Skip to content

Appoġġ militari tal-UE għall-Ukrajna

Mill-bidu tal-invażjoni fuq skala kbira tal-Ukrajna mir-Russja, l-UE u l-istati membri tagħha żiedu b'mod sinifikanti l-appoġġ militari tagħhom għall-forzi armati Ukreni.

L-indirizzar tal-ħtiġijiet militari u ta' difiża tal-Ukrajna

L-assistenza militari tal-UE għall-Ukrajna għandha l-għan li tiżgura li l-Ukrajna jkollha l-mezzi militari biex tkompli teżerċita d-dritt inerenti tagħha ta' awtodifiża u tiġġieled l-aggressjoni tar-Russja.

Inkluż l-appoġġ militari pprovdut mill-istati membri tal-UE, l-appoġġ ġenerali għall-forzi armati Ukreni pprovdut mill-UE huwa stmat li jammonta għal €88.7 biljun. Din iċ-ċifra tinkludi €6.4 biljun taħt il-Faċilità Ewropea għall-Paċi u €8.4 biljun taħt is-self ta' appoġġ għall-Ukrajna.

L-UE tikkomplementa l-isforzi bilaterali tal-istati membri tal-UE billi tagħti appoġġ operazzjonali msaħħaħ lill-forzi armati Ukreni u taħdem biex iżżid l-akkwist komuni mill-industriji tad-difiża Ewropej u Ukreni.

L-assistenza ġenerali pprovduta lill-Ukrajna, li tinkludi wkoll appoġġ finanzjarju, għajnuna umanitarja, rikavati minn assi Russi immobilizzati u appoġġ għar-refuġjati Ukreni, tammonta għal €220.3 biljun.

Akkwist komuni taħt SAFE

Permezz tal-istrument ta' Azzjoni għas-Sigurtà tal-Ewropa (SAFE), l-UE qed tipprovdi assistenza finanzjarja fil-forma ta' self ta' valur sa €150 biljun biex tgħin lill-istati membri tal-UE jżidu l-investimenti tagħhom fid-difiża permezz ta' akkwist komuni.

Filwaqt li l-istati membri biss jistgħu jiksbu self SAFE, l-Ukrajna tista' tipparteċipa fuq l-istess termini f'akkwist komuni taħt l-istrument SAFE. Barra minn hekk, il-kumpaniji Ukreni huma eliġibbli awtomatikament għal akkwisti taħt SAFE.

Ir-regolament li jistabbilixxi l-istrument SAFE daħal fis-seħħ fit-28 ta' Mejju 2025.

Mid-19-il pjan SAFE nazzjonali ppreżentati lill-Kummissjoni Ewropea mill-istati membri tal-UE fl-2025, 15 minnhom jinkludu proġetti mal-Ukrajna.

Self ta' appoġġ għall-Ukrajna

Fit-23 ta' April 2026, il-Kunsill qabel li jipprovdi lill-Ukrajna self ta' €90 biljun biex jappoġġa l-ħtiġijiet baġitarji u ta' difiża l-aktar urġenti tal-pajjiż fl-2026 u l-2027.

Is-self jiġi ffinanzjat permezz ta' self tal-UE fuq is-swieq tal-kapital, appoġġat mill-baġit tal-UE. Dan għandu jitħallas lura permezz tar-reparazzjonijiet tal-gwerra dovuti mir-Russja lill-Ukrajna.

€60 biljun indikattivi ser jintużaw biex jappoġġaw il-kapaċità tal-Ukrajna li tinvesti fl-industrija tad-difiża, inkluż l-akkwist ta' prodotti tad-difiża. S'issa, l-UE żborżat €8.4 biljun biex tiffinanzja l-akkwist ta' droni għall-Ukrajna.

Il-finanzjament qed jagħti lill-Ukrajna aċċess kruċjali u f'waqtu għall-prodotti tad-difiża kemm mill-industriji tad-difiża Ukreni kif ukoll minn dawk tal-UE.

Virga ċilindrika twila tal-metall immuntata f'rigg kbir industrijali tal-immaxinjar.
X'inhi l-Azzjoni għas-Sigurtà tal-Ewropa (SAFE)?

