- Kunsill tal-Unjoni Ewropea
- Stqarrija għall-istampa
- 23 ta' Mejju 2017 17:40
L-adattament għal bidliet teknoloġiċi, il-preservazzjoni tal-kompetittività Ewropea u l-valuri fundamentali fis-servizzi awdjoviżivi
Il-Kunsill illum laħaq approċċ ġenerali dwar il-proposta għal direttiva riveduta dwar is-servizzi tal-media awdjoviżiva (AVMS). L-għan tal-proposta huwa li twieġeb għall-iżviluppi teknoloġiċi u tas-suq mingħajr preċedent li l-bidla diġitali ġabet magħha sabiex tingħata spinta lill-kompetittività tal-industrija awdjoviżiva tal-Ewropa, filwaqt li jiġu ppreservati l-valuri fundamentali bħall-protezzjoni tal-minuri, il-pluraliżmu tal-media, id-diversità kulturali u l-protezzjoni tal-konsumatur.
Il-proposta tal-Kummissjoni tkompli tallinja r-regoli għax-xandir tat-TV u tas-servizzi fuq talba u testendi l-kamp ta' applikazzjoni tad-direttiva għall-pjattaformi ta' kondiviżjoni ta' videos. Dawn ser ikollhom jikkonformaw ma' regoli dwar il-protezzjoni ta' minuri u l-protezzjoni taċ-ċittadini kollha kontra d-diskors ta' mibegħda u vjolenza.
Il-proposta tissimplifika r-regoli li jirregolaw il-“prinċipju tal-pajjiż tal-oriġini" (fejn il-fornituri tas-servizzi huma soġġetti biss għar-regoli applikabbli fil-pajjiż fejn għandhom il-kwartieri ġenerali tagħhom). Din tistabbilixxi wkoll obbligi aktar stretti għall-promozzjoni ta' xogħlijiet Ewropej għas-servizzi fuq talba.
Wara ħidma intensiva fil-Kunsill matul il-Presidenza Slovakka u dik Maltija, illum intlaħaq qbil mill-Kunsill dwar test ta' kompromess propost mill-Presidenza Maltija, abbażi tal-elementi li ġejjin:
- il-kamp ta' applikazzjoni tad-direttiva ġie estiż biex jinkludi l-"media soċjali", fejn il-forniment ta' kontenut awdjoviżiv huwa parti essenzjali ta' tali servizzi;
- ir-regoli dwar il-ġurisdizzjoni ġew armonizzati u l-proċeduri ta' kooperazzjoni ssaħħu biex jittrattaw il-problemi relatati mas-servizzi transkonfinali, pereżempju dawk li jirriżultaw minn fornituri stabbiliti f'pajjiż wieħed iżda li għandhom fil-mira udjenza f'pajjiż ieħor. Barra minn hekk, trid tiġi rrispettata skadenza ta' xahrejn mir-regolaturi nazzjonali jekk jirċievu talba minn Stat Membru ieħor;
- il-promozzjoni ta' ħidmiet Ewropej ser tapplika wkoll għall-fornituri ta' servizzi fuq talba permezz ta' rekwiżit għal kwota minima ta' 30 % ta' ħidmiet Ewropej fil-katalgi tagħhom u l-possibbiltà għall-Istati Membri li jitolbu kontribuzzjoni finanzjarja minn fornituri tas-servizzi tal-media, inkluż dawk stabbiliti fi Stat Membru ieħor, b'eżenzjonijiet għal negozji ġodda u impriżi żgħar.
Ir-regoli dwar il-komunikazzjonijiet kummerċjali awdjoviżivi ser isiru wkoll aktar flessibbli. Huma inklużi wkoll dispożizzjonijiet dwar l-indipendenza tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali, it-trasparenza tas-sjieda tal-media u l-ħtieġa li jiġi żviluppat il-litteriżmu medjatiku.
Il-Ministru Bonnici qal li "Ninsabu kburin ħafna li lħaqna qbil dwar is-servizzi tal-media awdjoviżiva. Din hija direttiva kumplessa ħafna li tittratta kwistjonijiet sensittivi ħafna bħalma huma s-suq intern, id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali, id-diversità kulturali u l-protezzjoni tal-minuri.
Iżda s-suq u t-teknoloġija qed jiżviluppaw b'rata mgħaġġla. Irridu niżguraw li r-regoli rilevanti jlaħħqu ma' dawn il-bidliet. Il-Ftehim tal-lum fil-Kunsill huwa pass ieħor 'il quddiem lejn it-tlestija tas-Suq Uniku Diġitali, li huwa essenzjali għall-prosperità futura tal-Ewropa.
Il-passi li jmiss
Il-qbil fil-Kunsill ser iwitti t-triq għall-bidu tan-negozjati mal-Parlament Ewropew, bil-ħsieb li d-direttiva tiġi adottata mill-aktar fis possibbli.
Kuntest
Il-Kummissjoni ppreżentat il-proposta tagħha f'Mejju 2016 bħala parti mill-Istrateġija għal Suq Uniku Diġitali tagħha.
Il-proposta ilha taħt eżami fil-Kunsill matul żewġ Presidenzi u ġie ppreżentat rapport ta' progress mill-Presidenza Slovakka f'Novembru 2016.
Il-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni (CULT) ivvota dwar ir-rapport tiegħu fil-25 ta' April 2017 u l-plenarja tal-PE tat mandat lill-Kumitat CULT fis-17 ta' Mejju biex jibda negozjati mal-Kunsill.
Kuntatti għall-istampa
-
Emma O'Driscoll Press officer
- +32 475 88 48 33
- +32 2 281 48 10
- @eo_press
Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.
L-aħħar reviżjoni: 13 ta' Jannar 2024