġi akkomodata flessibbiltà akbar u r-rilaxx ta' €37 biljun għall-Inizjattiva ta' Investiment fir-Rispons għall-Coronavirus.

    L-UE emendat ukoll il-kamp ta' applikazzjoni tal-Fond ta' Solidarjetà tal-UE biex jiġu inklużi l-emerġenzi tas-saħħa pubblika minbarra d-diżastri naturali.

  • 2020

    30 ta' Marzu

    L-UE tadotta eżenzjoni b'rabta mal-islots biex tgħin lil-linji tal-ajru

    L-UE ssospendiet ir-rekwiżiti tal-islots fl-ajruporti li jobbligaw lil-linji tal-ajru jużaw tal-anqas 80% tal-islots tat-tluq u nżul tagħhom sabiex ikunu jistgħu jżommuhom is-sena ta' wara. L-eżenzjoni b'rabta mal-islots hija mfassla biex tgħin lill-operaturi tal-ajru jlaħħqu mat-tnaqqis drastiku fit-traffiku tal-ajru minħabba t-tifqigħa tal-COVID-19.

    L-eżenzjoni tapplika mill-1 ta' Marzu sal-24 ta' Ottubru 2020. Tapplika wkoll b'mod retroattiv mit-23 ta' Jannar sad-29 ta' Frar 2020 għal titjiriet bejn l-UE u ċ-Ċina jew Hong Kong. Id-data tal-bidu tat-23 ta' Jannar 2020 hija meta l-awtoritajiet fiċ-Ċina għalqu l-ewwel ajruport.

  • 2020

    26 ta' Marzu

    Il-membri tal-Kunsill Ewropew ikollhom it-tielet vidjokonferenza dwar il-COVID-19

    Waqt laqgħa permezz ta' vidjokonferenza, il-membri tal-Kunsill Ewropew ivvalutaw ir-rispons tal-UE għall-pandemija tal-COVID-19 s'issa. Dwar ir-rispons għar-riperkussjonijiet ekonomiċi, huma stiednu lill-Grupp tal-Euro biex jippreżenta proposti fi żmien ġimagħtejn.

  • 2020

    26 ta' Marzu

    Il-mexxejja tal-G20 jorganizzaw vidjokonferenza straordinarja dwar il-pandemija tal-COVID-19

    Il-Presidenti Michel u von der Leyen attendew il-vidjokonferenza straordinarja tal-G20 biex jiddiskutu r-reazzjoni globali għall-pandemija tal-COVID-19.

  • 2020

    25 ta' Marzu

    Il-ministri għall-agrikoltura u s-sajd jiddiskutu kif jilqgħu għall-impatt negattiv tal-COVID-19

    Il-ministri tal-UE responsabbli għall-agrikoltura u s-sajd kellhom vidjokonferenza, ospitata mill-presidenza Kroata, biex jaqsmu l-informazzjoni bejn l-istati membri u l-istituzzjonijiet tal-UE. Iddiskutew ukoll miżuri li jappoġġaw is-setturi tal-agrikoltura u s-sajd u jipprevjenu interruzzjonijiet fil-produzzjoni u l-provvista.

  • 2020

    24 ta' Marzu

    Il-Grupp tal-Euro jivvaluta r-rispons għall-COVID-19

    Il-Grupp tal-Euro ħa kont tal-miżuri kollha meħuda fil-livell nazzjonali u dak tal-UE b'rispons għar-riperkussjonijiet COVID-19. Il-ministri ddiskutew ukoll aktar risponsi ta' politika li qed jiġu esplorati mill-istituzzjonijiet tal-UE, inkluż l-użu tal-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà (MES).