X'inhi l-Azzjoni għas-Sigurtà tal-Ewropa (SAFE)?

Faċilità Ewropea għall-Paċi

Bejn l-2022 u l-2025, l-UE mmobilizzat €6.4 biljun fil-qafas tal-Faċilità Ewropea għall-Paċi (EPF) biex tindirizza l-ħtiġijiet urġenti fil-qasam militari u ta' difiża tal-Ukrajna.

Permezz tal-EPF, l-UE tiffinanzja l-forniment ta' tagħmir u provvisti militari letali u mhux letali, bħal tagħmir protettiv personali, kaxex għall-ewwel għajnuna, fjuwil, munizzjon u missili.

L-EPF tkopri wkoll l-ispejjeż komuni tal-missjoni ta' assistenza militari tal-UE għall-Ukrajna (EUMAM Ukraine) u ż-żewġ miżuri ta' assistenza relatati għall-forniment tat-tagħmir meħtieġ għat-taħriġ.

L-EPF irnexxielha wkoll tidderieġi dħul b'valur ta' €3.4 biljun minn assi Russi immobilizzati għall-appoġġ militari lill-Ukrajna.

In-Norveġja appoġġat l-isforzi tal-UE taħt l-EPF b'kontribuzzjoni ta' NOK 250 miljun (madwar €22 miljun).

Strument ta' appoġġ għall-Ukrajna

Fit-8 ta' Diċembru 2025, il-Kunsill adotta l-programm għall-industrija tad-difiża Ewropea li, fost affarijiet oħra, jappoġġa l-industrija tad-difiża tal-Ukrajna permezz ta' strument iddedikat (l-istrument ta' appoġġ għall-Ukrajna). Dan l-istrument il-ġdid ser:

  • jinċentiva l-akkwist kooperattiv mal-Ukrajna
  • jiffinanzja ż-żieda fil-kapaċitajiet tal-manifattura industrijali tad-difiża tal-kumpaniji Ukreni

L-istrument ta' appoġġ għall-Ukrajna ser ikun mogħni b'pakkett finanzjarju ta' €300 miljun.

Fond Ewropew għad-Difiża

Fit-18 ta' Diċembru 2025, il-Kunsill adotta regoli ġodda li, fost affarijiet oħra, jippermettu lill-Ukrajna tibbenefika mill-fond Ewropew għad-difiża, u b'hekk jinħolqu opportunitajiet ġodda għall-entitajiet Ukreni biex jieħdu sehem fl-attivitajiet kollaborattivi tal-UE ta' riċerka u żvilupp fil-qasam tad-difiża fil-futur.

Żewġ ħaddiema b'elmu.
Programm għall-industrija tad-difiża Ewropea

Programm għall-industrija tad-difiża Ewropea

Taħriġ għas-suldati Ukreni

Fil-15 ta' Novembru 2022, l-UE nediet il-missjoni ta' assistenza militari tagħha b'appoġġ għall-Ukrajna (EUMAM Ukraine) għal perjodu inizjali sentejn. Fit-8 ta' Novembru 2024, il-Kunsill iddeċieda li jestendi l-missjoni b'sentejn oħra, sal-15 ta' Novembru 2026.

L-għan tal-missjoni huwa li tikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-kapaċità militari tal-forzi armati tal-Ukrajna biex iwettqu operazzjonijiet, sabiex l-Ukrajna tkun tista':

  • tiddefendi l-integrità territorjali tagħha fi ħdan il-fruntieri tagħha rikonoxxuti internazzjonalment
  • teżerċita s-sovranità tagħha
  • tipproteġi lill-popolazzjoni ċivili

EUMAM Ukraine taħdem mill-qrib ma' sħab internazzjonali tal-istess fehma.

L-attivitajiet tal-missjoni jitwettqu fit-territorju tal-UE. S'issa, 24 stat membru tal-UE offrew moduli ta' taħriġ u persunal u aktar minn 95 000 suldat Ukren ġew imħarrġa fil-qafas ta' din il-missjoni minn meta bdiet.

