"Il-cookies jintużaw biex intejbu l-esperjenza ta' navigazzjoni tiegħek. Il-cookies meħtieġa huma neċessarji biex jappoġġaw karatteristiċi essenzjali tas-sit web tal-Kunsill. Il-cookies fakultattivi jgħinuna nipproduċu rapporti statistiċi anonimi u aggregati biex naqdu aħjar il-ħtiġijiet tiegħek.

Żur il-paġna tal-politika tal-cookies tagħna għal aktar informazzjoni u biex tibdel is-settings tiegħek.

български español čeština dansk Deutsch eesti Ελληνικά English français Gaeilge hrvatski italiano latviešu lietuvių magyar Malti Nederlands polski português română slovenčina slovenščina suomi svenska
Skip to content

Akkwist komuni fil-qasam tad-difiża

L-UE tiffaċilita l-akkwist komuni permezz ta' inizjattivi differenti. Il-kooperazzjoni bejn l-istati membri dwar l-akkwist fil-qasam tad-difiża ġġib magħha aktar effiċjenza u ffrankar tal-kostijiet.

Għaliex huwa meħtieġ akkwist komuni?

Il-kooperazzjoni bejn l-istati membri dwar l-akkwist fil-qasam tad-difiża hija kruċjali biex tiġi indirizzata l-frammentazzjoni tas-swieq tad-difiża Ewropej u d-duplikazzjoni bla bżonn tal-kapaċitajiet, l-organizzazzjoni u n-nefqa.

L-akkwist komuni jirreferi għall-prattika fejn żewġ stati membri jew aktar jixtru b'mod konġunt oġġetti jew servizzi biex jiksbu:

  • nefqa pubblika aktar effiċjenti
  • iffrankar tal-kostijiet
  • żieda fis-solidarjetà
  • titjib fl-interoperabilità

L-akkwist komuni jgħin biex jiżdiedu l-ekonomiji ta' skala tal-proċeduri ta' akkwist tal-istati membri, u b'hekk jagħmel il-bażi teknoloġika u industrijali tad-difiża Ewropea aktar kompetittiva u aktar effiċjenti.

L-akkwist fil-qasam tad-difiża sar saħansitra aktar rilevanti dan l-aħħar wara bidla radikali fis-sitwazzjoni tas-sigurtà fl-Ewropa, wara l-aggressjoni militari tar-Russja kontra l-Ukrajna.

L-UE tappoġġa l-kooperazzjoni bejn l-istati membri dwar l-akkwist pubbliku fil-qasam tad-difiża permezz ta' għadd ta' inizjattivi bħal:

  • Azzjoni għas-Sigurtà tal-Ewropa
  • Programm għall-industrija tad-difiża Ewropea
  • strument għat-tisħiħ tal-industrija tad-difiża permezz tal-akkwist komuni
  • direttiva dwar l-akkwist fil-qasam tad-difiża

Azzjoni għas-Sigurtà tal-Ewropa

Permezz tal-istrument ta' Azzjoni għas-Sigurtà tal-Ewropa (SAFE), l-UE qed tipprovdi assistenza finanzjarja fil-forma ta' self b'valur sa €150 biljun. L-assistenza għandha l-għan li tgħin lill-istati membri tal-UE jżidu b'mod rapidu u sinifikanti l-investimenti tagħhom fid-difiża permezz ta' akkwist komuni.

Ir-regolament li jistabbilixxi l-istrument SAFE daħal fis-seħħ fid-29 ta' Mejju 2025.

Huwa l-ewwel pilastru tal-Pjan ReArm Europe/Prontezza 2030 ippreżentat mill-Kummissjoni Ewropea f'Marzu 2025.

Virga ċilindrika twila tal-metall immuntata f'rigg kbir industrijali tal-immaxinjar.

X'inhi l-Azzjoni għas-Sigurtà tal-Ewropa (SAFE)?