    Mário Centeno, President tal-Grupp tal-Euro
    Il-gvernijiet u l-istituzzjonijiet fl-UE qed jieħdu miżuri deċiżivi. [...] hemm żieda ċara fir-rispons fiskali tagħna. F'ġimgħa waħda biss, l-ammont totali tal-miżuri fiskali fil-livell nazzjonali rdoppja u issa huwa stmat għal 2 % tal-PDG. Skemi ta' appoġġ ta' likwidità għal ditti u ħaddiema żdiedu minn 10 % għal aktar minn 13 % tal-PDG.
    Mário Centeno, President tal-Grupp tal-Euro
    Mário Centeno, President tal-Grupp tal-Euro
  • 2020

    23 ta' Marzu

    Il-ministri għall-finanzi jaqblu li jillaxkaw ir-regoli fiskali tal-UE minħabba r-riperkussjonijiet tal-COVID-19

    Il-ministri għall-ekonomija u l-finanzi tal-UE qablu li japplikaw il-flessibbiltà massima fil-qafas fiskali tal-UE. Il-miżura tiżgura li l-istati membri jistgħu jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jappoġġaw is-sistemi tas-saħħa u tal-protezzjoni ċivili u l-ekonomija.

  • 2020

    23 ta' Marzu

    Il-ministri għall-affarijiet barranin jiddiskutu r-rispons internazzjonali għall-COVID-19 u r-ripatrijazzjoni tal-vjaġġaturi tal-UE

    Il-ministri kellhom skambju ta' fehmiet dwar ir-rispons internazzjonali għall-pandemija tal-COVID-19, b'attenzjoni partikolari għar-ripatrijazzjoni tal-vjaġġaturi tal-UE maqbuda barra l-pajjiż.

    Il-ministri ddiskutew ukoll kif iżidu l-kooperazzjoni u s-solidarjetà internazzjonali biex jappoġġaw lill-pajjiżi l-aktar fraġli. Huma kkundannaw it-tentattiv li l-Unjoni Ewropea tiġi skreditata bid-diżinformazzjoni u l-istigmatizzazzjoni ta' ċittadini tal-UE f'pajjiżi barranin b'rabta mat-tifqigħa tal-COVID-19.

  • 2020

    20 ta' Marzu

    Il-Kunsill jilħaq qbil dwar il-pożizzjoni tiegħu rigward is-sospensjoni tar-rekwiżiti tal-islots biex jgħin lil-linji tal-ajru

    Il-Kunsill approva l-pożizzjoni tiegħu rigward proposta biex tgħin l-operaturi tal-ajru jilqgħu għat-tnaqqis qawwi fid-domanda kkawżat mit-tifqigħa ta' COVID-19 u l-miżuri biex din tiġi kkontrollata.

    L-eżenzjoni ser tissospendi temporanjament ir-rekwiżiti tal-islots fl-ajruporti li jobbligaw lil-linji tal-ajru jużaw tal-anqas 80 % tal-islots tat-tluq u nżul tagħhom sabiex ikunu jistgħu jżommuhom is-sena ta' wara.

  • 2020

    21 ta' Diċembru

    L-ewwel vaċċin kontra l-COVID-19 awtorizzat għall-użu fl-UE

    L-UE tat awtorizzazzjoni kondizzjonali għat-tqegħid fis-suq tal-vaċċin kontra l-COVID-19 żviluppat minn BioNTech u Pfizer, biex b'hekk dan sar l-ewwel vaċċin kontra l-COVID-19 awtorizzat fl-UE. Din l-awtorizzazzjoni ġiet wara rakkomandazzjoni xjentifika pożittiva bbażata fuq valutazzjoni bir-reqqa tas-sikurezza, l-effettività u l-kwalità tal-vaċċin mill-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini.

