- Kunsill tal-Unjoni Ewropea
- Stqarrija għall-istampa
- 25 ta' April 2023 12:05
"Lesti għall-mira ta' 55%": Il-Kunsill jadotta atti ewlenin ta' leġiżlazzjoni li jilħqu l-miri klimatiċi għall-2030
Illum, il-Kunsill adotta ħames liġijiet li ser jippermettu lill-UE tnaqqas l-emissjonijiet ta' gassijiet serra fis-setturi ewlenin tal-ekonomija, filwaqt li tiżgura li ċ-ċittadini u l-mikrointrapriżi l-aktar vulnerabbli, kif ukoll is-setturi esposti għar-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju, jiġu appoġġati b'mod effettiv fit-tranżizzjoni klimatika.
Il-liġijiet jagħmlu parti mill-pakkett "Lesti għall-mira ta' 55 %", li jistabbilixxi l-politiki tal-UE f'konformità mal-impenn tagħha biex tnaqqas l-emissjonijiet tagħha ta' gassijiet serra netti b'mill-inqas 55% sal-2030 meta mqabbla mal-livelli tal-1990 u tikseb newtralità klimatika fl-2050.
Il-vot fil-Kunsill huwa l-aħħar pass tal-proċedura ta' teħid ta' deċiżjonijiet.
sistema tal-UE għall-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet
Is-Sistema tal-UE għall-Iskambju ta' Kwoti tal-Emissjonijiet (EU ETS) hija suq tal-karbonju bbażat fuq sistema ta' limitu u skambju tal-kwoti tal-emissjonijiet għall-industriji intensivi fl-enerġija , is-settur tal-ġenerazzjoni tal-enerġija u s-settur tal-avjazzjoni.
Ir-regoli l-ġodda jżidu l-ambizzjoni ġenerali tat-tnaqqis tal-emissjonijiet sal-2030 fis-setturi koperti mill-EU ETS għal 62%, meta mqabbla mal-livelli tal-2005.
Emissjonijiet mit-trasport marittimu
L-emissjonijiet mill-bastimenti ser jiġu inklużi fil-kamp ta' applikazzjoni tal-EU ETS għall-ewwel darba. L-obbligi għall-kumpaniji tat-tbaħħir biex iċedu l-kwoti ser jiġu introdotti gradwalment: 40% għall-emissjonijiet ivverifikati mill-2024, 70% mill-2025 u 100% mill-2026.
Il-biċċa l-kbira tal-bastimenti l-kbar ser jiġu inklużi fil-kamp ta' applikazzjoni tal-EU ETS mill-bidu, filwaqt li bastimenti kbar oħra, jiġifieri bastimenti fuq il-baħar, l-ewwel ser jiġu inklużi fir-regolament ''MRV'' dwar il-monitoraġġ, ir-rappurtar u l-verifika tal-emissjonijiet tas-CO2 mit-trasport marittimu, u aktar tard ser jiġu inklużi fl-EU ETS.
L-emissjonijiet ta' gassijiet li mhumiex CO2 (metan u N2O) ser jiġu inklużi fir-regolament ''MRV'' mill-2024 u fl-EU ETS mill-2026.
Bini, trasport bit-triq u setturi addizzjonali
Ġiet stabbilita sistema ġdida u separata għall-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet għall-bini, it-trasport bit-triq u setturi addizzjonali (prinċipalment l-industrija żgħira), sabiex jiġi żgurat tnaqqis kosteffiċjenti tal-emissjonijiet f'dawn is-setturi, li sa issa rriżulta li huwa diffiċli li jiġu dekarbonizzati. Is-sistema l-ġdida ser tapplika għad-distributuri li jfornu fjuwils għall-bini, it-trasport bit-triq u setturi addizzjonali mill-2027. Ġiet stabbilita salvagwardja li permezz tagħha, jekk il-prezz taż-żejt u tal-gass ikun eċċezzjonalment għoli fiż-żmien ta' qabel il-bidu tas-sistema l-ġdida, dan jiġi pospost sal-2028.
Emissjonijiet mill-avjazzjoni
Il-kwoti tal-emissjonijiet bla ħlas għas-settur tal-avjazzjoni ser jitneħħew gradwalment u ser jiġi implimentat irkantar sħiħ mill-2026. Sal-31 ta' Diċembru 2030, 20 miljun kwota ser ikunu riżervati biex jinċentivaw it-tranżizzjoni tal-operaturi tal-inġenji tal-ajru mill-użu tal-fjuwils fossili.
