Kif l-UE tiġġieled kontra l-kriminalità ambjentali
Il-kriminalità ambjentali hija waħda mill-aktar attivitajiet kriminali organizzati li jrendu profitt fid-dinja u għandha impatt kbir mhux biss fuq l-ambjent iżda wkoll fuq is-saħħa tal-bniedem. Tħalli ħafna qligħ iżda diffiċli biex tinqabad, issir prosekuzzjoni u jingħata kastig għaliha. Dawn il-fatturi jagħmluha attraenti ħafna għall-gruppi tal-kriminalità organizzata.
L-UE ħadet azzjoni biex tiġġieled in-networks kriminali involuti fil-forom kollha ta' kriminalità ambjentali, inkluż bl-introduzzjoni ta' regoli dwar il-ġestjoni tal-iskart u dwar il-kummerċ fl-organiżmi selvaġġi u l-pjanti. L-UE qed taħdem ukoll fuq it-tisħiħ tar-regoli eżistenti dwar il-protezzjoni tal-ambjent permezz tad-dritt kriminali.
L-awtoritajiet doganali u tal-infurzar tal-liġi fil-pajjiżi kollha tal-UE, l-istituzzjonijiet, l-aġenziji u l-korpi tal-UE, kif ukoll pajjiżi u organizzazzjonijiet sħab, jaħdmu flimkien biex jikkumbattu din il-forma ta' kriminalità permezz ta' investigazzjonijiet, sekwestri u operazzjonijiet oħra tal-pulizija.
F'din l-infografika tista' ssib x'inhi l-kriminalità ambjentali u r-riżultati tal-isforzi tal-UE kontra l-kriminalità ambjentali fil-qafas tal-EMPACT, l-inizjattiva ewlenija tal-UE fil-ġlieda tagħha kontra l-kriminalità internazzjonali organizzata u serja.
Il-ġlieda tal-UE kontra l-kriminalità ambjentali
Kriminalità ambjentali:
- hija t-tielet l-akbar attività kriminali fid-dinja wara t-traffikar tad-drogi u l-falsifikazzjoni
- tikber b'rata ta' 5%-7% fis-sena
- tiġġenera $110-281 biljun ta' telf kull sena
X'inhi l-kriminalità ambjentali?
- ġbir, trasport, irkupru jew rimi mhux xieraq tal-iskart
- emissjoni jew skariku illegali ta' sustanzi fl-atmosfera, fl-ilma jew fil-ħamrija
- qtil, qerda jew pussess ta' speċijiet protetti ta' annimali jew pjanti selvaġġi jew il-kummerċ tagħhom
- kummerċ illegali ta' sustanzi li jnaqqsu l-ożonu
X'inhuma l-konsegwenzi tal-kriminalità ambjentali?
- livelli ogħla ta' tniġġis
- degradazzjoni ta' speċi selvaġġi
- tnaqqis tal-bijodiversità
- tħarbit tal-bilanċ ekoloġiku
- riskji għas-saħħa tal-bniedem
Rotot ta' traffikar tal-iskart, injam u fawna selvaġġa
- għasafar: mill-Asja u l-Amerka Latina lejn l-Ewropa (destinazzjoni UE)
- rettili: mill-Asja, l-Afrika u l-Amerka Latina lejn l-Ewropa (destinazzjoni UE)
- qrun ta' rinoċeronti: mill-Afrika jgħaddu mill-Ewropa lejn l-Asja (tranżitu UE)
- avorju: mill-Afrika jgħaddu mill-Ewropa lejn l-Asja (tranżitu UE)
- sallura: mill-Ewropa lejn l-Asja (oriġini UE)
- injam: mill-Asja lejn l-Ewropa (destinazzjoni finali UE)
- skart: mill-Ewropa lejn l-Asja u l-Afrika (oriġini UE)
Riżultati tal-operazzjonijiet tal-pulizija tal-UE 2018-2021
Sekwestri
167 452 tunnellata ta' skart - 15%-30% tal-vjeġġi tal-iskart huma maħsuba li huma illegali, u jammontaw għal €9.5 biljun fi dħul annwali mis-suq illeċitu tal-iskart fl-UE.
1 174 tunnellata ta' skart elettroniku - Tunnellata smartphones fiha 100 darba aktar deheb minn tunnellata mineral tad-deheb mhux maħdum. Skart elettroniku traffikat mill-Ewropa jiġi riċiklat manwalment u jerħi tossini qawwija.
32 007 m3 ta' injam - Qtugħ illegali tas-siġar għall-injam jipproduċi 15-30% tal-kummerċ dinji tal-injam. L-injam jintuża fil-kostruzzjoni u għal prodotti tal-injam.
355 rettilu, li jiswa €800 000 - Eluf ta' speċijiet ta' rettili madwar id-dinja huma mhedda minħabba t-traffikar. Jintużaw l-aktar fl-industrija tal-moda u bħala pets.
4.6 tunnellati ferħ ta' sallura - 350 miljun ferħ ta' sallura Ewropej, li jiswew €3 biljun, jiġu ttraffikati mill-UE kull sena. Dawn jinbiegħu l-aktar fl-Asja għall-ikel.
639 oġġett tal-avorju - Il-kaċċa illegali tal-iljunfanti żżid ir-riskju tal-estinzjoni. L-avorju jinkiseb prinċipalment fl-Afrika u jiġi ttraffikat mill-Ewropa lejn l-Asja.
Il-valur totali tas-sekwestri huwa ta' €8.3 miljun.
Arresti:
829 persuna
Aktar tagħrif:
- Il-ġlieda tal-UE kontra l-kriminalità (informazzjoni ġenerali)
- Il-Kunsill jaqbel dwar il-mandat ta' negozjar tiegħu dwar id-direttiva dwar il-kriminalità ambjentali (stqarrija għall-istampa, 9 ta' Diċembru 2022)
- Riżultati tal-ġlieda tal-UE kontra l-kriminalità ambjentali fl-2020 (infografika)
- Riżultati tal-ġlieda tal-UE kontra l-kriminalità ambjentali fl-2019 (infografika)
- Riżultati tal-ġlieda tal-UE kontra l-kriminalità, 2018-2021 (infografika)
- Kriminalità ambjentali (Europol)
- Kriminalità ambjentali (Kummissjoni Ewropea)