  • 2020

    19 ta' Marzu

    Il-ministri tal-UE jiddiskutu l-konsegwenzi soċjali u fuq l-impjiegi tal-COVID-19

    Il-ministri tal-UE ddiskutew l-isfidi tal-impjiegi u soċjali li qed iħabbtu wiċċhom magħhom l-UE u d-dinja, bħala konsegwenza tat-tifqigħa ta’ COVID-19. Huma qasmu l-fehmiet u l-esperjenzi tagħhom dwar il-modalitajiet kif jingħelbu l-effetti tal-kriżi. Il-ministri ppreżentaw il-pożizzjonijiet u l-pjanijiet tagħhom għal riallokazzjoni possibbli ta' fondi tal-UE għal inizjattivi ġodda, filwaqt li qiesu l-proposta tal-Kummissjoni dwar l-Inizjattiva ta' Investiment fir-Rispons għall-Coronavirus.

  • 2020

    18 ta' Marzu

    Il-Kunsill japprova l-appoġġ mill-baġit tal-UE

    Il-Kunsill laħaq qbil dwar il-pożizzjoni tiegħu dwar proposti leġislattivi li ser jilliberaw fondi mill-baġit tal-UE għall-2020 biex jiġu indirizzati l-effetti tat-tifqigħa ta' COVID-19. Minħabba l-urġenza tas-sitwazzjoni, iż-żewġ proposti ġew approvati mingħajr emendi.

    Il-miżuri l-ġodda ser jappoġġaw lill-SMEs u jsaħħu l-investiment fil-prodotti u s-servizzi meħtieġa biex jissaħħaħ ir-rispons għall-kriżijiet tas-servizzi tas-saħħa.

  • 2020

    18 ta' Marzu

    L-istati membri tal-UE jingħaqdu biex it-traffiku ta' prijorità jibqa' għaddej

    Il-ministri għat-trasport tal-UE, flimkien mal-Kummissjoni Ewropea, qablu li jaħdmu flimkien mill-qrib biex jimminimizzaw it-tfixkil tat-traffiku, speċjalment għall-merkanzija essenzjali. Huma qablu dwar il-ħtieġa li jkun hemm approċċ koordinat għal kif l-aħjar tiġi żgurata l-kontinwità ekonomika, jiġu protetti s-saħħa u s-sikurezza tal-ħaddiema tat-trasport u l-moviment liberu tagħhom bejn il-fruntieri, filwaqt li ssir enfasi fuq kif titrażżan it-tifqigħa ta' COVID-19.

  • 2020

    17 ta' Marzu

    Il-membri tal-Kunsill Ewropew ikollhom it-tieni vidjokonferenza dwar COVID-19

    Il-membri tal-Kunsill Ewropew għamlu segwitu, permezz ta' vidjokonferenza, fuq l-azzjonijiet tal-UE b'rispons għat-tifqigħa ta' COVID-19, filwaqt li ffokaw fuq:

    • il-limitazzjoni tat-tixrid tal-virus
    • l-iżgurar tal-provvista ta' tagħmir mediku, b'attenzjoni partikolari fuq il-maskli u r-respiraturi
    • il-promozzjoni tar-riċerka, inkluż ir-riċerka għal vaċċin
    • l-indirizzar tal-konsegwenzi soċjoekonomiċi
    • l-għajnuna għaċ-ċittadini tal-UE maqbudin f'pajjiżi terzi

    Il-mexxejja qablu li jsaħħu l-fruntieri esterni billi japplikaw restrizzjoni temporanja koordinata fuq l-ivvjaġġar mhux essenzjali lejn l-UE għal perjodu ta' 30 jum.

    Charles Michel, President tal-Kunsill Ewropew
    Aħna affermajna mill-ġdid il-ħtieġa li naħdmu flimkien u li nagħmlu dak kollu li hu meħtieġ biex nindirizzaw il-kriżi u l-konsegwenzi tagħha. Il-prijorità hija s-saħħa taċ-ċittadini tagħna.
    Charles Michel, President tal-Kunsill Ewropew
    Charles Michel, President tal-Kunsill Ewropew
  • 2020

    16 ta' Marzu

    Il-Grupp tal-Euro jistabbilixxi rispons politiku ambizzjuż u koordinat

    Il-Grupp tal-Euro evalwa s-sitwazzjoni ekonomika u adotta dikjarazzjoni dwar ir-rispons tal-politika ekonomika għat-tifqigħa ta' COVID-19.

