Promozzjoni tal-valuri tal-UE permezz tal-kummerċ
Wieħed mill-aspetti l-aktar importanti tal-politika kummerċjali tal-UE huwa li - filwaqt li tipproteġi l-impriżi u l-konsumaturi Ewropej - tippromwovi l-prinċipji u l-valuri tal-UE.
Ftehimiet kummerċjali
Għaldaqstant, negozjati kummerċjali li jkunu għaddejjin - bħalma huma dawk mal-Mercosur, il-Messiku u ċ-Ċilì - jintużaw bħala mezz biex tinkiseb protezzjoni ta' valuri essenzjali, mid-drittijiet tal-bniedem sal-ambjent.
Minerali ta’ konflitt
Eżempju ieħor ta’ dan l-approċċ huwa r-regolament tal-UE dwar minerali ta’ konflitt.
F’żoni politikament instabbli, gruppi armati ta’ spiss jużaw ix-xogħol furzat biex iħaffru għal dawn il-minerali. Huma mbagħad ibiegħu dawn il-minerali biex jiffinanzjaw l-attivitajiet tagħhom, pereżempju biex jixtru l-armi. Għalhekk l-isem "minerali ta’ konflitt". Dawn huma l-landa, it-tantalju, it-tungstenu u d-deheb - użati għall-produzzjoni ta’ oġġetti ferm mifruxin bħal mowbajls, karozzi u ġojjelli.
F’Mejju 2017, l-UE adottat regolament li jiżgura li l-kumpaniji tal-UE ma jimportawx dawn il-minerali ħlief minn sorsi sikuri u responsabbli. Dan l-att leġislattiv jipprojbixxi speċifikament:
- minerali u metalli ta' konflitt milli jiġu esportati lejn l-UE
- funderiji u raffineriji globali u tal-UE milli jużaw minerali ta’ konflitt
- abbuż ta' ħaddiema tal-minjieri
Ir-regolament ser jibda japplika fl-1 ta’ Jannar 2021 biex jagħti lill-kumpaniji biżżejjed żmien biex jaddattaw irwieħhom għalih. Huwa msaħħaħ minn qbil politiku konġunt bejn il-Kunsill, il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea.