Lesti għall-Mira ta' 55%: fond għall-appoġġ taċ-ċittadini u n-negozji l-aktar milquta
It-tranżizzjoni lejn emissjonijiet żero netti ser tkun ta' benefiċċju għall-ambjent, kif ukoll għan-nies. Madankollu, dawk b'introjtu baxx u l-mikrointrapriżi jistgħu jintlaqtu ħażin mill-prezzijiet ogħla tal-fjuwils fossili li jirriżultaw mill-introduzzjoni ta' sistema ġdida għall-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet għall-bini u t-trasport bit-triq u l-fjuwils. Huwa għalhekk li l-fond soċjali għall-klima propost ser jipprovdi appoġġ lill-gruppi vulnerabbli l-aktar milquta minn din is-sistema l-ġdida, proposta bħala parti mill-pakkett "Lesti għall-mira ta' 55%".
L-istati membri tal-UE fil-Kunsill qablu dwar approċċ ġenerali dwar il-fond. Il-Kunsill u l-Parlament Ewropew laħqu qbil proviżorju dwar il-fond il-ġdid f'Diċembru 2022. F'April 2023, il-Kunsill adotta formalment r-regoli l-ġodda.
Infografika: fond soċjali għall-klima - x'inhu
Il-fond soċjali għall-klima huwa għodda ġdida biex tappoġġa finanzjarjament lin-nies u n-negozji l-aktar milquta mill-introduzzjoni ta' sistema ġdida għall-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet għall-bini, it-trasport bit-triq u l-fjuwils għal setturi addizzjonali.
Il-fond ser jgħin biex jiġi indirizzat il-faqar enerġetiku u jittejjeb l-aċċess għall-mobbiltà u t-trasport b'emissjonijiet żero u baxxi fl-UE.
Huwa stmat li aktar minn 34 miljun persuna fl-UE jsofru faqar enerġetiku – ċifra li sejra tiżdied wara ż-żieda qawwija fil-prezzijiet tal-enerġija li bdiet fl-2021.
Il-fond kif ser jaħdem?
- sistema ġdida għall-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet għall-bini, it-trasport bit-triq u l-fjuwils għal setturi addizzjonali ser tinħoloq bħala parti mill-pakkett Lesti għall-mira ta' 55%
- fjuwils fossili għat-trasport bit-triq u t-tisħin jingħataw prezz tal-karbonju
- kumpaniji li jbigħu l-fjuwils għandhom jixtru kwoti (skont il-prezz tal-karbonju) għall-emissjonijiet ikkawżati mit-tmexxija tan-negozju tagħhom
- id-dħul mill-bejgħ tal-kwoti jiddaħħal fil-fond soċjali għall-klima
-
l-istati membri jistgħu jużaw id-dħul assenjat lill-fond soċjali għall-klima biex jgħinu lil dawk l-aktar fil-bżonn permezz ta':
- miżuri u investimenti biex tiżdied l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija tal-bini, ir-rinnovazzjoni tal-bini, id-dekarbonizzazzjoni tat-tisħin u t-tkessiħ tal-bini, u l-adozzjoni ta' mobbiltà u t-trasport b'emissjonijiet żero u baxxi
- miżuri li jipprovdu appoġġ għall-introjtu temporanju u limitat dirett
Benefiċjarji
- unitajiet domestiċi vulnerabbli
- mikrointrapriżi vulnerabbli
- utenti vulnerabbli tat-trasport
Baġit
- sa €65 biljun ta' finanzjament lill-istati membri għall-2026-2032
Il-fond soċjali għall-klima kif jgħin biex jintlaħqu l-għanijiet klimatiċi?
- billi jgħin fid-dekarbonizzazzjoni tas-settur tat-trasport
- billi jtejjeb ir-rendiment tal-bini fl-effiċjenza ambjentali u fl-użu tal-enerġija
- billi jindirizza l-faqar enerġetiku
- billi jappoġġa t-tkabbir ekonomiku u l-ħolqien ta' impjiegi ekoloġiċi
Miżuri oħra tal-UE għal tranżizzjoni soċjalment ġusta
- mekkaniżmu għal tranżizzjoni ġusta: jingħata appoġġ finanzjarju lil ċittadini vulnerabbli, industriji u reġjuni intensivi fl-użu tal-karbonju biex jittaffa l-kost tat-tranżizzjoni għal enerġija aktar nadifa
- leġiżlazzjoni dwar l-enerġija: skont id-direttiva dwar it-tassazzjoni fuq l-enerġija, l-unitajiet domestiċi vulnerabbli jistgħu jibbenefikaw minn ċerti eżenzjonijiet tat-taxxa; id-direttiva dwar l-effiċjenza fl-enerġija tipprevedi miżuri biex jiġi indirizzat il-faqar enerġetiku
- "Lesti għall-mira ta' 55%": Il-Kunsill jadotta biċċiet ewlenin ta' leġiżlazzjoni li jilħqu l-miri klimatiċi għall-2030 (stqarrija għall-istampa, 25 ta' April 2023)
- "Lesti għall-mira ta' 55%": il-Kunsill u l-Parlament laħqu qbil proviżorju dwar is-sistema tal-UE għall-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet u l-Fond Soċjali għall-Klima (stqarrija għall-istampa, 18 ta' Diċembru 2022)
- Pakkett "Lesti għall-mira ta' 55%": il-Kunsill jilħaq approċċi ġenerali relatati mat-tnaqqis tal-emissjonijiet u l-impatti soċjali tagħhom (stqarrija għall-istampa, 29 ta' Ġunju 2022)
- Lesti għall-mira ta' 55%: riforma tas-sistema tal-UE għall-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet (infografika)
- Lesti għall-mira ta' 55% (informazzjoni ġenerali)
- Patt Ekoloġiku Ewropew (informazzjoni ġenerali)
L-aħħar reviżjoni: 3 ta' Frar 2025