It-taħriġ huwa ffaċilitat bil-forniment ta' tagħmir lill-forzi armati Ukreni, iffinanzjat mill-Faċilità Ewropea għall-Paċi.

L-appoġġ finanzjarju totali għall-EUMAM Ukraine fil-qafas tal-Faċilità Ewropea għall-Paċi s'issa ammonta għal €610 miljun: €435 miljun għall-ispiża tat-taħriġ (spejjeż komuni) u €175 miljun għall-forniment ta' tagħmir ta' taħriġ.

In-Norveġja appoġġat il-missjoni b'kontribuzzjoni ta' 150 miljun krona (madwar €14-il miljun).

Munizzjon u missili

F'Marzu 2023, il-Kunsill qabel dwar pjan fuq tliet binarji biex jitħaffu l-konsenja u l-akkwist konġunt ta' munizzjon u missili għall-Ukrajna. L-ewwel żewġ binarji, b'valur ta' €1 biljun kull wieħed, qed jiġu ffinanzjati permezz tal-Faċilità Ewropea għall-Paċi.

L-ewwel binarju, adottat fit-13 ta' April 2023, jippermetti lill-UE tirrimborża lill-istati membri għal munizzjon mogħti b'donazzjoni lill-Ukrajna minn stokkijiet eżistenti jew mir-riprijoritizzazzjoni ta' ordnijiet eżistenti.

It-tieni binarju, adottat fil-5 ta' Mejju 2023, jappoġġa l-akkwist konġunt ta' munizzjon u missili minn operaturi ekonomiċi stabbiliti fl-UE jew fin-Norveġja.

It-tielet binarju, adottat fl-20 ta' Lulju 2023, huwa r-regolament dwar l-appoġġ għall-produzzjoni tal-munizzjon (ASAP). Dan ir-regolament jimmobilizza €500 miljun mill-baġit tal-UE biex jappoġġa ż-żieda fil-kapaċitajiet tal-manifattura għall-produzzjoni ta' munizzjon mill-art għall-art u tal-artillerija kif ukoll ta' missili.

Impenji konġunti ta' sigurtà bejn l-UE u l-Ukrajna

Fis-27 ta' Ġunju 2024, l-UE u l-Ukrajna ffirmaw impenji konġunti ta' sigurtà.

Filwaqt li jibnu fuq l-appoġġ eżistenti, l-impenji ta' sigurtà tal-UE jinkludu appoġġ prevedibbli, fit-tul u sostenibbli għas-sigurtà u d-difiża tal-Ukrajna, inkluż permezz tal-missjonijiet tal-politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni, kif ukoll impenji usa' ta' sigurtà. Dawn l-impenji ser jgħinu lill-Ukrajna tiddefendi lilha nnifisha, tirreżisti l-isforzi ta' destabbilizzazzjoni u tiskoraġġixxi atti ta' aggressjoni fil-futur.

Min-naħa tagħha, l-Ukrajna ħadet l-impenn li tkompli twettaq riformi inkluż dawk f'konformità mat-triq tagħha lejn l-Unjoni Ewropea. L-Ukrajna ser tkompli wkoll issaħħaħ il-miżuri ta' trasparenza u responsabbiltà u tikkontribwixxi għas-sigurtà tal-Unjoni Ewropea u l-istati membri tagħha.

Miżuri oħra tal-UE biex tiġi appoġġata l-Ukrajna

Ikklikkja fuq il-links ta' hawn taħt għal aktar informazzjoni dwar l-assistenza tal-UE lill-Ukrajna.

Ara wkoll

Mappa stilizzata tal-Ukrajna sovrapposta bil-kuluri tal-bandiera Ukrena. Fuq il-lemin hemm l-istilel tal-bandiera tal-UE.
Il-gwerra tar-Russja kontra l-Ukrajna

Il-gwerra tar-Russja kontra l-Ukrajna

Id iżżomm ġirasol.
Solidarjetà tal-UE mal-Ukrajna

Solidarjetà tal-UE mal-Ukrajna

A military helmet, an olive branch and the stars of the EU flag.
Faċilità Ewropea għall-Paċi

Faċilità Ewropea għall-Paċi

L-aħħar reviżjoni: 12 ta' Awwissu 2026