"Il-cookies jintużaw biex intejbu l-esperjenza ta' navigazzjoni tiegħek. Il-cookies meħtieġa huma neċessarji biex jappoġġaw karatteristiċi essenzjali tas-sit web tal-Kunsill. Il-cookies fakultattivi jgħinuna nipproduċu rapporti statistiċi anonimi u aggregati biex naqdu aħjar il-ħtiġijiet tiegħek.

Żur il-paġna tal-politika tal-cookies tagħna għal aktar informazzjoni u biex tibdel is-settings tiegħek.

български español čeština dansk Deutsch eesti Ελληνικά English français Gaeilge hrvatski italiano latviešu lietuvių magyar Malti Nederlands polski português română slovenčina slovenščina suomi svenska
Skip to content

Programm għall-industrija tad-difiża Ewropea

Il-programm għall-Industrija tad-Difiża Ewropea (EDIP) huwa wieħed mill-ħafna inizjattivi li ħadet l-UE biex tagħti spinta lill-prontezza tad-difiża tagħha u ssaħħaħ l-industrija tad-difiża tal-Ewropa fid-dawl ta' xenarju ta' sigurtà li qed jevolvi.

X'inhu l-programm għall-industrija tad-difiża Ewropea?

Il-programm għall-industrija tad-difiża Ewropea huwa programm tal-UE li jipprovdi €1.5 biljun fil-forma ta' għotjiet biex tissaħħaħ il-prontezza tad-difiża tal-Ewropa għall-perjodu 2025-2027.

L-EDIP għandu l-għan li jtejjeb il-kompetittività u l-kapaċità ta' rispons tal-industrija tad-difiża Ewropea u biex jixpruna l-akkwist komuni. Jistabbilixxi wkoll:

  • miżuri biex jiżdiedu l-kapaċitajiet tal-manifattura industrijali tad-difiża
  • qafas għall-kooperazzjoni industrijali tad-difiża mal-Ukrajna
  • reġim ta' sigurtà tal-provvista għal prodotti rilevanti għall-kriżijiet
  • sett ta' għodod legali biex jiffaċilita l-kooperazzjoni fit-tul dwar l-armamenti
  • mekkaniżmu ta' bejgħ militari

Il-programm jimplimenta diversi miżuri proposti fl-istrateġija għall-industrija tad-difiża Ewropea (EDIS), ippreżentata mill-Kummissjoni Ewropea u mir-Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà f'Marzu 2024.

Dan jibni fuq żewġ strumenti operattivi tal-UE li jinsabu għaddejjin: l-istrument għat-tisħiħ tal-industrija Ewropea tad-difiża permezz ta' akkwist komuni (EDIRPA) u r-regolament dwar l-appoġġ għall-produzzjoni tal-munizzjon (ASAP).

Il-Kunsill adotta l-EDIP fit-8 ta' Diċembru 2025.

Il-programm kif inhu ffinanzjat?

L-EDIP huwa ffinanzjat mill-UE permezz tal-baġit fit-tul tagħha (il-qafas finanzjarju pluriennali għall-2021-2027).

Il-ftehim proviżorju bejn il-Kunsill u l-Parlament jikkonferma l-baġit propost mill-Kummissjoni Ewropea, jiġifieri €1.5 biljun, fil-forma ta' għotjiet. Il-baġit totali jinkludi €300 miljun f'appoġġ għall-industrija tad-difiża tal-Ukrajna.

Il-Kunsill u l-Parlament stiednu lill-Kummissjoni tesplora opzjonijiet għal riżorsi finanzjarji addizzjonali fil-futur.

Barra minn hekk, l-EDIP jippermetti lill-istati membri jew lil partijiet terzi jagħmlu kontribuzzjonijiet finanzjarji.

Żewġ individwi bilqiegħda ma' skrivanija, it-tnejn imdawrin b'diversi skrins tal-kompjuter li juru diversi viżwalizzazzjonijiet tad-data.

