Skip to content
  • Kunsill tal-Unjoni Ewropea
  • Stqarrija għall-istampa
  • 16 ta' Novembru 2016 15:45

Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar ir-riżultati u l-elementi ġodda tal-politika ta' koeżjoni u l-fondi strutturali u ta' investiment Ewropej

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA:

IFAKKAR fil-konklużjonijiet tiegħu tad-19 ta' Novembru 2014 dwar is-Sitt rapport dwar il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali: investiment għat-tkabbir u l-impjiegi[1], tat-23 ta' Ġunju 2015 dwar l-isfidi għall-implimentazzjoni tal-politika ta' koeżjoni 2014-2020[2], tat-18 ta' Novembru 2015 dwar Simplifikazzjoni: Il-prijoritajiet u l-aspettattivi tal-Istati Membri fir-rigward tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej[3], tal-15 ta' Marzu 2016 "Ninvestu f'impjiegi u tkabbir - nimmassimizzaw il-kontribuzzjoni tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej"[4] u tal-24 ta' Ġunju 2016 dwar "Politika ta' Koeżjoni aktar favur ir-riċerka u l-innovazzjoni, intelliġenti u sempliċi u l-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej b’mod aktar ġenerali"[5];

(2) IFAKKAR li l-UE għandha tiżviluppa u twettaq azzjonijiet biex issaħħaħ il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali tal-Unjoni u li l-missjoni speċifika tal-politika ta' koeżjoni hi li tnaqqas id-diverġenzi bejn il-livelli ta’ żvilupp tar-reġjuni differenti kif stipulat fl-Artikolu 174 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;

(3) JIRRIKONOXXI li l-politika ta' koeżjoni hija l-politika ewlenija ta' investiment fuq il-livell tal-UE biex jinkisbu l-għanijiet kif jinsabu fl-istrateġija Ewropa 2020; u JISĦAQ FUQ il-valur miżjud tal-politika ta' koeżjoni u l-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (Fondi SIE), b'mod partikolari:

a) fl-għoti ta' qafas stabbli fit-tul tal-UE u mezzi finanzjarji għal investiment fl-impjiegi u t-tkabbir u t-twettiq ta' riformi strutturali, permezz ta' interventi integrati mfassla apposta għall-Istati Membri u r-reġjuni differenti tal-UE;

b) fil-mobilizzazzjoni u l-koordinazzjoni tal-atturi nazzjonali u sottonazzjonali fil-qafas tal-modalità ta' ġestjoni kondiviża bl-involviment dirett tagħhom, imsejjes fuq il-prinċipju ta' sħubija, fit-twettiq tal-prijoritajiet tal-UE permezz ta' proġetti kofinanzjati;

c) fit-tnedija ta' approċċ imsejjes fuq l-evidenza u orjentat lejn ir-riżultati għall-investimenti tal-UE;

d) fl-għoti ta' inċentivi pożittivi għal bosta Stati Membri u l-atturi sottonazzjonali tagħhom biex jimplimentaw riformi strutturali, isaħħu l-ippjanar strateġiku, il-kapaċità amministrattiva, u l-kooperazzjoni tagħhom.

I. Evalwazzjoni tal-programmi tal-politika ta' koeżjoni 2007-2013

(4) JILQA' d-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni 'Evalwazzjoni ex post tal-FEŻR u l-Fond ta' Koeżjoni 2007-2013'[6], li jagħti evidenza li waqt il-perijodu ta' pprogrammar 2007-2013, il-politika ta' koeżjoni tat kontribut sinifikanti għat-tkabbir, ix-xogħol u l-opportunitajiet ta' inklużjoni soċjali madwar it-tipi differenti ta' reġjuni tal-UE, għall-għanijiet definiti fl-istrateġiji tal-UE, kif ukoll għat-tnaqqis ta' diskrepanzi reġjonali bejn l-Istati Membri;

