"Il-cookies jintużaw biex intejbu l-esperjenza ta' navigazzjoni tiegħek. Il-cookies meħtieġa huma neċessarji biex jappoġġaw karatteristiċi essenzjali tas-sit web tal-Kunsill. Il-cookies fakultattivi jgħinuna nipproduċu rapporti statistiċi anonimi u aggregati biex naqdu aħjar il-ħtiġijiet tiegħek.

Żur il-paġna tal-politika tal-cookies tagħna għal aktar informazzjoni u biex tibdel is-settings tiegħek.

български español čeština dansk Deutsch eesti Ελληνικά English français Gaeilge hrvatski italiano latviešu lietuvių magyar Malti Nederlands polski português română slovenčina slovenščina suomi svenska
Skip to content

Politika kummerċjali tal-UE

L-UE tagħmel liġijiet dwar il-kummerċ, u tinnegozja u tikkonkludi ftehimiet internazzjonali dwar kwistjonijiet kummerċjali ma' pajjiżi mhux tal-UE permezz tal-politika kummerċjali tagħha.

X'inhija l-politika kummerċjali tal-UE?

Il-politika kummerċjali hija kompetenza esklużiva tal-UE. Dan ifisser li hija l-UE li tilleġiżla dwar kwistjonijiet kummerċjali u tikkonkludi ftehimiet kummerċjali internazzjonali u mhux l-istati membri.

Billi taġixxi flimkien b'vuċi waħda fix-xena dinjija, pjuttost milli b'ħafna strateġiji kummerċjali separati, l-UE hija f'pożizzjoni aktar b'saħħitha fir-rigward tal-kummerċ dinji.

L-UE tiġġestixxi relazzjonijiet kummerċjali ma' pajjiżi terzi permezz ta' ftehimiet kummerċjali. Dawn huma mfassla biex joħolqu opportunitajiet kummerċjali aħjar u jegħlbu l-ostakli għall-kummerċ.

Il-kummerċ tal-oġġetti u s-servizzi jaqdi rwol sinifikanti fiż-żieda fit-tkabbir sostenibbli u fil-ħolqien tal-impjiegi. Aktar minn 30 miljun impjieg fl-UE diġà jiddependu fuq esportazzjoni mill-UE. Huwa previst li 90% tat-tkabbir dinji fil-ġejjieni mistenni jiġi ġġenerat barra mill-fruntieri tal-Ewropa. Għalhekk, il-kummerċ huwa strument għat-tkabbir u prijorità ewlenija għall-UE.

Il-Kunsill huwa impenjat għal sistema kummerċjali multilaterali, b'saħħitha u bbażata fuq ir-regoli. Politika kummerċjali responsabbli tal-UE hija akkumpanjata minn livell għoli ta' trasparenza u komunikazzjoni effettiva maċ-ċittadini dwar il-benefiċċji u l-isfidi tal-kummerċ u s-swieq miftuħa.

Kummerċ ġust u ekwu

L-Unjoni Ewropea trid tiżgura kummerċ ġust u ekwu fir-relazzjoni ma' pajjiżi terzi.

Huwa għalhekk li l-UE qed taħdem fuq riforma fundamentali tar-regoli ewlenin marbuta mal-kummerċ fis-snin reċenti. L-oqsma ewlenin koperti minn din ir-riforma huma:

  • il-ġlieda kontra l-koerċizzjoni
  • l-investimenti diretti barranin (IDB)
  • is-salvagwardji bilaterali
  • l-antidumping
  • l-istrumenti għad-difiża tal-kummerċ (TDI)

L-inizjattivi leġiżlattivi tal-UE għandhom l-għan li jipproteġu l-produtturi u n-negozji tal-Ewropa mill-ħsara potenzjali li xi prattiki tal-kummerċ barranin jistgħu jikkaġunaw.

Miżuri kontra l-koerċizzjoni

Fit-23 ta' Ottubru 2023, il-Kunsill adotta l-istrument il-ġdid kontra l-koerċizzjoni. Din l-għodda għandha l-għan li tipproteġi lill-UE u lill-istati membri tagħha mill-koerċizzjoni ekonomika minn pajjiżi terzi li jużaw miżuri li jaffettwaw il-kummerċ jew l-investiment.

Fost il-kontromiżuri li jistgħu jiġu applikati għal pajjiżi terzi bħala rispons għall-koerċizzjoni ekonomika hemm l-impożizzjoni ta' restrizzjonijiet kummerċjali, pereżempju fil-forma ta':

  • żieda fid-dazji doganali
  • liċenzji tal-importazzjoni jew tal-esportazzjoni
  • restrizzjonijiet fil-qasam tas-servizzi, aċċess għall-FDI jew l-akkwist pubbliku

L-istrument kontra l-koerċizzjoni huwa mfassal biex, permezz ta' djalogu, inaqqas l-intensità tal-miżuri koerċittivi u jinkoraġġixxi t-tmiem tagħhom. Kwalunkwe kontromiżura meħuda mill-UE hija applikata biss bħala l-aħħar istanza.

Skrinjar tal-investimenti diretti barranin

Fil-5 ta' Marzu 2019, il-Kunsill adotta regolament li jistabbilixxi qafas għall-iskrinjar tal-FDIs fl-UE. Dan daħal fis-seħħ f'Ottubru 2020.