L-EU ETS ser tapplika għal titjiriet ġewwa l-Ewropa (inkluż titjiriet lejn ir-Renju Unit u l-Iżvizzera), filwaqt li CORSIA ser tapplika għal titjiriet barra mill-Ewropa lejn u minn pajjiżi terzi li jipparteċipaw f'CORSIA mill-2022 sal-2027 (''clean cut'').
It-trasparenza dwar l-emissjonijiet u l-kumpens tal-operaturi tal-inġenji tal-ajru ser tittejjeb ukoll u ser jiġi stabbilit qafas ta' monitoraġġ, rapportar u verifika għall-effetti tal-avjazzjoni mhux tas-CO2. Sal-1 ta' Jannar 2028, filwaqt li tibni fuq ir-riżultati ta' dak il-qafas, il-Kummissjoni ser tipproponi, fejn xieraq, miżuri ta' mitigazzjoni għall-effetti tal-avjazzjoni mhux tas-CO2.
Lesti għall-mira ta' 55%: riforma tas-sistema tal-UE għall-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet (Infografika)
Mekkaniżmu ta' Aġġustament tal-Karbonju fil-Fruntieri
Il-Mekkaniżmu ta' Aġġustament tal-Karbonju fil-Fruntieri (CBAM) huwa mekkaniżmu li jikkonċerna l-importazzjonijiet ta' prodotti f'industriji intensivi fil-karbonju. L-għan tas-CBAM huwa li jipprevjeni - f'konformità sħiħa mar-regoli kummerċjali internazzjonali - li l-isforzi tal-UE għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra jiġu kkumpensati minn żieda fl-emissjonijiet lil hinn mill-fruntieri tagħha permezz tar-rilokazzjoni tal-produzzjoni lejn pajjiżi fejn il-politiki applikati għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima jkunu inqas ambizzjużi minn dawk tal-UE jew permezz taż-żieda fl-importazzjoni ta' prodotti intensivi fl-użu tal-karbonju.
Sa tmiem l-2025, is-CBAM ser japplika biss bħala obbligu ta' rapportar. Is-CBAM ser jiddaħħal gradwalment, b'mod parallel mal-eliminazzjoni gradwali tal-kwoti bla ħlas, ladarba jibda skont l-ETS riveduta tal-UE għas-setturi kkonċernati. Kwoti bla ħlas għas-setturi koperti mill-Mekkaniżmu ta' Aġġustament tal-Karbonju fil-Fruntieri (CBAM) - is-siment, l-aluminju, il-fertilizzanti, il-produzzjoni tal-enerġija elettrika, l-idroġenu, il-ħadid u l-azzar, kif ukoll xi prekursuri u għadd limitat ta' prodotti downstream - ser jiġu eliminati fuq perjodu ta' disa' snin bejn l-2026 u l-2034.
Is-CBAM jippromwovi l-importazzjoni fl-UE ta' oġġetti minn negozji li mhumiex tal-UE li jissodisfaw l-istandards klimatiċi għoljin applikabbli fis-27 stat membru tal-UE. Dan ser jiżgura trattament ibbilanċjat ta' importazzjonijiet bħal dawn u huwa mfassal biex iħeġġeġ lis-sħab tal-UE fid-dinja biex jissieħbu fl-isforzi tal-UE favur il-klima.
"Lesti għall-mira ta' 55%": l-UE kif biħsiebha tindirizza l-emissjonijiet barra mill-UE? (Infografika)
Fond Soċjali għall-Klima
Il-Fond Soċjali għall-Klima ser jintuża mill-istati membri biex jiffinanzjaw miżuri u investimenti biex jappoġġaw djar, mikrointrapriżi u utenti tat-trasport vulnerabbli u jgħinuhom ilaħħqu mal-impatti fuq il-prezzijiet ta' sistema għall-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet għall-bini, it-trasport bit-triq u setturi addizzjonali.
Il-fond ser jiġi ffinanzjat mid-dħul prinċipalment mis-sistema l-ġdida għall-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet sa ammont massimu ta' EUR 65 biljun, li għandu jiġi ssupplimentat minn kontribuzzjonijiet nazzjonali. Il-fond ġie stabbilit temporanjament matul il-perjodu 2026-2032.