(5) JENFASIZZA li r-riżultati mniżżlin fl-evalwazzjoni ex post tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) u l-Fond ta' Koeżjoni nkisbu f'kuntest ta' sfidi ekonomiċi u soċjali, fosthom il-kriżi ekonomika u finanzjarja dinjija profonda, il-ħtieġa li jiġu kkonsolidati l-ekonomija, l-infrastruttura u l-kapaċità amministrattiva, partikolarment tat-13-il Stat Membru li ngħaqdu mal-UE mill-2004, kif ukoll prijoritajiet politiċi strateġiċi li qed jinbidlu u sfidi ġodda fuq il-livell tal-UE;

(6) JISĦAQ b'mod partikolari dwar is-sejbiet imniżżlin hawn taħt tal-evalwazzjoni ex post tal-FEŻR u l-Fond ta' Koeżjoni:

a) It-tfassil ta' mudelli ekonomiċi li sar mill-Kummissjoni jistma li EUR 270 biljun investiti mill-FEŻR u l-Fond ta' Koeżjoni matul il-perijodu 2007-2013, flimkien ma' kofinanzjament nazzjonali, ser ikunu ġġeneraw triljun euro fi PDG addizzjonali fl-Istati Membri kollha sal-2023;

b) Id-data rrappurtata mill-awtoritajiet ta' ġestjoni tal-Istati Membri turi li l-FEŻR u l-Fond ta' Koeżjoni ser ikunu wasslu għall-ħolqien ta' kważi miljun impjieg, li jirrappreżenta kontribut sinifikanti għat-total nett ta' 3 miljun impjieg li nħolqu fl-ekonomika tal-UE matul il-perijodu;

c) L-appoġġ finanzjarju mill-programmi tal-FEŻR għen 400 000 SME jirreżistu l-effetti tal-kriżi ekonomika u finanzjarja u jżidu l-kompetittività u l-esportazzjonijiet tagħhom permezz tal-innovazzjoni;

d) Il-politika ta' koeżjoni tat kontribut għal integrazzjoni aktar mill-qrib tas-suq intern tal-UE, partikolarment billi tejbet ir-rabtiet ta' trasport (partikolarment il-kurituri TEN-T), għat-titjib tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, tat-trattament tal-ilma u l-ilma mormi kif ukoll il-ġestjoni tal-iskart, għall-modernizzazzjoni tal-infrastruttura tal-edukazzjoni u l-kura tas-saħħa, kif ukoll għat-tisħiħ tar-riċerka u l-innovazzjoni;

e) Il-finanzjament disponibbli fil-qafas tal-programmi ta' Kooperazzjoni Territorjali Ewropea (Interreg) saħħaħ il-kooperazzjoni bejn ir-reġjuni ġirien ta' Stati Membri differenti, bejn Stati Membri madwar l-UE, kif ukoll bejn Stati Membri u pajjiżi li mhumiex fl-UE, u kkontribwixxa wkoll għal effetti aktar mifruxa, partikolarment f'termini tat-tneħħija ta' ostakli speċifiċi għall-kooperazzjoni f'setturi differenti u f'termini ta' integrazzjoni ekonomika, soċjali u ambjentali aħjar, u b'hekk jirrappreżenta eżempju prominenti ta' valur miżjud tal-UE;

(7) Minkejja r-riżultati pożittivi tal-politika ta' koeżjoni fil-perijodu 2007-2013, JINNOTA xi nuqqasijiet matul dal-perijodu, partikolarment:

  • Dgħufijiet f'termini tar-rilevanza, il-monitoraġġ, l-effettività u l-koerenza tal-azzjonijiet meħuda, li juru li l-konċentrazzjoni fuq l-orjentazzjoni lejn ir-riżultati ma kinitx b'saħħitha biżżejjed; u
  • Il-ħtieġa li tissaħħaħ il-kapaċità amministrattiva fuq il-livell ta' ġestjoni tal-programmi u li jonqsu l-piż amministrattiv u l-ispejjeż;

(8) JINNOTA li l-evalwazzjonijiet li fuqhom hu msejjes id-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal jiddeskrivu s-sitwazzjoni fl-aħħar tal-2014 meta l-programmi kienu għadhom ma jistgħux jirrappurtaw b'mod sħiħ dwar il-kisba tal-għanijiet u l-miri;

