"Il-cookies jintużaw biex intejbu l-esperjenza ta' navigazzjoni tiegħek. Il-cookies meħtieġa huma neċessarji biex jappoġġaw karatteristiċi essenzjali tas-sit web tal-Kunsill. Il-cookies fakultattivi jgħinuna nipproduċu rapporti statistiċi anonimi u aggregati biex naqdu aħjar il-ħtiġijiet tiegħek.
Bil-permess tiegħek, ser nużaw cookies biex nipproduċu data aggregata anonima dwar in-navigazzjoni u l-imġiba tal-viżitaturi fuq is-sit web tagħna. Ser nużaw din id-data biex intejbu l-esperjenza tiegħek tan-navigazzjoni fuq is-sit web tagħna.
Fl-ewwel laqgħa fiżika tal-Kunsill Agrikoltura u Sajd minn Jannar 2020, il-ministri ddiskutew fid-dettall l-istrateġija mill-għalqa sal-platt, l-arkitettura ekoloġika tal-pakkett ta' riforma tal-politika agrikola komuni (PAK) u s-sitwazzjoni tas-suq fil-kuntest tal-kriżi tal-COVID-19.
Il-presidenza Ġermaniża ppreżentat il-programm ta' ħidma u l-prijoritajiet tagħha fil-qasam tal-agrikoltura u s-sajd: Ir-riforma tal-PAK, l-istrateġija mill-għalqa sal-platt, it-trattament xieraq tal-annimali, it-tikkettar tal-ikel, il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u l-opportunitajiet tas-sajd għall-2021 ser jiddominaw l-aġenda tal-Kunsill għas-sitt xhur li ġejjin.
Fassalna programm ambizzjuż iżda li jista' jinkiseb. Id-diskussjonijiet tal-lum urew li nistgħu naġixxu b'mod rapidu biex nipprovdu ċ-ċertezza u l-garanziji meħtieġa lill-bdiewa tagħna għas-snin li ġejjin u fl-istess ħin nissodisfaw l-ambizzjonijiet ekoloġiċi tagħna. Flimkien nistgħu nwittu t-triq għal impenji politiċi b'saħħithom dwar is-sostenibbiltà, il-protezzjoni tal-klima u s-sigurtà tal-ikel sa tmiem is-sena.
Julia Klöckner, Ministru Federali tal-Ġermanja għall-Ikel u l-Agrikoltura
Mill-għalqa sal-platt
Matul is-sessjoni ta' filgħodu, il-ministri skambjaw il-fehmiet dwar l-istrateġija mill-għalqa sal-platt, fejn iffokaw fuq modi kif tista' tiżdied is-sostenibbiltà fis-sistemi tal-ikel. Il-Kummissjoni Ewropea tenniet l-importanza li l-objettivi u l-miri tal-istrateġija mill-għalqa sal-platt jiġu inklużi fil-pjanijiet strateġiċi nazzjonali futuri tal-PAK permezz ta' rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi. B'kunsens wiesa', il-ministri appellaw għat-trasparenza, il-flessibbiltà u l-ħeffa fil-proċess biex dawn ir-rakkomandazzjonijiet jiġu ppubblikati u riflessi fil-pjanijiet strateġiċi nazzjonali ta' kull stat membru. Wara mistoqsijiet minn diversi ministri, il-Kummissjoni Ewropea ċċarat li dawn ir-rakkomandazzjonijiet mhumiex legalment vinkolanti.
Riforma tal-PAK
Il-Kunsill iddiskuta l-arkitettura ekoloġika tal-pakkett ta' riforma tal-PAK u b'mod partikolari l-possibbiltà li jkun hemm baġit minimu għall-ekoskemi (delimitazzjoni). L-ekoskemi huma element suġġerit ġdid tal-proposta tal-PAK li għandhom l-għan li joffru inċentivi lill-bdiewa biex jadottaw prattiki li ma jagħmlux ħsara lill-klima u lill-ambjent permezz ta' pagamenti diretti. Il-ministri tennew il-fehmiet tagħhom dwar in-natura volontarja jew obbligatorja tal-ekoskemi u spjegaw li l-flessibbiltà finanzjarja hija vitali biex jiġi żgurat li l-bdiewa ma jitilfux fondi li ma jintużawx (b'mod partikolari jekk tiġi introdotta d-delimitazzjoni). Il-Kunsill iddiskuta wkoll il-possibbiltà li jiġi stabbilit perċentwal minimu għall-UE kollha ta' raba' li jinħadem iddedikat għal karatteristiċi mhux produttivi, għelejjel tat-titwiq jew għelejjel li jassimilaw in-nitroġenu: xi ministri talbu għal aktar flessibbiltà filwaqt li oħrajn qablu dwar l-approċċ ta' perċentwal minimu.
Il-ministri kellhom ukoll skambju ta' fehmiet dwar is-sitwazzjoni tas-suq u l-isfidi fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19. Il-Kunsill u l-Kummissjoni Ewropea qablu li minkejja l-kriżi bla preċedent, is-settur agrikolu wera reżiljenza biex jiġu żgurati l-provvisti tal-ikel tal-Ewropa bis-saħħa tal-PAK.
Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.
L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.