    Mário Centeno, President tal-Grupp tal-Euro
    Jiġri x'jiġri, aħna ser nipproteġu liċ-ċittadini tagħna u l-munita tagħna bir-riżorsi kollha tagħna. L-impenn tagħna li nipprovdu appoġġ f'dan iż-żmien ta' bżonn huwa bla limitu.
    Mário Centeno, President tal-Grupp tal-Euro
    Mário Centeno, President tal-Grupp tal-Euro
  • 2020

    16 ta' Marzu

    Il-mexxejja tal-G7 jikkoordinaw biex jindirizzaw il-kriżi dinjija

    Il-mexxejja tal-G7 kellhom vidjokonferenza biex jikkoordinaw ir-rispons dinji għat-tifqigħa ta' COVID-19. Huma ħadu impenn li jaħdmu flimkien biex:

    • jikkoordinaw il-miżuri tas-saħħa pubbliċi meħtieġa għall-protezzjoni ta’ nies f’riskju minn COVID-19
    • iġibu lura l-kunfidenza, it-tkabbir, u jħarsu l-impjiegi
    • jappoġġaw il-kummerċ u l-investiment dinji
    • iħeġġu kooperazzjoni fix-xjenza, ir-riċerka, u l-kooperazzjoni teknoloġika
    Il-prijorità hija li nrażżnu kemm jista' jkun il-kontaminazzjoni, biex niżguraw li s-sistemi tal-kura tas-saħħa tal-istati membri jkollhom il-kapaċità li jħejju għal dak kollu li jistenniena fil-jiem u fil-ġimgħat li ġejjin. Charles Michel, President tal-Kunsill Ewropew

    Wara l-vidjokonferenza, il-Presidenti Michel u von der Leyen sejħu għal restrizzjoni fuq l-ivvjaġġar mhux essenzjali lejn l-UE.

  • 2020

    12 ta' Marzu

    Il-ministri għall-edukazzjoni jiddiskutu l-implikazzjonijiet tal-COVID-19 fuq l-edukazzjoni u t-taħriġ

    Il-ministri għall-edukazzjoni tal-UE vvalutaw is-sitwazzjoni u qablu li s-sikurezza tat-tfal tal-iskola, l-istudenti u l-persunal hija l-prijorità. Huma qasmu informazzjoni dwar il-miżuri adottati f'kull stat membru kemm f'termini ta' sikurezza kif ukoll f'termini tal-iżgurar tal-kontinwazzjoni tat-tagħlim.

  • 2020

    10 ta' Marzu

    Il-President tal-Kunsill Ewropew ikollu vidjokonferenza mal-membri tal-Kunsill Ewropew

    Il-President tal-Kunsill Ewropew kellu vidjokonferenza mal-membri l-oħra tal-Kunsill Ewropew biex jikkoordinaw l-isforzi tal-UE b'rispons għat-tifqigħa ta' COVID-19. Il-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula von der Leyen, il-President tal-Bank Ċentrali Ewropew, Christine Lagarde, Mario Centeno, President tal-Grupp tal-Euro, u r-Rappreżentant Għoli Josep Borrell ħadu sehem ukoll fid-diskussjoni.

    Matul il-laqgħa l-mexxejja identifikaw erba' prijoritajiet:

    • il-limitazzjoni tat-tixrid tal-virus
    • l-iżgurar tal-provvista ta' tagħmir mediku
    • il-promozzjoni tar-riċerka, inkluż għal vaċċin
    • l-indirizzar tal-konsegwenzi soċjoekonomiċi
    Charles Michel, President tal-Kunsill Ewropew
    L-istati membri qablu li s-saħħa taċ-ċittadini tagħna hija l-ewwel prijorità, u li l-miżuri għandhom ikunu bbażati fuq ix-xjenza u l-parir mediku. Il-miżuri jeħtieġ li jkunu proporzjonali sabiex ma jkollhomx konsegwenzi eċċessivi għas-soċjetajiet tagħna inġenerali.
    Charles Michel, President tal-Kunsill Ewropew
    Charles Michel, President tal-Kunsill Ewropew
  • 2020