(9) JINNOTA li l-Kummissjoni wettqet ukoll evalwazzjoni ex post għall-Fond Soċjali Ewropew (il-FSE) u JISTENNA BIL-ĦERQA l-preżentazzjoni tar-riżultati fid-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal relatat; JISTIEDEN lill-Kummissjoni tippreżenta r-riżultati ta' evalwazzjonijiet futuri għall-Fondi SIE b'mod ikkoordinat biex tiffaċilita valutazzjoni sħiħa, filwaqt li tagħti attenzjoni speċjali, meta jkun xieraq, lill-approċċ imsejjes fuq il-post;

(10) JISSOTTOLINJA li l-politika ta' koeżjoni, flimkien ma' sett eżawrjenti ta' evalwazzjonijiet bir-reqqa, tirrappreżenta l-aħjar prattika għal tfassil ta' politika msejjes fuq l-evidenza, u tista' sservi ta' eżempju għal politiki oħrajn tal-UE ffinanzjati mill-baġit tal-UE;

(11) JAPPELLA lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, f'kooperazzjoni mal-partijiet interessati kollha rilevanti, biex ixerrdu mal-firxa wiesgħa tal-pubbliku r-riżultati u l-benefiċċji tal-politika ta' koeżjoni li huma sostnuti minn evalwazzjonijiet disponibbli.

II. Valutazzjoni ta' ċerti elementi ġodda tal-politika ta' koeżjoni u l-Fondi SIE 2014-2020

(12) JISĦAQ li meta mqabbel mal-perijodu ta' programmazzjoni 2007-2013, ġew introdotti għadd ta' elementi ġodda fil-qafas leġislattiv għall-perijodu 2014-2020 bil-għan li jsaħħu l-effettività, l-orjentazzjoni lejn ir-riżultati u l-valur miżjud tal-UE tal-Fondi SIE. L-ewwel esperjenzi konkreti b'ċerti elementi ġodda, b'mod partikolari bil-qafas ta' prestazzjoni, il-konċentrazzjoni tematika, il-kondizzjonalitajiet ex ante u r-rabta mal-governanza ekonomika tal-UE, saru fl-Istati Membri waqt l-elaborazzjoni tal-Ftehimiet ta' Sħubija u l-programmi tagħhom. L-applikazzjoni prattika ta' elementi ġodda kienet titlob tħejjija bir-reqqa f'termini ta' żmien u riżorsi biex jiġi żgurat li jinħolqu l-kundizzjonijiet meħtieġa għal infiq effettiv, fosthom sistemi ġodda ta' ġestjoni u kontroll. Fl-istess waqt, strumenti ġodda tal-qafas legali, bħal pjanijiet ta' azzjoni konġunta, investimenti territorjali integrati jew strateġiji ta' żvilupp lokali mmexxija fuq il-livell tal-komunitajiet, jipprovdu opportunitajiet ġodda għall-Istati Membri;

(13) JINNOTA li l-eżerċizzju komprensiv ta' programmazzjoni, flimkien mal-adozzjoni tard tal-atti legali, it-tħejjija b'mod parallel għall-għeluq tal-perijodu 2007-2013, u ħatriet li damu aktar milli kien mistenni tal-awtoritajiet, tawwal il-fażi ta' implimentazzjoni fil-perijodu 2014-2020; JISTENNA, madankollu, li l-isforzi li saru mill-Istati Membri u l-Kummissjoni waqt il-proċess ta' programmazzjoni ser jagħtu l-frott fis-snin li ġejjin permezz ta' implimentazzjoni aktar effettiva ta' programmi ta' kwalità għolja, u l-possibbiltà li fil-ġejjieni nibnu fuq it-titjib li sar fil-perijodu attwali; JAPPELLA lill-Istati Membri u l-Kummissjoni biex jieħdu l-passi meħtieġa biex iħaffu l-implimentazzjoni u r-rappurtar dwar il-progress tal-programmi attwali;

(14) IFAKKAR li l-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ (YEI) tagħti appoġġ immirat biex jiġi indirizzat il-qgħad fost iż-żgħażagħ, flimkien ma' azzjonijiet tradizzjonali appoġġati mill-FSE, u kkomplementata minn oqfsa strateġiċi nazzjonali inkluż permezz tal-implimentazzjoni tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ; u JIEĦU NOTA tal-Komunikazzjoni reċenti tal-Kummissjoni[7] li tagħti r-riżultati tal-implimentazzjoni tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ u l-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ sa mill-2013;

