- Kunsill tal-Unjoni Ewropea
- Avveniment għall-istampa
- 13 ta' Diċembru 2021 11:20
Patt dwar id-Dimensjoni Ċivili tal-PSDK: Il-konklużjonijiet tal-Kunsill ifaħħru l-progress
Illum il-Kunsill adotta konklużjonijiet dwar il-Patt dwar id-Dimensjoni Ċivili tal-PSDK li jaffermaw mill-ġdid l-impenn tiegħu li jsaħħaħ il-fergħa ċivili tal-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni.
Il-konklużjonijiet jenfasizzaw il-kontribut ewlieni tal-missjonijiet ċivili kollha tal-PSDK għall-paċi u s-sigurtà internazzjonali, bħala parti essenzjali mill-approċċ integrat tal-UE għall-konflitti u l-kriżijiet esterni. Barra minn hekk, il-konklużjonijiet jissottolinjaw il-kontribut li d-dimensjoni ċivili tal-PSDK tista' tagħti b'rispons għal theddid u sfidi ġodda u emerġenti, inkluż dawk marbuta ma' theddid ibridu, iċ-ċibersigurtà, it-terroriżmu u r-radikalizzazzjoni, id-diżinformazzjoni u l-manipulazzjoni tal-informazzjoni, il-kriminalità organizzata, il-ġestjoni tal-fruntieri u s-sigurtà marittima, u l-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-estremiżmu vjolenti. Il-konklużjonijiet ifakkru wkoll fil-kontribut tal-missjonijiet ċivili tal-PSDK għat-tisħiħ tar-reżiljenza tal-pajjiżi sħab.
Il-Kunsill jilqa' l-impenn muri mill-partijiet ikkonċernati kollha fil-Konferenza ta' Rieżami Annwali tal-Patt dwar id-Dimensjoni Ċivili tal-PSDK, li saret fid-19 ta' Novembru 2021, u l-punti direzzjonali li ser jiggwidaw it-triq 'il quddiem biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni sħiħa u koerenti tal-impenji kollha fil-Patt sa mhux aktar tard mill-bidu tas-sajf tal-2023. Il-Kunsill ifaħħar ukoll il-progress ġenerali fl-implimentazzjoni tal-Patt dwar id-Dimensjoni Ċivili tal-PSDK, kemm fil-livell nazzjonali mill-istati membri kif ukoll fil-livell tal-UE mis-SEAE u s-servizzi tal-Kummissjoni. L-għadd ta' esperti tal-istati membri fil-missjonijiet ċivili tal-PSDK żdied u l-kooperazzjoni bejn il-PSDK u l-atturi tal-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni (ĠAI) fil-livell tal-UE u tal-istati membri ssaħħet, b'enfasi fuq ir-rabta qawwija bejn is-sigurtà esterna u interna. Is-SEAE u l-Kummissjoni ser jappoġġaw lill-istati membri fl-iżvilupp u l-forniment tal-possibilitajiet, il-kapaċitajiet u l-kompetenzi meħtieġa biex titwettaq il-firxa sħiħa ta' missjonijiet ċivili tal-PSDK, u lkoll ser jistinkaw biex iżidu l-komplementarjetà u s-sinerġiji.
Il-Kunsill ifakkar li l-Boxxla Strateġika, ladarba jintlaħaq qbil dwarha, ser tkompli tiggwida l-livell ta' ambizzjoni u tiddefinixxi l-orjentazzjonijiet ta' politika u l-għanijiet u l-objettivi speċifiċi fis-sigurtà u d-difiża, inkluż għall-PSDK ċivili.
Informazzjoni ġenerali u l-passi li jmiss
Il-Patt ġie stabbilit wara l-konklużjonijiet li ġew adottati mill-istati membri fil-laqgħa tal-Kunsill Affarijiet Barranin tad-19 ta' Novembru 2018. Permezz tal-Patt l-UE biħsiebha ssaħħaħ il-kapaċità tagħha li tniedi u ssostni missjonijiet ċivili għall-maniġġar ta' kriżijiet. Dawn il-missjonijiet għandhom l-għan li jsaħħu l-pulizija, l-istat tad-dritt u l-amministrazzjoni ċivili f'kuntesti fraġli u ta' kunflitt.
Bħalissa l-UE għandha 11-il missjoni ċivili għaddejjin, fl-Ukrajna, il-Georgia, il-Kosovo*, il-Libja, it-Territorji Palestinjani (Ramallah u Rafah), ir-Repubblika Ċentru-Afrikana, in-Niġer, il-Mali, is-Somalja u l-Iraq.
- Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Patt dwar id-Dimensjoni Ċivili tal-PSDK
- Maniġġar Ċivili ta' Kriżijiet tal-UE: l-UE torganizza t-tielet Konferenza ta' Rieżami Annwali tal-Patt dwar id-Dimensjoni Ċivili tal-PSDK (SEAE)
- Il-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni (sit web tas-SEAE)
* Dan l-isem huwa mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet dwar l-istatus, u huwa konformi mal-UNSCR 1244/1999 u l-Opinjoni tal-QIĠ dwar id-dikjarazzjoni tal-indipendenza tal-Kosovo.
Kuntatti għall-istampa
-
Maria Daniela Lenzu Press officer
- +32 470 88 04 02
- +32 2 281 21 46
- @daniela_lenzu
Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.
L-aħħar reviżjoni: 14 ta' Jannar 2024