Programm għall-industrija tad-difiża Ewropea

Fit-8 ta' Diċembru 2025, il-Kunsill adotta l-Programm għall-Industrija tad-Difiża Ewropea (EDIP). Permezz tal-EDIP, l-UE qed tipprovdi €1.5 biljun fil-forma ta' għotjiet biex tagħti spinta lill-prontezza tad-difiża tal-Ewropa għall-perjodu 2025-2027.

L-EDIP huwa ffinanzjat mill-Unjoni Ewropea permezz tal-baġit fit-tul tagħha (il-qafas finanzjarju pluriennali 2021-2027). Wieħed mill-pilastri tal-EDIP huwa l-akkwist komuni.

Collage li juri żewġ ħaddiema industrijali lebsin elmi tas-sikurezza, waħda b'tablet tispezzjona makkinarju u l-ieħor iħaddem laptop li juri interfaċċa teknika.

Programm għall-industrija tad-difiża Ewropea

Tisħiħ tal-industrija tad-difiża permezz tal-akkwist komuni

Fid-19 ta' Ottubru 2023, daħal fis-seħħ ir-regolament li jistabbilixxi strument għat-tisħiħ tal-industrija Ewropea tad-difiża permezz tal-akkwist komuni (EDIRPA).

Dan l-istrument il-ġdid jinċentiva lill-istati membri biex jakkwistaw prodotti tad-difiża b'mod konġunt u għandu valur ta' €300 miljun.

L-EDIRPA huwa ffinanzjat mill-Unjoni Ewropea permezz tal-baġit fit-tul tagħha (il-qafas finanzjarju pluriennali 2021-2027).

Ir-regolament jistabbilixxi kundizzjonijiet ċari biex jiżgura li l-industrija Ewropea tad-difiża tibbenefika mill-istrument. Pereżempju, il-kuntratturi u s-sottokuntratturi:

  • iridu jkunu stabbiliti u jkollhom l-istrutturi maniġerjali eżekuttivi tagħhom fl-UE jew f'pajjiż assoċjat (l-Iżlanda, il-Liechtenstein jew in-Norveġja)
  • ma jistgħux ikunu kkontrollati minn pajjiż terz mhux assoċjat

Fl-istess ħin, mill-inqas 65% tal-komponenti tal-prodotti finali jridu joriġinaw fl-UE jew f'pajjiż assoċjat, u l-istati membri jistgħu jakkwistaw biss prodotti li mhumiex soġġetti għal xi restrizzjoni minn pajjiżi terzi mhux assoċjati li jillimita l-kapaċità tagħhom li jużawhom.

Direttiva dwar l-akkwist fil-qasam tad-difiża

Id-direttiva tal-UE dwar l-akkwist fil-qasam tad-difiża u tas-sigurtà sensittiva daħlet fis-seħħ fl-14 ta' Lulju 2009.

Id-direttiva tistabbilixxi regoli Ewropej għall-akkwist ta' armi, munizzjon u materjal tal-gwerra, kif ukoll xogħlijiet u servizzi relatati, għal skopijiet ta' difiża. Tistabbilixxi wkoll regoli għall-akkwist ta' provvisti, xogħlijiet u servizzi sensittivi għal skopijiet ta' sigurtà.

Ir-regoli:

  • huma adattati għall-ispeċifiċitajiet tal-akkwist fil-qasam tad-difiża
  • isaħħu t-trasparenza u l-ftuħ fis-swieq tad-difiża bejn il-pajjiżi tal-UE
  • jiżguraw li l-interessi tas-sigurtà tal-pajjiżi individwali jkunu protetti

Ara wkoll

Prontezza tad-difiża Ewropea

Żewġ individwi bilqiegħda ma' skrivanija, it-tnejn imdawrin b'diversi skrins tal-kompjuter li juru diversi viżwalizzazzjonijiet tad-data.

Finanzjament tal-UE għad-difiża

Klawżola liberatorja nazzjonali għan-nefqa fuq id-difiża

L-aħħar reviżjoni: 18 ta' Frar 2026