Kuntest
Illum, il-Kunsill ivvota dwar il-liġijiet li ġejjin tal-pakkett ''Lesti għall-mira ta' 55%'':
- Reviżjoni tad-Direttiva dwar l-Iskambju tal-Kwoti tal-Emissjonijiet
- Emenda għar-Regolament MRV dwar it-trasport marittimu
- Reviżjoni tad-Direttiva dwar l-Iskambju tal-Kwoti tal-Emissjonijiet fl-Avjazzjoni
- Regolament li jistabbilixxi Fond Soċjali għall-Klima
- Regolament li jistabbilixxi Mekkaniżmu ta' Aġġustament tal-Karbonju fil-Fruntieri
Il-pakkett "Lesti għall-mira ta' 55%", ippreżentat mill-Kummissjoni Ewropea fl-14 ta' Lulju 2021 taħt il-Patt Ekoloġiku Ewropew, ser jippermetti lill-UE tnaqqas l-emissjonijiet tagħha ta' gassijiet serra netti b'mill-inqas 55% sal-2030 meta mqabbla mal-livelli tal-1990 u tikseb newtralità klimatika fl-2050.
Il-Kunsill u l-Parlament Ewropew laħqu qbil proviżorju dwar l-ETS fl-avjazzjoni fis-7 ta' Diċembru 2022, dwar is-CBAM fit-13 ta' Diċembru 2022 u dwar l-EU ETS u l-SCF fit-18 ta' Diċembru 2022. Il-Parlament adotta l-liġijiet formalment fit-18 ta' April 2023.
Il-passi li jmiss
Il-liġijiet issa ser jiġu ffirmati mill-Kunsill u mill-Parlament Ewropew u ser jiġu ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-UE qabel ma jidħlu fis-seħħ.
- Reviżjoni tad-Direttiva dwar l-Iskambju tal-Kwoti tal-Emissjonijiet
- Dikjarazzjonijiet dwar ir-reviżjoni tad-Direttiva dwar l-ETS
- Emenda għar-Regolament MRV dwar it-trasport marittimu
- Dikjarazzjonijiet dwar l-emenda tar-Regolament MRV dwar it-trasport marittimu
- Reviżjoni tad-Direttiva dwar l-Iskambju tal-Kwoti tal-Emissjonijiet fl-Avjazzjoni
- Dikjarazzjoni dwar ir-reviżjoni tad-Direttiva dwar l-Iskambju tal-Kwoti tal-Emissjonijiet fl-Avjazzjoni
- Regolament li jistabbilixxi Fond Soċjali għall-Klima
- Dikjarazzjonijiet dwar ir-regolament li jistabbilixxi Fond Soċjali għall-Klima
- Regolament li jistabbilixxi Mekkaniżmu ta' Aġġustament tal-Karbonju fil-Fruntieri
- Dikjarazzjonijiet dwar l-adozzjoni tas-CBAM
- Riżultati tal-vot u sessjoni pubblika
- "Lesti għall-mira ta' 55%": il-Kunsill u l-Parlament laħqu qbil proviżorju dwar is-sistema tal-UE għall-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet u l-Fond Soċjali għall-Klima (stqarrija għall-istampa, 18 ta' Diċembru 2022)
- Azzjoni klimatika tal-UE: intlaħaq qbil proviżorju dwar Mekkaniżmu ta' Aġġustament tal-Karbonju fil-Fruntieri (CBAM) (stqarrija għall-istampa, 13 ta' Diċembru 2022)
- ETS/avjazzjoni: il-Kunsill u l-Parlament jilħqu ftehim proviżorju biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tat-titjiriet (stqarrija għall-istampa, 7 ta' Diċembru 2022)
- Pakkett "Lesti għall-mira ta' 55%" (informazzjoni ġenerali)
Lesti għall-Mira ta' 55%: fond għall-appoġġ taċ-ċittadini u n-negozji l-aktar milquta (Infografika)
Kuntatti għall-istampa
-
Peristera Dimopoulou Press officer
- +32 471 33 53 26
- +32 2 281 61 56
- @eri_dimopoulou
Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.
L-aħħar reviżjoni: 15 ta' Jannar 2025