Finanzjament tal-UE għad-difiża

Oqsma koperti mill-programm

Tisħiħ tal-kapaċità u l-ktajjen tal-provvista tad-difiża

L-EDIP għandu l-għan li jagħti spinta lill-kooperazzjoni fl-akkwist tad-difiża fost l-istati membri. Għandu wkoll l-għan li jżid il-kapaċitajiet tal-manifattura tal-industrija tad-difiża Ewropea, u b'hekk inaqqas iż-żmien meħtieġ għall-eżekuzzjoni tal-produzzjonii għall-prodotti tad-difiża u jindirizza l-lakuni eżistenti fil-kapaċità.

L-EDIP jistabbilixxi qafas għal proġetti Ewropej tad-difiża ta' interess komuni, li huma mmirati għall-iżvilupp ta' kapaċitajiet ta' interess Ewropew usa', inkluż dawk li jiżguraw aċċess għal dominji strateġiċi.

Il-Kunsill approva l-ewwel ħames proġetti taħt dan il-qafas fit-28 ta' Settembru 2026. Dawn ikopru l-oqsma li ġejjin: id-droni u s-sistemi kontra d-droni, id-difiża marittima u ta' qiegħ il-baħar, id-difiża kontra attakki mill-ispazju, l-ajru u l-missili, u l-protezzjoni tan-naħa tal-Lvant tal-Ewropa.

Appoġġ għall-Ukrajna

L-EDIP jappoġġa l-industrija tad-difiża tal-Ukrajna permezz ta' strument iddedikat (l-istrument ta' appoġġ għall-Ukrajna), li:

  • jinċentiva l-akkwist kooperattiv mal-Ukrajna
  • jiffinanzja ż-żieda fil-kapaċitajiet tal-manifattura industrijali tad-difiża tal-kumpaniji Ukreni

L-istrument ta' appoġġ għall-Ukrajna ser ikun mogħni b'pakkett finanzjarju ta' €300 miljun.

Provvista tad-difiża f'sitwazzjonijiet ta' kriżi

Permezz tal-EDIP, l-UE ser tistabbilixxi l-ewwel mekkaniżmu li qatt sar biex tiżgura s-sigurtà tal-provvista tal-prodotti tad-difiża fl-UE kollha. Il-mekkaniżmu huwa mfassal biex jiżgura aċċess f'waqtu u affidabbli għall-prodotti u l-komponenti tad-difiża matul il-kriżijiet.

Mekkaniżmu Ewropew ta' bejgħ militari

Permezz tal-EDIP, l-UE ser tistabbilixxi mekkaniżmu Ewropew ta' bejgħ militari li ser:

  • joffri katalogu ċentralizzat ta' prodotti tad-difiża
  • jipprovdi l-possibbiltà li jiġu stabbiliti riżervi ta' prodotti tad-difiża biex jippermettu konsenja rapida ta' tagħmir

Eliġibbiltà ta' kumpaniji u prodotti

Il-kumpaniji li jibbenefikaw minn appoġġ finanzjarju taħt l-EDIP iridu jiġu stabbiliti u jkollhom l-istrutturi maniġerjali eżekuttivi tagħhom fl-UE. Biex ikunu eliġibbli għall-finanzjament, iridu jużaw ukoll l-infrastruttura, il-faċilitajiet, l-assi u r-riżorsi fl-UE.

Mill-inqas 65% tal-kost totali tal-komponenti użati fil-prodotti tad-difiża jrid joriġina mill-UE jew minn pajjiżi assoċjati (jiġifieri membri taż-Żona Ekonomika Ewropea). Barra minn hekk, biex il-prodotti jkunu eliġibbli għall-finanzjament skont l-EDIP, l-awtorità tad-disinn, li tiddeċiedi dwar id-disinn ta' prodott, ġeneralment trid tkun fl-UE.

Barra minn hekk, l-ebda komponent ma għandu jinkiseb minn pajjiżi mhux assoċjati li jiksru l-interessi tas-sigurtà u tad-difiża tal-UE jew tal-istati membri tagħha.

Ara wkoll

Prontezza tad-difiża Ewropea

Akkwist komuni fil-qasam tad-difiża

Virga ċilindrika twila tal-metall immuntata f'rigg kbir industrijali tal-immaxinjar.

X'inhi l-Azzjoni għas-Sigurtà tal-Ewropa (SAFE)?

L-aħħar reviżjoni: 28 ta' Settembru 2026