- Kunsill tal-Unjoni Ewropea
- Stqarrija għall-istampa
- 21 ta' Frar 2017 11:00
Evitar tat‑taxxa korporattiva: il-Kunsill jilħaq qbil dwar il-pożizzjoni tiegħu dwar id-diskrepanzi ibridi
Fil-21 ta' Frar 2017, il-Kunsill qabel dwar il-pożizzjoni tiegħu dwar regoli maħsuba biex jeliminaw id-'diskrepanzi ibridi' mas-sistemi tat-taxxa ta' pajjiżi terzi.
L-abbozz ta' direttiva huwa l-aktar reċenti minn għadd ta' miżuri mfassla biex jipprevjenu l-evitar tat-taxxa minn kumpaniji kbar.
Din tfittex li tipprevjenihom milli jisfruttaw id-differenzi bejn żewġ ġurisdizzjonijiet tat-taxxa jew aktar sabiex tnaqqas l-obbligazzjoni ta' taxxa inġenerali tagħhom. Dawn l-arranġamenti jistgħu jwasslu għal erożjoni sostanzjali tal-bażijiet taxxabbli ta' kontribwenti tat-taxxa korporattiva fl-UE.
Id-direttiva ser tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-OECD tal-2015 li jindirizzaw l-erożjoni tal-bażi tat-taxxa u t-trasferiment tal-profitt korporattiv.
"L-UE tinsab fuq quddiem tal-ġlieda kontra l-evitar tat-taxxa. Irridu niżguraw l-implimentazzjoni koerenti fil-liġi tal-UE tal-pjan ta' azzjoni dwar il-BEPS tal-OECD."
Edward Scicluna, Ministru għall-Finanzi ta' Malta, u President tal-Kunsill.
Il-proposta tindirizza diskrepanzi ibridi fir-rigward ta' pajjiżi mhux tal-UE, minħabba li d-differenzi ġewwa l-UE huma diġà koperti mid-'direttiva kontra l-evitar tat-taxxa' adottata f'Lulju 2016. Din tikkomplementa u temenda dik id-direttiva f'dan is-sens.
Il-Kunsill laħaq kompromess dwar il-kwistjonijiet li ġejjin:
- għal kapital regolatorju ibridu, ġiet stabbilita konċessjoni mir-regoli għas-settur bankarju. Il-konċessjoni ser tkun limitata fiż-żmien, u l-Kummissjoni ser tintalab tippreżenta rapport li jivvaluta l-konsegwenzi;
- għal operaturi tas-suq finanzjarju, jiġi segwit approċċ delimitat f'konformità ma' dak segwit mill-OECD;
- fir-rigward tal-implimentazzjoni, hija prevista skeda itwal ta' żmien minn dik stabbilita għad-direttiva ta' Lulju 2016. L-implimentazzjoni hija stabbilita għall-1 ta' Jannar 2020 (sena wara), u l-1 ta' Jannar 2022 fir-rigward ta' dispożizzjoni speċifika.
Il-passi li jmiss
Id-direttiva hija waħda fost pakkett ta' proposti dwar it-tassazzjoni korporattiva ppreżentat mill-Kummissjoni f'Ottubru 2016.
Intlaħaq qbil f'laqgħa tal-Kunsill Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji. Il-Kunsill ser jadotta d-direttiva ladarba l-Parlament Ewropew ikun ta l-opinjoni tiegħu.
L-istati membri ser ikollhom sal-31 ta' Diċembru 2019 biex jittrasponu d-direttiva fil-liġijiet u r-regolamenti nazzjonali.
Id-direttiva teħtieġ unanimità fil-Kunsill, wara konsultazzjoni mal-Parlament. (Bażi legali: l-artikolu 115 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea).
Kuntatti għall-istampa
-
Patrick McCullough Press officer
- +32 471 33 38 46
- +32 2 281 91 19
Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.
L-aħħar reviżjoni: 15 ta' Jannar 2024