Minħabba l-livell għoli ta' integrazzjoni fl-UE, l-investiment dirett barrani fi stat membru wieħed jista' joħloq riskji għas-sigurtà jew għall-ordni pubbliku fi stat membru ieħor, jew fl-UE kollha.

Ir-regoli l-ġodda dwar l-FDIs jippermettu lill-UE tidentifika sfidi ġodda u tirreaġixxi skont dan. Għal dak l-għan, il-qafas il-ġdid:

  • joħloq mekkaniżmu ta' kooperazzjoni li permezz tiegħu l-istati membri u l-Kummissjoni Ewropea jkunu jistgħu jiskambjaw l-informazzjoni u jqajmu tħassib relatat ma' investimenti speċifiċi
  • jippermetti lill-Kummissjoni Ewropea toħroġ opinjonijiet meta investiment jhedded is-sigurtà jew l-ordni pubbliku ta' aktar minn stat membru wieħed
  • jinkoraġġixxi l-kooperazzjoni internazzjonali dwar l-iskrinjar tal-investimenti, inkluż il-kondiviżjoni tal-esperjenza, l-aħjar prattiki u informazzjoni dwar kwistjonijiet ta' tħassib komuni
  • jistabbilixxi ċerti rekwiżiti għall-istati membri li jixtiequ jżommu jew jadottaw mekkaniżmu tal-iskrinjar fuq livell nazzjonali

F'Jannar 2024, il-Kummissjoni pproponiet rieżami tar-regolament dwar l-iskrinjar tal-IDB biex tindirizza n-nuqqasijiet eżistenti u ttejjeb l-effiċjenza tal-istrument.

Din il-proposta għal rieżami tibni fuq l-esperjenza miksuba mill-Kummissjoni u mill-istati membri tal-UE permezz tar-rieżami ta' aktar minn 1 200 tranżazzjoni tal-IDB matul l-aħħar tliet snin skont ir-regolament eżistenti dwar l-iskrinjar tal-IDB.

Salvagwardji bilaterali orizzontali

Fit-28 ta' Jannar 2019, il-Kunsill adotta regolament li jippermetti l-applikazzjoni ta' miżuri ta' salvagwardja għal ftehimiet kummerċjali.

Ir-regolament ikopri l-ftehimiet ta' kummerċ ħieles bejn l-UE u l-Ġappun, bejn l-UE u Singapore u bejn l-UE u l-Vjetnam. Fil-kamp ta' applikazzjoni jistgħu jiżdiedu ftehimiet kummerċjali oħrajn.

Il-miżuri bilaterali ta' salvagwardja huma marbuta mal-ftehimiet kummerċjali u l-irtirar temporanju ta' preferenzi tariffarji.

Qabel din l-inizjattiva, dan il-mekkaniżmu kien propost b'mod separat f'kull ftehim kummerċjali.

Skont din l-inizjattiva, dawn il-miżuri jibbenefikaw minn "qafas orizzontali" konsistenti li huwa inkluż fi ftehimiet kummerċjali ġodda.

Antidumping

Fl-4 ta' Diċembru 2017, il-Kunsill approva regoli ġodda tal-UE li jgħinu biex l-Unjoni Ewropea tkun protetta kontra prattiki kummerċjali inġusti. Dawn daħlu fis-seħħ fl-20 ta' Diċembru 2017.

Ir-regoli aġġornati tal-UE dwar l-antidumping japplikaw għal każijiet fejn il-prezzijiet ta' prodotti importati jitbaxxew b'mod artifiċjali minħabba intervent mill-istat.

Il-qafas legali jneħħi d-distinzjoni preċedenti bejn l-ekonomiji tas-suq u mhux tas-suq fil-kalkolu tad-dumping.

Barra minn hekk, jeħtieġ li l-Kummissjoni Ewropea turi l-eżistenza ta' "distorsjonijiet sinifikanti tas-suq" bejn il-prezz tal-bejgħ ta' prodott u l-kost tal-produzzjoni tiegħu.

Strumenti għad-difiża tal-kummerċ

Fit-8 ta' Ġunju 2018, daħal fis-seħħ ir-regolament il-ġdid li jimmodernizza t-TDIs tal-UE.

Ir-regolament għandu l-għan li jħares lill-produtturi tal-UE mid-dannu kkawżat minn kompetizzjoni inġusta, billi jiżgura kummerċ ħieles u ġust. Huwa jagħmel l-istrumenti għad-difiża tal-kummerċ aktar prevedibbli, trasparenti u aċċessibbli, b'mod partikolari għall-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs).

L-objettiv tal-UE huwa li l-istrumenti tal-antidumping u kontra s-sussidji jkunu aktar effiċjenti u aktar adatti biex jipproteġu l-produtturi tal-UE minn prattiki inġusti ta' impriżi barranin u minn kull riskju ta' ritaljazzjoni.

Fl-istess ħin, l-importaturi għandhom igawdu minn prevedibbiltà akbar f'dak li għandu x'jaqsam ma' rati tad-dazju li jvarjaw, u b'hekk l-ippjanar tan-negozju tagħhom isir aktar faċli. Is-sistema kollha għandha tkun iktar trasparenti u faċli biex tintuża.