(15) JAPPELLA lill-Kummissjoni tippreżenta l-proposti leġislattivi għall-perijodu ta' programmazzjoni li jmiss għall-Fondi SIE mill-aktar fis possibbli fl-2018, bil-ħsieb li l-koleġislaturi jkunu jistgħu jilħqu qbil fil-ħin, u li tiġi pprovduta bażi għall-bidu bikri tal-proċess ta' programmazzjoni;

(16) JAPPELLA lill-Kummissjoni biex tikkunsidra li tuża elementi ġodda tal-Fondi SIE bħala eżempju għal politiki oħrajn tal-UE ffinanzjati mill-baġit tal-UE fil-kuntest tal-inizjattiva tagħha "Baġit tal-UE li jikkonċentra fuq ir-Riżultati"[8], li tnediet fl-2015;

Qafas ta' prestazzjoni

(17) IFAKKAR li l-Fondi SIE kienu l-ewwel strumenti ta' finanzjament tal-UE li introduċew qafas ta' prestazzjoni msejjes fuq indikaturi li jistgħu jitkejlu, u ser isir rieżami b'riżerva ta' prestazzjoni li ser tiġi allokata matul l-2019 lil biss dawk il-prijoritajiet ta' programmi tal-Istati Membri li għalihom ikunu nkisbu l-miri ewlenin imniżżla fil-qafas ta' prestazzjoni tal-programmi;

(18) JIRRIKONOXXI l-isforzi li saru u r-riżorsi dedikati mill-Istati Membri u l-Kummissjoni biex jiżviluppaw il-loġika tal-interventi u l-qafas ta' prestazzjoni għall-programmi tal-Fondi SIE (speċjalment biex jiddefinixxu indikaturi b'saħħithom, il-valuri ta' referenza u l-valuri ta' mira tagħhom); JINNOTA li dan il-proċess wassal għal riflessjonijiet u diskussjonijiet utli dwar l-iffissar ta' għanijiet, il-monitoraġġ ta' progress, u ta kontribut għall-bidla tal-mentalità għal waħda li tikkonċentra dejjem aktar fuq ir-riżultati u l-prestazzjoni fl-Istati Membri u l-Kummissjoni;

Konċentrazzjoni tematika

(19) IFAKKAR li l-Fondi SIE huma soġġetti għal rekwiżiti legali għal konċentrazzjoni tematika li twassal għal konċentrazzjoni ogħla ta' appoġġ finanzjarju fuq anqas oqsma li huma l-aktar li jikkontribwixxu biex jintlaħqu l-miri tal-Istrateġija Ewropa 2020, u mistennija tagħti riżultati aħjar;

(20) JILQA' l-fatt li fil-programmi tal-Istati Membri fil-qafas tal-FEŻR u l-FSE, inkisbet konċentrazzjoni tematika u, f'bosta każijiet, din qabżet ir-rekwiżiti minimi; IQIS, madankollu, li jrid jinżamm bilanċ bejn ir-rekwiżiti definiti minn qabel għal konċentrazzjoni fuq għadd limitat ta' oqsma tematiċi u l-ħtiġijiet tal-Istati Membri, fosthom il-flessibbiltà li jwieġbu matul il-perijodu ta' programmazzjoni għal sfidi ta' żvilupp nazzjonali u reġjonali speċifiċi;

Kondizzjonalitajiet ex ante

(21) IFAKKAR li l-kondizzjonalitajiet ex ante ġew introdotti fil-perijodu 2014-2020 biex jiġi żgurat li fl-Istati Membri kienu nħolqu l-kundizzjonijiet meħtieġa għal użu effettiv ta' fondi qabel isir l-investiment fil-qafas tal-Fondi SIE;

