Skip to content
  • Kunsill tal-Unjoni Ewropea
  • Stqarrija għall-istampa
  • 5 ta' Marzu 2024 02:30

Il-Kunsill u l-Parlament jilħqu ftehim dwar il-projbizzjoni ta' prodotti magħmula b'xogħol furzat

Il-Kunsill u l-Parlament Ewropew laħqu ftehim proviżorju dwar ir-regolament li jipprojbixxi mis-suq tal-UE l-prodotti magħmula b'xogħol furzat. Il-ftehim proviżorju milħuq illum bejn iż-żewġ koleġiżlaturi jappoġġa l-objettiv ewlieni tal-proposta, li huwa l-projbizzjoni tal-introduzzjoni u t-tqegħid fis-suq tal-UE, jew l-esportazzjoni mis-suq tal-UE, ta' kwalunkwe prodott magħmul bl-użu ta' xogħol furzat. Il-ftehim jintroduċi modifiki sinifikanti fil-proposta oriġinali li jiċċaraw ir-responsabbiltajiet tal-Kummissjoni u tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti fil-proċess tal-investigazzjoni u t-teħid tad-deċiżjonijiet.

Huwa xokkanti li fid-dinja tas-seklu 21 għadhom jeżistu l-jasar u x-xogħol furzat. Dan id-delitt faħxi jrid jiġi eradikat u l-ewwel pass biex jinkiseb dan hu li jitkisser il-mudell kummerċjali tal-kumpaniji li jisfruttaw il-ħaddiema. B'dan ir-regolament irridu nagħmlu fiċ-ċert li ma jkun hemm ebda post għall-prodotti tagħhom fis-suq uniku tagħna, kemm jekk jiġu manifatturati ġewwa kif ukoll barra mill-Ewropa. Pierre-Yves Dermagne, Viċi Prim Ministru u Ministru għall-Ekonomija u l-Impjiegi tal-Belġju

Il-bażi tad-data taż-żoni u l-prodotti b'riskju ta' xogħol furzat

Il-koleġiżlaturi qablu li, biex tiffaċilita l-implimentazzjoni ta' dan ir-regolament, il-Kummissjoni ser tistabbilixxi bażi tad-data li jkun fiha informazzjoni verifikabbli u aġġornata regolarment dwar ir-riskji tax-xogħol furzat, inkluż rapporti minn organizzazzjonijiet internazzjonali (bħall-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol). Il-bażi tad-data għandha tappoġġa l-ħidma tal-Kummissjoni u tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti fil-valutazzjoni ta' ksur possibbli ta' dan ir-regolament.

Approċċ ibbażat fuq ir-riskju

Il-ftehim proviżorju jistabbilixxi kriterji ċari li għandhom jiġu applikati mill-Kummissjoni u mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti meta jivvalutaw il-probabbiltà ta' ksur ta' dan ir-regolament. Il-kriterji huma:

  • l-iskala u s-severità tax-xogħol furzat suspettat, inkluż jekk jistax ikun hemm involut xogħol furzat impost mill-istat
  • il-kwantità jew il-volum tal-prodotti introdotti jew imqiegħda fis-suq tal-Unjoni
  • is-sehem tal-partijiet fil-prodott finali li x'aktarx saru b'xogħol furzat
  • il-prossimità tal-operaturi ekonomiċi għar-riskji ta' xogħol furzat suspettat fil-katina tal-provvista tagħhom, kif ukoll l-influwenza li għandhom biex jindirizzawhom

Il-Kummissjoni ser toħroġ linji gwida għall-operaturi ekonomiċi u għall-awtoritajiet kompetenti biex tgħinhom jikkonformaw mar-rekwiżiti ta' dan ir-regolament, inkluż l-aħjar prattiki biex jinġiebu fi tmiem u jiġu rimedjati tipi differenti ta' xogħol furzat. Dawn il-linji gwida ser jinkludu wkoll miżuri ta' akkumpanjament għall-intrapriżi mikro, żgħar u ta' daqs medju, li jistgħu jkunu disponibbli permezz tal-Portal Uniku dwar ix-Xogħol Furzat.

