Id-difiża tal-UE f'ċifri
In-nefqa fid-difiża tal-istati membri tal-UE żdiedet drastikament bejn l-2021 u l-2024. L-UE ħadet għadd ta' inizjattivi biex tikkomplementa u tamplifika l-isforzi individwali tal-istati membri, u tagħti spinta lill-kompetittività.
Kemm qed jonfqu l-istati membri tal-UE fuq id-difiża?
Fl-2024, in-nefqa fid-difiża tal-istati membri laħqet €343 biljun, jiġifieri żdiedet għall-għaxar sena konsekuttiva. L-istima fl-2025 mistennija tilħaq €381 biljun. In-nefqa fid-difiża fl-2025 żdiedet bi 11% meta mqabbla mas-sena ta' qabel u bi 62.87% meta mqabbla mal-2020.
Fl-2024, in-nefqa fid-difiża żdiedet għal 1.9% tal-PDG tal-istati membri tal-UE, żieda minn 1.6% fl-2023. L-istima fl-2025 mistennija tilħaq 2.1%.
Nefqa fid-difiża (2005-2025)
Grafika li turi ż-żieda fin-nefqa fid-difiża tal-istati membri tal-UE bejn l-2005 u l-2025. Żieda sinifikanti fl-infiq fid-difiża tidher b'mod ċar bejn l-2020 u l-2025.
L-investimenti fid-difiża qed jikbru
Fl-2024, l-investimenti fid-difiża kibru b'rata eċċezzjonali, u żdiedu bi 42% meta mqabbla mal-2023 u laħqu livell rekord ta' €106 biljun. Id-data tindika li x-xejra 'l fuq ser tkompli fl-2025, meta l-investiment fid-difiża huwa pprojettat li jilħaq kważi €130 biljun.
L-2024 immarkat is-sitt sena konsekuttiva fejn l-istati membri qabżu l-parametru referenzjarju kollettiv ta' 20% fil-qasam tad-difiża, u allokaw 31% tan-nefqa totali għad-difiża għall-investiment fid-difiża, l-ogħla sehem irreġistrat. Id-data projettata għall-2025 tindika li dan is-sehem ser ikompli jiżdied fl-2025.
Investimenti fid-difiża (2005-2025)
Grafika li turi ż-żieda tal-investimenti fid-difiża fl-istati membri tal-UE bejn l-2005 u l-2025. Tidher b'mod ċar żieda sinifikanti fl-investimenti fid-difiża bejn l-2020 u l-2025.
Akkwist ta' tagħmir tad-difiża
L-infiq fuq l-akkwist ta' tagħmir tad-difiża żdied b'39% meta mqabbel mal-2023, bin-nefqa fuq l-akkwist tilħaq €88 biljun fl-2024. L-akkwist ta' tagħmir tad-difiża jammonta għal aktar minn 80% tal-investiment fid-difiża.
Fl-2025, in-nefqa projettata fuq l-akkwist ta' tagħmir tad-difiża x'aktarx li taqbeż il-€100 biljun.
Riċerka u żvilupp
L-infiq totali fuq ir-riċerka u l-iżvilupp fil-qasam tad-difiża, li jinkludi kwalunkwe pagament sal-bidu tan-nefqa fuq il-produzzjoni ta' oġġett, laħaq it-€13 biljun fl-2024. Dan jikkorrispondi għal żieda ta' 20% meta mqabbel mal-2023.
L-infiq fuq ir-riċerka u l-iżvilupp huwa mistenni li jilħaq €17 biljun fl-2025.
Sors u nota metodoloġika
Id-data kollha dwar in-nefqa fid-difiża tal-istati membri hija bbażata fuq iċ-ċifri tal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża. Iċ-ċifri ġew ittondjati 'l fuq jew 'l isfel u huma pprovduti fi prezzijiet kostanti tal-2024 biex titqies l-inflazzjoni u jkun jista' jsir tqabbil matul diversi snin.
Aktar informazzjoni:
X'qed tagħmel l-UE biex tagħti spinta lin-nefqa fid-difiża?
Filwaqt li s-sigurtà u d-difiża għadhom kompetenzi nazzjonali, l-UE tikkomplementa u tamplifika l-isforzi individwali tal-istati membri, kemm billi tappoġġa żieda fl-infiq għad-difiża nazzjonali kif ukoll billi tuża r-riżorsi tal-baġit tal-UE.
Il-kooperazzjoni msaħħa fl-investimenti fid-difiża fost l-istati membri hija kruċjali. Din tiftaħ opportunitajiet għall-iffrankar tal-ispejjeż u tista' jgħin lill-istati membri jonfqu l-fondi disponibbli b'mod aktar effiċjenti.
L-inizjattivi tad-difiża tal-UE jipprovdu pjattaforma għal kollaborazzjoni msaħħa b'inċentivi ta' finanzjament addizzjonali, li jistgħu jtejbu b'mod sinifikanti l-effiċjenza tal-investiment ġenerali fid-difiża u jipprovdu lill-istati membri b'mezzi aktar interoperabbli u inqas frammentati fuq perjodu twil.
Appoġġ għall-infiq tal-istati membri fuq id-difiża
L-UE daħħlet fis-seħħ diversi inizjattivi biex tappoġġa lill-istati membri jżidu n-nefqa tagħhom fuq id-difiża saħansitra aktar.
