X'inhi l-Azzjoni għas-Sigurtà tal-Ewropa (SAFE)?
SAFE huwa strument tal-UE li jipprovdi self sa €150 biljun biex jgħin lill-istati membri tal-UE jżidu b'mod rapidu u sinifikanti l-investimenti tagħhom fid-difiża permezz ta' akkwist komuni.
Strument finanzjarju biex tingħata spinta lill-investimenti fid-difiża
Permezz tal-istrument ta' Azzjoni għas-Sigurtà tal-Ewropa (SAFE), l-UE qed tipprovdi assistenza finanzjarja fil-forma ta' self b'valur sa €150 biljun. L-assistenza għandha l-għan li tgħin lill-istati membri tal-UE jżidu b'mod rapidu u sinifikanti l-investimenti tagħhom fid-difiża permezz ta' akkwist komuni.
Ir-regolament li jistabbilixxi l-istrument SAFE daħal fis-seħħ fid-29 ta' Mejju 2025.
SAFE huwa ffinanzjat mill-Unjoni Ewropea permezz tal-kapaċità ta' self tagħha, speċifikament billi toħroġ bonds tal-UE skont l-approċċ ta' finanzjament unifikat eżistenti. Huwa l-ewwel pilastru tal-Pjan ReArm Europe/Prontezza 2030 ippreżentat mill-Kummissjoni Ewropea f'Marzu 2025.
L-istrument jiffinanzja investimenti urġenti u fuq skala kbira fil-bażi industrijali u teknoloġika tad-difiża Ewropea.
L-allokazzjoni tal-baġit titmexxa mid-domanda. L-iżborżi jieħdu l-għamla ta' self b'maturità twila bi prezz kompetittiv, li għandu jitħallas lura mill-istati membri benefiċjarji tal-UE.
Fil-prinċipju, il-proċeduri tal-akkwisti komuni jkollhom jinvolvu mill-inqas żewġ pajjiżi parteċipanti biex jikkwalifikaw għas-self. Madankollu, SAFE jippermetti akkwist li jinvolvi stat membru wieħed biss għal perjodu ta' żmien limitat.
Oqsma ffinanzjati minn SAFE
SAFE jappoġġa l-akkwist ta' prodotti tad-difiża miġbura f'żewġ kategoriji.
Kategorija 1:
- munizzjon u missili
- sistemi tal-artillerija, inkluż mezzi ta' attakk fil-profond bi preċiżjoni
- kapaċitajiet ta' kumbattiment fuq l-art u s-sistemi ta' appoġġ tagħhom, inkluż it-tagħmir tas-suldati u l-armi tal-infanterija
- droni żgħar u sistemi kontra d-droni relatati
- protezzjoni ta' infrastrutturi kritiċi
- kapaċitajiet ċibernetiċi
- mobbiltà militari inkluż kontromobbiltà
Kategorija 2:
- sistemi ta' difiża kontra attakki mill-ajru u l-missili
- kapaċitajiet marittimi tal-wiċċ u ta' taħt l-ilma
- droni għajr dawk żgħar u sistemi kontra d-droni relatati
- faċilitaturi strateġiċi bħal, iżda mhux limitati għal, trasport bl-ajru strateġiku, riforniment ta' fjuwil fl-ajru, sistemi C4ISTAR kif ukoll assi u servizzi spazjali
- protezzjoni tal-assi spazjali
- intelliġenza artifiċjali u gwerra elettronika
Fil-kategoriji kollha, il-kuntratti ta' akkwist iridu jiżguraw li mhux aktar minn 35% tal-kostijiet tal-komponenti joriġinaw minn barra l-UE, l-Ukrajna jew pajjiżi li huma parti miż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) u miż-Żona Ewropea tal-Kummerċ Ħieles (EFTA): l-Iżlanda, il-Liechtenstein, in-Norveġja u l-Iżvizzera.
Il-proġetti li jikkonċernaw il-kategorija 2 iridu jissodisfaw kundizzjonijiet ta' eliġibbiltà aktar stretti, inkluż il-pussess mill-kuntratturi tal-kapaċità li jimmodifikaw it-tagħmir f'każ ta' ħtieġa mingħajr restrizzjonijiet mhux tal-UE.
Kooperazzjoni mal-Ukrajna u pajjiżi sħab oħra
SAFE jiftaħ kapitlu ġdid fil-kooperazzjoni fid-difiża ma' pajjiżi mhux tal-UE.
Filwaqt li l-istati membri biss jistgħu jiksbu self permezz ta' SAFE, l-Ukrajna u l-pajjiżi taż-ŻEE/EFTA jistgħu jipparteċipaw mal-istati membri tal-UE b'termini ugwali f'akkwisti komuni.
Huma wkoll possibbli akkwisti komuni mill-industrija Kanadiża, wara l-konklużjoni ta' ftehim bilaterali mal-UE f’Ġunju 2026.
Il-pajjiżi li ġejjin jistgħu jipparteċipaw ukoll fl-akkwist komuni:
- pajjiżi aderenti, pajjiżi kandidati u pajjiżi kandidati potenzjali tal-UE
- pajjiżi li ffirmaw Sħubijiet għas-Sigurtà u d-Difiża mal-UE, bħall-Albanija, il-Ġappun, l-Indja, il-Kanada, il-Korea t'Isfel, il-Maċedonja ta' Fuq, il-Moldova, in-Norveġja u r-Renju Unit
Pajjiżi oħra mhux tal-UE jistgħu jissieħbu f'akkwisti komuni, jekk tkun diġà ġiet konkluża sħubija għas-sigurtà u d-difiża mal-UE.
Allokazzjonijiet tal-istati membri tal-UE
Bejn il-11 ta' Frar u l-10 ta' April 2026, il-Kunsill approva l-finanzjament għad-difiża taħt SAFE għal 18-il stat membru tal-UE.
Lista ta' pajjiżi tal-UE li jibbenefikaw minn self permezz ta' SAFE u l-ammonti massimi ta' self li jistgħu jirċievu.
Din id-deċiżjoni ssegwi l-valutazzjoni pożittiva tal-Kummissjoni Ewropea tal-pjanijiet nazzjonali ta' investiment fid-difiża tat-18-il stat membru.
Issa, il-Kummissjoni tista' tikkonkludi ftehimiet ta' self mal-istati membri kkonċernati u tipproċedi bl-iżborż tal-pagamenti ta' prefinanzjament.
Mid-19-il pjan nazzjonali ppreżentati lill-Kummissjoni Ewropea, 15 minnhom jinkludu proġetti mal-Ukrajna.
Ara wkoll
Akkwist komuni fil-qasam tad-difiża
Prontezza tad-difiża Ewropea
Sħubijiet għas-sigurtà u d-difiża
L-aħħar reviżjoni: 15 ta' Ġunju 2026