(22) IQIS li filwaqt li l-kisba tal-kondizzjonalitajiet ex ante kultant jitlob ammont sinifikanti ta' żmien u riżorsi biex jiġu implimentati bidliet leġislattivi jew riformi kumplessi, dawn il-kondizzjonalitajiet għandhom effett pożittiv fuq l-ambjent ġenerali ta' investiment, it-tisħiħ tal-kapaċità amministrattiva u l-governanza tajba f'bosta Stati Membri; JILQA' r-rwol ta' faċilitazzjoni li jaqdu l-kondizzjonalitajiet ex ante fit-tħejjija ta' repertorji ta' proġetti, dokumenti strateġiċi bħal strateġiji ta' speċjalizzazzjoni intelliġenti, kif ukoll f'implimentazzjoni b'aktar ħeffa tal-acquis tal-UE;

Rabta mal-governanza ekonomika tal-UE

(23) IFAKKAR li fil-qafas leġislattiv għall-perijodu 2014-2020, ġew introdotti miżuri biex jiġi żgurat li l-investimenti pluriennali tal-Fondi SIE jindirizzaw ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi rilevanti. B'riżultat tal-eżerċizzju ta' programmazzjoni, il-programmi attwali tal-Fondi SIE huma mfasslin biex jappoġġaw riformi strutturali f'konformità mal-prijoritajiet tal-UE definiti permezz tal-proċess tas-Semestru Ewropew;

(24) IQIS li l-investimenti li jindirizzaw ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi rilevanti jagħtu kontribut għat-twettiq ta' riformi strutturali u t-titjib tas-sitwazzjoni makroekonomika ġenerali tal-Istat Membru kkonċernat;

(25) IQIS li għandha ssir ħidma għal aktar konsistenza fil-ġejjieni bejn diversi miżuri li jorbtu l-effettività tal-Fondi SIE mal-governanza ekonomika, fuq il-bażi tal-ewwel esperjenza pożittiva bl-introduzzjoni tal-kondizzjonalitajiet ex ante, u filwaqt li titqies il-ħtieġa li jiġu akkomodati l-isfidi soċjali, ekonomiċi u territorjali, kif ukoll il-kontinwità u l-istabbiltà tal-programmi pluriennali;

Simplifikazzjoni

(26) JIDDISPJAĊIH li l-potenzjal sħiħ tal-effiċjenza u l-orjentazzjoni lejn ir-riżultati tal-qafas leġislattiv tal-Fondi SIE huwa mxekkel minn regolamentazzjoni żejda u l-eżistenza ta' wisq saffi ta' regoli u kontrolli (il-livell tal-UE, dak nazzjonali u dak reġjonali); IFAKKAR li l-fiduċja bejn l-atturi kollha hi essenzjali biex il-modalità ta' ġestjoni kondiviża taħdem b'mod effettiv, u għandha tkompli tissaħħaħ billi l-Fondi SIE jsiru aktar sempliċi, aktar aċċessibbli u aktar faċli li jinftiehmu għaċ-ċittadini, in-negozji u l-amministrazzjonijiet; ITENNI, b'rabta ma' dan, l-importanza ta' mekkaniżmi ta' twissija bikrija u tat-tisħiħ tar-rwol preventiv tal-awditjar fuq il-livell tal-UE u dak nazzjonali;

(27) JILQA' s-sejbiet u r-rakkomandazzjonijiet li nħarġu sa issa mill-Grupp ta' Livell Għoli dwar is-simplifikazzjoni tal-monitoraġġ għall-benefiċjarji tal-Fondi SIE li twaqqaf mill-Kummissjoni u JISTENNA B'INTERESS il-ħidma futura tiegħu b'rabta mat-tħejjija tal-perijodu ta' programmazzjoni ta' wara l-2020;

(28) JIEĦU NOTA tal-proposta leġislattiva mmirata lejn is-simplifikazzjoni tal-Fondi SIE għall-perijodu ta' programmazzjoni attwali, ippreżentata mill-Kummissjoni lill-Kunsill f'Settembru 2016, u JIBQA' IMPENJAT għall-adozzjoni rapida tagħha; JAPPELLA lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jagħmlu l-aħjar użu mill-għażliet kollha fil-qafas legali (fosthom it-tħejjija bikrija tal-atti delegati) li jgħinu biex tiġi ssimplifikata l-implimentazzjoni tal-programmi attwali tal-Fondi SIE;