    4 ta' Marzu

    Il-Grupp tal-Euro jiddiskuti l-impatt tal-COVID-19 fuq l-ekonomija

    Il-Grupp tal-Euro organizza telekonferenza flimkien mal-membri mhux fiż-żona tal-euro biex iqis l-aħħar żviluppi u l-impatt tat-tifqigħa ta' COVID-19 fuq is-swieq finanzjarji u l-ekonomija inġenerali.

    Il-ministri affermaw mill-ġdid l-impenn tagħhom biex jikkoordinaw ir-reazzjonijiet u jinsabu lesti li jużaw l-għodod kollha ta' politika biex jiksbu tkabbir b'saħħtu u sostenibbli.

    Ser isir kull sforz biex titrażżan il-marda, biex jiġu previsti servizzi tas-saħħa u sistemi ta' protezzjoni ċivili biex jappoġġaw lill-popolazzjoni fiż-żoni l-aktar milquta u biex nipproteġu l-ekonomiji tagħna minn aktar ħsara. Mário Centeno, President tal-Grupp tal-Euro, 4 ta' Marzu 2020
  • 2020

    6 ta' Marzu

    Il-Kunsill ikollu t-tieni laqgħa straordinarja tal-ministri tas-saħħa biex jiġu diskussi l-aħħar żviluppi

    Il-ministri tal-UE kellhom skambju ta' fehmiet dwar l-aħjar mod kif jiġi żgurat rispons ikkoordinat għat-tifqigħa attwali ta' COVID-19 fl-UE, li evolviet b'mod rapidu.

    Il-ministri qablu li sabiex tiġi miġġielda t-tifqigħa ta' COVID-19, huwa importanti li:

    • tiżdied is-sensibilizzazzjoni dwar COVID-19
    • tissaħħaħ il-protezzjoni ta' persuni f'riskju
    • jiġu stabbiliti miżuri ta' trażżin, inkluż pariri bbażati fuq l-evidenza fir-rigward tal-ivvjaġġar lejn u minn żoni ta' riskju
    Il-protezzjoni tas-saħħa pubblika hija l-prijorità ewlenija tagħna. Ir-rispons tal-UE għat-tifqigħa u l-kooperazzjoni bejn il-partijiet kollha kienu tajbin ħafna, iżda s-sitwazzjoni nbidlet. Id-dibattitu tagħna llum wera li l-istati membri jinsabu lesti li jadattaw ir-rispons tagħhom, isaħħu l-kooperazzjoni tagħhom u jieħdu l-miżuri xierqa biex jiffokaw kemm fuq il-prevenzjoni kif ukoll fuq it-trattament. Vili Beroš, ministru għas-Saħħa tal-Kroazja
  • 2020

    2 ta' Marzu

    Il-Presidenza tal-Kunsill teskala l-IPCR għal modalità ta' attivazzjoni sħiħa

    Fid-dawl tas-sitwazzjoni li sejra għall-agħar u s-setturi differenti affettwati (is-saħħa, il-protezzjoni konsolari, il-protezzjoni ċivili, l-ekonomija), il-presidenza tattiva l-mekkaniżmu tal-IPCR għal modalità sħiħa.