Min ser imexxi l-investigazzjonijiet?

Il-ftehim milħuq miż-żewġ koleġiżlaturi jistabbilixxi l-kriterji biex jiġi ddeterminat liema awtorità għandha tmexxi l-investigazzjonijiet. Il-Kummissjoni ser tkun qed tmexxi investigazzjonijiet barra mit-territorju tal-UE. Fejn ir-riskji jkunu fit-territorju ta' stat membru, l-awtorità kompetenti ta' dak l-istat membru ser tmexxi l-investigazzjonijiet. Jekk l-awtoritajiet kompetenti, waqt li jistmaw il-probabbiltà ta' ksur ta' dan ir-regolament, isibu informazzjoni ġdida dwar ix-xogħol furzat suspettat, għandhom jinfurmaw lill-awtorità kompetenti ta' stati membri oħra, dment li x-xogħol furzat suspettat ikun qed iseħħ fit-territorju ta' dak l-istat membru. Bl-istess mod, għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni jekk ix-xogħol furzat suspettat ikun qed iseħħ barra mill-UE.

Il-ftehim milħuq illum jiżgura li l-operaturi ekonomiċi jistgħu jinstemgħu fl-istadji kollha tal-investigazzjoni, kif xieraq. Barra minn hekk jiżgura li titqies ukoll informazzjoni rilevanti oħra.

Deċiżjonijiet finali

Id-deċiżjoni finali (jiġifieri, projbizzjoni, irtirar u rimi ta' prodott magħmul b'xogħol furzat) tittieħed mill-awtorità li mexxiet l-investigazzjoni. Id-deċiżjoni meħuda minn awtorità nazzjonali tkun tapplika fl-istati membri l-oħra kollha bil-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku.

F'każijiet ta' riskji ta' provvista ta' prodotti kritiċi magħmula b'xogħol furzat, l-awtorità kompetenti tista' tiddeċiedi li ma timponix li jintremew, u minflok tordna lill-operatur ekonomiku jżomm il-prodott sakemm ikun jista' juri li ma hemmx aktar xogħol furzat fl-operazzjonijiet jew fil-ktajjen tal-provvista rispettivi tiegħu.

Il-ftehim proviżorju jiċċara li, jekk parti mill-prodott tinstab li tkun qed tikser dan ir-regolament u din tkun tista' tinbidel, l-ordni tar-rimi tkun tapplika biss għall-parti kkonċernata. Pereżempju, jekk parti minn karozza tkun saret b'xogħol furzat, dik il-parti jkollha tintrema, iżda mhux il-karozza kollha. Il-manifattur tal-karozzi jkollu jsib fornitur ġdid għal dik il-parti jew jiżgura li hija ma ssirx b'xogħol furzat. Madankollu, jekk tadam użat biex issir zalza jiġi prodott bl-użu ta' xogħol furzat, iz-zalza kollha jkollha tintrema.

Il-passi li jmiss

Il-ftehim proviżorju milħuq mal-Parlament Ewropew issa jeħtieġ jiġi approvat u adottat formalment miż-żewġ istituzzjonijiet.

Kuntest

Madwar 27.6 miljun persuna qed jagħmlu xogħol furzat madwar id-dinja, f'bosta industriji u f'kull kontinent. Il-biċċa l-kbira tax-xogħol furzat isir fis-settur privat, waqt li ftit minnu huwa impost minn awtoritajiet pubbliċi.

Il-Kummissjoni pproponiet ir-regolament li jipprojbixxi prodotti magħmula b'xogħol furzat fl-UE fl-14 ta' Settembru 2022. Il-Kunsill adotta l-pożizzjoni ta' negozjar tiegħu fis-26 ta' Jannar 2024.

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

L-aħħar reviżjoni: 29 ta' Jannar 2025