(29) HUWA IMPENJAT għal simplifikazzjoni sostanzjali, li tibbilanċja l-ħtieġa għal stabbiltà u l-kontinwazzjoni ma' tnaqqis sinifikanti tal-piż amministrattiv u l-ispejjeż fil-perijodu wara l-2020; IQIS li d-direzzjonijiet u l-possibbiltajiet ġodda mniżżlin hawn taħt għandhom jiġu analizzati bir-reqqa mingħajr preġudizzju għad-deċiżjonijiet futuri:

a) Sett ta' regoli sempliċi, ċar u ħafif għall-Fondi SIE b'enfasi aktar qawwija fuq approċċ integrat (eż. programmi b'għadd ta' fondi u regoli komuni għall-Fondi SIE kollha), filwaqt li jiġi żgurat li kull Fond SIE jkun jista' jikseb riżultati b'mod effettiv u effiċjenti fil-missjonijiet tiegħu speċifiċi għall-Fond, u li tingħata preferenza għall-aktar soluzzjoni sempliċi disponibbli;

b) Ir-regoli tal-Fondi SIE u r-regoli applikabbli għal fondi oħrajn tal-UE, kif ukoll politiki oħrajn tal-UE li għandhom impatt fuq l-implimentazzjoni tal-Fondi SIE (b'mod partikolari r-regoli dwar l-għajnuna mill-istat), għandhom ikomplu jiġu allinjati b'mod reċiproku sabiex tiġi ssimplifikata l-implimentazzjoni tal-fondi tal-UE għall-benefiċjarji, jiġu ffaċilitati s-sinerġiji u l-komplementarjetà bejn il-programmi differenti u t-taħlit ta' diversi sorsi, kif ukoll sabiex ikun possibbli li jsir tqabbil tal-effettività u l-effiċjenza bejn strumenti ta' finanzjament tal-UE;

c) Aktar faċilitazzjoni tal-introduzzjoni u l-użu effiċjenti tal-firxa sħiħa ta' għażliet simplifikati ta' spejjeż, flimkien ma' rekwiżiti ċari għall-kontroll u l-awditjar tagħhom;

d) Mudell ta' ġestjoni kondiviża aktar sempliċi u ssimplifikat imsejjes fuq prestazzjoni iktar milli konformità, sabiex tkompli tissaħħaħ l-orjentazzjoni tal-Fondi SIE lejn ir-riżultati, filwaqt li titqies l-importanza tal-prevenzjoni, il-proporzjonalità u l-valur għall-flus;

e) Valutazzjoni ta' jekk it-tagħlimiet li jittieħdu mill-mekkaniżmi ta' twettiq użati f'oqsma oħrajn ta' politika tal-UE jistgħux jagħtu kontribut biex titjieb l-effettività tal-politika ta' koeżjoni u l-Fondi SIE;

f) Applikazzjoni aktar mifruxa tal-proporzjonalità u l-introduzzjoni tad-differenzazzjoni fl-implimentazzjoni tal-programmi tal-Fondi SIE fuq il-bażi ta' kriterji oġġettivi u inċentivi pożittivi għall-programmi;

(30) JIBQA' IMPENJAT li jsir dibattitu politiku regolari qalb il-ministri rilevanti fil-Kunsill Affarijiet Ġenerali biex jiġu diskussi l-implimentazzjoni u r-riżultati tal-politika ta' koeżjoni u l-Fondi SIE, kif ukoll biex tiġi appoġġata t-tħejjija għall-qafas ta' politika għall-perijodu wara l-2020.


[1] Dok. 15802/14.
[2] Dok. 9622/1/15 REV 1.
[3] Dok. 14266/1/15 REV 1.
[4] Dok. 7075/16.
[5] Dok. 10668/16.
[6] Dok. 12371/16.
[7] Dok. 12749/16 + ADD 1-3.
[8] http://ec.europa.eu/budget/budget4results/index_en.cfm

 

Ara l-paġna tal-laqgħa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

L-aħħar reviżjoni: 13 ta' Jannar 2024