Fost inizjattivi oħra, l-UE qed tipprovdiassistenza finanzjarja temporanja ta' emerġenza sa €150 biljun permezz ta' mekkaniżmu ta' self (Azzjoni ta' Sigurtà għall-Ewropa jew SAFE) u qed tagħti lill-istati membri flessibbiltà baġitarja addizzjonali fit-talba għall-attivazzjoni tal-klawżola liberatorja nazzjonali.
L-istati membri tal-UE jikkooperaw ukoll fuq is-sigurtà u d-difiża permezz tal-Faċilità Ewropea għall-Paċi, li għandha l-għan li ssaħħaħ il-kapaċità tal-UE li tipprevjeni l-kunflitti, tibni u tippreserva l-paċi u ssaħħaħ is-sigurtà u l-istabbiltà internazzjonali. Bħalissa għandha limitu massimu finanzjarju ta' €17 biljun.
- Akkwist komuni fil-qasam tad-difiża
- Klawżola liberatorja nazzjonali għan-nefqa fuq id-difiża
- Faċilità Ewropea għall-Paċi
L-infiq tal-UE fuq id-difiża
L-UE diġà għandha bosta inizjattivi fis-seħħ fil-baġit tal-UE biex tikkomplementa l-investimenti fid-difiża mill-istati membri. In-nefqa fil-baġit tal-UE tinkludi:
- €8.8 biljun fil-Fond Ewropew għad-Difiża biex jagħtu spinta lir-riċerka u l-iżvilupp fil-qasam tad-difiża
- €1.7 biljun biex jappoġġaw lilproġetti ta' mobbiltà militari permezz tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa
- €300 miljun biex jingħata appoġġ lill-akkwist konġunt fil-qasam tad-difiża
- €500 miljun biex tingħata spinta lill-produzzjoni tal-munizzjon
Fis-16 ta' Ottubru 2025, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew laħqu ftehim proviżorju dwar il-programm għall-industrija tad-difiża Ewropea (EDIP). Permezz tal-EDIP, l-UE biħsiebha tipprovdi €1.5 biljun fil-forma ta' għotjiet għall-perjodu 2025-2027 biex issaħħaħ l-industrija tal-Ewropa.
Prontezza tad-difiża Ewropea
It-tisħiħ tal-kompetittività
Unjoni Ewropea aktar b'saħħitha u b'aktar mezzi fil-qasam tas-sigurtà u d-difiża ser tagħti spinta lill-kompetittività industrijali u teknoloġika Ewropea. L-integrazzjoni tal-kapaċitajiet industrijali fl-istati membri kollha tippermetti ekonomiji ta' skala u tnaqqas l-ispejjeż.
Fatturat tal-industrija tad-difiża
Fl-2024, l-industrija Ewropea tad-difiża ġġenerat fatturat ta' €183.4 biljun, żieda ta' 13.8% fuq is-sena ta' qabel.
Grafika li turi l-fatturat tad-difiża fl-Ewropa bejn l-2021 u l-2024:
- 2024: €183.4 biljun
- 2023: €161.1 biljun
- 2022: €136.7 biljun
- 2021: €123.8 biljun
Din iż-żieda kienet evidenti fit-tliet setturi ewlenin kollha:
- ajrunawtika militari: fatturat ta' €74.9 biljun (+13.6%)
- navali: €43.2 biljun (+13.6%)
- tal-art: €65.3 biljun (+14.3%)
L-esportazzjoni militari Ewropea laħqet is-€60 biljun fl-2024, żieda ta' 2.1% mill-2023.
Impjiegi fid-difiża
L-industrija Ewropea tad-difiża rat żieda sostanzjali fl-impjiegi fl-2024, bl-għadd totali ta' impjiegi jilħaq is-633 000. Din kienet żieda ta' 8.6% meta mqabbla mas-sena preċedenti.
Grafika li turi l-impjiegi fid-difiża fl-Ewropa bejn l-2021 u l-2024:
- 2024: 633 000
- 2023: 582 710
- 2022: 539 914
- 2021: 526 790
Is-settur tal-ajrunawtika militari kien responsabbli għal madwar 240 000 minn dawn l-impjiegi, filwaqt li l-forza tax-xogħol ikkombinata fis-settur tal-art u dak navali kienet responsabbli għal 393 000 impjieg fl-industrija tad-difiża.
L-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs) għandhom rwol ċentrali fil-ktajjen tal-provvista kumplessi tad-difiża fl-Ewropa. Bħalissa hemm aktar minn 2 500 SME fl-industrija Ewropea tad-difiża.
Sors u nota metodoloġika
Id-data kollha dwar ir-riżorsi għad-difiża u l-impjiegi fid-difiża hija bbażata fuq iċ-ċifri tal-Assoċjazzjoni tal-Industriji Ajruspazjali, tas-Sigurtà u tad-Difiża tal-Ewropa, li tinkludi 20 pajjiż tal-UE, kif ukoll ir-Renju Unit, in-Norveġja u t-Turkija. Iċ-ċifri ġew aġġustati 'l fuq jew 'l isfel biex jitqiesu l-fluttwazzjonijiet fir-rati tal-kambju u l-miżuri kontabilistiċi statistiċi differenti.
Aktar informazzjoni:
Ara wkoll
Finanzjament tal-UE għad-difiża
Akkwist komuni fil-qasam tad-difiża
Klawżola liberatorja nazzjonali għan-nefqa fuq id-difiża
L-aħħar reviżjoni: 7 ta' Jannar 2026