Skip to content
  • Kunsill tal-Unjoni Ewropea
  • Dikjarazzjoni u kummenti
  • 18 ta' Lulju 2025 13:52

Theddid ibridu / Russja: Dikjarazzjoni mir-Rappreżentant Għoli f'isem l-UE li tikkundanna l-kampanji ibridi persistenti tar-Russja kontra l-UE, l-istati membri tagħha u s-sħab tagħha

L-Unjoni Ewropea tibqa' soda u inekwivoka fil-kundanna qawwija tagħha tal-attivitajiet malizzjużi persistenti mir-Russja. Dawn jiffurmaw parti minn kampanji ibridi usa', ikkoordinati u li ilhom jeżistu, li għandhom l-għan li jheddu u jimminaw is-sigurtà, ir-reżiljenza u l-pedamenti demokratiċi tal-UE, tal-istati membri tagħha u tas-sħab tagħha.

Matul dawn l-aħħar snin, osservajna xejra intenzjonata u sistematika ta' mġiba malizzjuża attribwita lir-Russja, inkluż is-servizz tal-intelligence militari tagħha, id-Direttorat Ewlieni tal-Persunal Ġenerali tal-Forzi Armati tal-Federazzjoni Russa (GRU). Ir-Russja wettqet kampanji ibridi kontra l-UE u l-istati membri tagħha għal snin sħaħ, b'attivitajiet malizzjużi li komplew jeskalaw mill-bidu tal-gwerra ta' aggressjoni kontra l-Ukrajna u li x'aktarx jippersistu fil-futur prevedibbli. Is-sena l-oħra, l-UE attribwiet iċ-ċiberattakki mmirati lejn l-istituzzjonijiet demokratiċi fil-Ġermanja u fiċ-Ċekja lill-attur ikkontrollat mir-Russja APT28. Fl-2025, Franza attribwiet lill-GRU iċ-ċiberattakki mmirati lejn il-proċess elettorali, il-media u entitajiet kritiċi pubbliċi u privati oħra. Dan juri b'mod ċar il-kontinwità tal-intenzjoni malizzjuża u jirrappreżenta nuqqas ta' rispett sfaċċat għad-dritt internazzjonali u għall-qafas tan-Nazzjonijiet Uniti ta' mġiba responsabbli tal-istat fiċ-ċiberspazju.

Madankollu, il-kampanji ibridi destabbilizzanti tar-Russja mhumiex limitati għad-dominju ċibernetiku, u jinkludu wkoll atti ta' sabotaġġ, tfixkil tal-infrastruttura kritika, attakki fiżiċi, manipulazzjoni tal-informazzjoni u interferenza, u azzjonijiet oħra moħbija jew koerċittivi. Reċentement, ir-Rumanija attribwiet attakk ibridu sofistikat li kellu impatt sinifikanti fuq il-proċess elettorali tagħha lir-Russja. Dan l-aħħar il-Ġermanja attribwiet ukoll l-attivitajiet ta' manipulazzjoni tal-informazzjoni tal-pjattaforma tal-media "RED" lir-Russja. Dan wara sanzjonijiet preċedenti tal-UE mmirati lejn l-istess entità. Dawn l-azzjonijiet mir-Russja juru mġiba intenzjonata u inaċċettabbli.

Illum, l-UE tinsab f'solidarjetà sħiħa mar-Renju Unit peress li ħabbret miżuri restrittivi ġodda b'reazzjoni għall-operazzjonijiet immexxija mill-GRU u tkompli tiddenunzja t-theddid tanġibbli li r-Russja tirrappreżenta għas-sigurtà tar-Renju Unit u s-sħab tiegħu, inkluż l-UE. L-UE diġà adottat miżuri restrittivi kontra tliet unitajiet tal-GRU (29155, 26165 u 74455) u diversi individwi marbuta mal-GRU. L-UE tafferma mill-ġdid li tali mġiba malizzjuża mhux ser iddgħajjef l-appoġġ determinat u kontinwu tagħna għall-Ukrajna. L-UE tibqa' determinata li tesponi u tiġġieled l-attivitajiet ibridi tar-Russja mmirati lejn l-UE u l-Istati Membri tagħha, u, flimkien mas-sħab internazzjonali, tappoġġa l-viċinat immedjat tagħha, b'mod partikolari l-Ukrajna u r-Repubblika tal-Moldova.

F'konformità ma' din il-pożizzjoni soda u konsistenti, l-UE ser tkompli taġixxi b'determinazzjoni permezz ta' approċċ strateġiku lejn it-theddid ibridu tar-Russja. Dan jiżgura rispons proattiv, koerenti u sostnut, inkluż permezz ta' miżuri asimmetriċi u proporzjonati f'konformità mad-dritt internazzjonali. Ser inkomplu nsaħħu r-reżiljenza tagħna, napprofondixxu l-kooperazzjoni mas-sħab internazzjonali, b'mod partikolari man-NATO b'rispett sħiħ għall-prinċipji maqbula u nagħmlu użu sħiħ mill-mezzi kollha disponibbli biex nipprevjenu, niskoraġġixxu u nirreaġixxu b'mod effettiv għall-attivitajiet ibridi tar-Russja.

L-Albanija, il-Bożnija-Ħerzegovina, il-Georgia, l-Iżlanda, il-Montenegro, il-Maċedonja ta' Fuq, in-Norveġja, ir-Repubblika tal-Moldova, is-Serbja u l-Ukrajna jallinjaw ruħhom ma' din id-dikjarazzjoni.

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

L-aħħar reviżjoni: 27 ta' Ottubru 2025