    Il-modalità ta' attivazzjoni sħiħa tippermetti li jiġu organizzati konferenzi ta' kriżi bil-parteċipazzjoni ta':

    • l-istati membri milquta
    • il-Kummissjoni Ewropea
    • is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna
    • l-uffiċċju tal-President tal-Kunsill Ewropew
    • aġenziji u esperti rilevanti tal-UE
  • 2020

    27 ta' Frar

    Il-ministri għall-kompetittività jagħtu ħarsa lejn l-impatt tal-COVID-19 fuq l-industrija tal-UE

    Il-Kummissjoni Ewropea qasmet mal-Kunsill l-ewwel valutazzjoni tal-impatt potenzjali tat-tifqigħa ta' COVID-19 fuq l-industrija tal-UE. Il-Kummissjoni ġibdet l-attenzjoni tal-istati membri dwar l-importanza tal-kondiviżjoni ta' informazzjoni kruċjali u l-koordinazzjoni ta' kwalunkwe miżura meħuda fil-livell tal-UE.

  • 2020

    21 ta' Frar

    Jiżdiedu l-każijiet ta' COVID-19 fl-UE

    Fl-Italja ta' Fuq ġiet irreġistrata żieda sinifikanti ta' każijiet ta' COVID-19. Fl-istess ħin, bosta stati membri oħra bdew jirrappurtaw każijiet ta' persuni infettati.

  • 2020

    13 ta' Frar

    Adottati konklużjonijiet dwar COVID-19 waqt il-Laqgħa Straordinarja tal-Kunsill dwar is-Saħħa

    Il-ministri għas-saħħa tal-UE jadottaw konklużjonijiet dwar COVID-19 li jappellaw lill-Kummissjoni Ewropea biex:

    • tkompli l-koordinazzjoni dwar il-valutazzjoni tar-riskju u l-gwida fuq il-pariri dwar l-ivvjaġġar
    • iżżid l-istat ta' tħejjija fil-każ li t-tifqigħa teskala għall-fażi li jmiss
    • jiġu attivati mekkaniżmi ta' finanzjament eżistenti biex ikun appoġġat l-istat ta' tħejjija tal-istati membri
    • issaħħaħ l-appoġġ għall-Kumitat għas-Sigurtà tas-Saħħa
  • 2020

    7 ta' Frar

    Il-ministri għas-saħħa tal-UE jieħdu sehem f'vidjokonferenza informali ta' livell għoli

    Il-presidenza Kroata torganizza vidjokonferenza informali ta' livell għoli. L-istati membri, flimkien mar-rappreżentanti tal-Kummissjoni Ewropea u ċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (ECDC) janalizzaw is-sitwazzjoni attwali fir-rigward tat-tifqigħa.

  • 2020

    28 ta' Jannar

    Il-presidenza tal-Kunsill tal-UE tattiva l-IPCR fil-modalità ta' kondiviżjoni ta' informazzjoni

    Il-Presidenza Kroata ddeċidiet li tattiva l-mekkaniżmu integrat tal-UE għal rispons politiku f'sitwazzjonijiet ta' kriżi (IPCR) fil-modalità ta' kondiviżjoni ta' informazzjoni.

    L-IPCR huwa l-qafas tal-UE għall-koordinazzjoni ta' kriżijiet transettorjali. Permezz ta' dan il-mekkaniżmu, il-presidenza tal-Kunsill tikkoordina r-rispons politiku għall-kriżi fl-ogħla livell.

    Rapporti regolari ta' għarfien u analiżi tas-sitwazzjoni mill-Kummissjoni u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna jiġu prodotti u kondiviżi mal-istati membri permezz ta' pjattaforma web apposta.

  • 2019

    Diċembru

    Tiġi rrappurtata tifqigħa ta' marda kkawżata minn coronavirus ġdid f’Wuhan, iċ-Ċina

    Tiġi rreġistrata tifqigħa ta' marda kkawżata minn coronavirus ġdid fil-muniċipalità Ċiniża ta' Wuhan, li malajr infirxet f'reġjuni oħra taċ-Ċina u mad-dinja. Aktar tard, l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa tirrikonoxxi uffiċjalment il-coronavirus il-ġdid bħala SARS-CoV-2 u l-marda hija msejħa COVID-19.

L-aħħar reviżjoni: 27 ta' Ġunju 2023