Sostenibbiltà korporattiva
L-UE żviluppat politiki ta' sostenibbiltà korporattiva għan-negozji, bl-għan li ttejjeb il-protezzjoni għall-ambjent u d-drittijiet tal-bniedem fl-UE u lil hinn minnha.
Diliġenza dovuta
Ir-regoli tal-UE dwar id-diliġenza dovuta tas-sostenibbiltà korporattiva jirrikjedu lill-kumpaniji l-kbar tal-UE u ta' pajjiżi terzi attivi fl-UE jieħdu miżuri biex jipprevjenu, jidentifikaw u jtaffu kwalunkwe impatt negattiv fuq id-drittijiet tal-bniedem jew l-ambjent, ikkawżat minn:
- l-operazzjonijiet tagħhom stess
- l-operazzjonijiet tas-sussidjarji tagħhom
- l-operazzjonijiet imwettqa mis-sħab kummerċjali tagħhom
Il-penali u r-responsabbiltà ċivili ser japplikaw għal kwalunkwe ksur ta' dawn l-obbligi.
Objettivi
Dawn ir-regoli l-ġodda jfissru:
- produzzjoni aktar sostenibbli ta' oġġetti u servizzi
- kundizzjonijiet aħjar għall-ħaddiema
- investiment aktar sostenibbli
- trasparenza akbar dwar kif isiru l-prodotti
Produzzjoni sostenibbli
Investiment sostenibbli
Kundizzjonijiet tax-xogħol aħjar
Trasparenza
Rappurtar
Skont ir-regoli tal-UE dwar ir-rapportar korporattiv dwar is-sostenibbiltà, il-kumpaniji l-kbar koperti minn dawk ir-regoli jeħtieġ li jirrapportaw dwar erba' oqsma.
Kwistjonijiet ambjentali
Miżuri kontra l-korruzzjoni
Drittijiet tal-bniedem
Kwistjonijiet marbuta mad-diversità
Il-kumpaniji huma meħtieġa jippubblikaw informazzjoni dettaljata dwar kif in-negozju tagħhom jaffettwa s-soċjetà u l-ekonomija u viċi versa ("materjalità doppja").
Ir-regoli l-ġodda, li daħlu fis-seħħ fil-5 ta' Jannar 2024, għandhom l-għan li:
- jgħammru lill-investituri biex jieħdu deċiżjonijiet li jkunu ta' benefiċċju kemm għan-nies kif ukoll għall-ambjent
- iżidu l-obbligu ta' rendikont tal-kumpaniji
- jiffaċilitaw it-tranżizzjoni lejn ekonomija sostenibbli
Standards Ewropej tar-rappurtar dwar is-sostenibbiltà
Il-kumpaniji ser ikunu meħtieġa jirrappurtaw f'konformità mal-istandards Ewropej tar-rappurtar dwar is-sostenibbiltà (ESRS).
Dawk l-istandards komuni jiżguraw li l-kumpaniji madwar l-UE jirrappurtaw informazzjoni komparabbli u jgħinuhom jikkomunikaw il-prestazzjoni tagħhom mil-lat ta' sostenibbiltà b'mod aktar effiċjenti.
Tnaqqis tal-piż regolatorju
Fi Frar 2025, sabiex tilħaq l-objettiv tagħha ta' tnaqqis ta' mill-inqas 25% fil-piżijiet amministrattivi u ta' mill-inqas 35% għall-SMEs, il-Kummissjoni Ewropea pproponiet emendi għad-direttivi dwar id-diliġenza dovuta tas-sostenibbiltà korporattiva u dwar is-sostenibbiltà korporattiva fl-ewwel pakkett "omnibus" tagħha.
Fl-24 ta' Frar 2026, il-Kunsill ta l-approvazzjoni finali tiegħu biex jiġu ssimplifikati r-rekwiżiti ta' rapportar u ta' diliġenza dovuta dwar is-sostenibbiltà, bil-ħsieb li tingħata spinta lill-kompetittività tal-UE.
Simplifikazzjoni tar-regoli tal-UE
Simplifikazzjoni tar-rekwiżiti
Il-kamp ta' applikazzjoni tad-direttiva dwar id-diliġenza dovuta korporattiva dwar is-sostenibbiltà huwa ristrett biex ikopri biss kumpaniji b'aktar minn 5 000 impjegat u fatturat nett ta' aktar minn €1.5 biljun, peress li dawn il-kumpaniji jitqiesu li għandhom l-akbar influwenza fuq il-katina tal-valur tagħhom u li huma mgħammra bl-aħjar mod biex jassorbu l-kostijiet tal-proċessi ta' diliġenza dovuta.
Is-simplifikazzjoni tar-rekwiżiti sertippermetti lill-kumpaniji:
- jipprijoritizzaw il-valutazzjoni tal-impatti negattivi li jinvolvu sħab kummerċjali diretti
- jillimitaw l-ammont ta' informazzjoni li tista' tintalab minn sħab kummerċjali iżgħar fil-katina tal-attivitajiet ta' kumpanija
- jibbenefikaw minn aktar żmien biex jikkonformaw mal-miżuri l-ġodda
Barra minn hekk, ir-regoli aġġornati jneħħu l-obbligu li jiġi adottatpjan ta' tranżizzjoni għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u jipprevedu limitu massimu ta' 3% tal-fatturat nett dinji tal-kumpanija, bħala penali għan-nuqqas ta' applikazzjoni korretta tar-regoli.
Il-kumpaniji ser ikollhom jikkonformaw mal-miżuri l-ġodda sa Lulju 2029.
Rappurtar aktar faċli
Il-kamp ta' applikazzjoni tad-direttiva dwar ir-rapportar korporattiv dwar is-sostenibbiltà huwa ristrett biex ikopri biss kumpaniji b'aktar minn 1 000 impjegat u fatturat nett ta' aktar minn €450 miljun.
Fir-rigward ta' impriżi ta' pajjiżi terzi, ir-rekwiżiti aġġornati ser japplikaw biss għal kumpaniji b'fatturat nett ta' aktar minn €450 miljun għall-impriża omm fl-UE u ta' aktar minn €200 miljun fatturat iġġenerat għas-sussidjarja jew għall-fergħa.
Il-miżuri ta' simplifikazzjoni li saru fid-direttiva:
- inaqqsu l-għadd ta' impriżi soġġetti għal rekwiżiti ta' rapportar dwar is-sostenibbiltà u jippermettu lill-kumpaniji li jaqgħu barra mill-kamp ta' applikazzjoni l-ġdid li jissottomettu rapporti volontarji
- jirrevedu u jissimplifikaw l-ESRS
- jillimitaw l-ammont ta' informazzjoni li tista' tintalab minn sħab kummerċjali iżgħar fil-katina tal-valur tal-kumpanija li tirrapporta
- jipposponu r-rekwiżiti ta' rapportar għall-kumpaniji l-kbar
- jipprevedu eżenzjoni ta' tranżizzjoni għall-kumpaniji li kellhom jibdew jirrapportaw mis-sena finanzjarja 2024 (l-hekk imsejħa kumpaniji "tal-ewwel mewġa"), li teżentahom għall-2025 u l-2026.
- jinkludu eżenzjoni għal ċerti kumpaniji azzjonarji finanzjarji tal-UE u mhux tal-UE mir-rapportar konsolidat
L-aħħar reviżjoni: 25 ta' Frar 2026