Skip to content
  • Kunsill Agrikoltura u Sajd

Vidjokonferenza tal-ministri għall-agrikoltura, 8 ta' Ġunju 2020

Riżultati ewlenin

Agrikoltura

Il-ministri qasmu l-fehmiet tagħhom dwar l-istrateġija Mill-Għalqa sal-Platt u l-istrateġija għall-Bijodiversità, li ġew adottati dan l-aħħar mill-Kummissjoni Ewropea. L-għan taż-żewġ strateġiji huwa li s-sistemi tal-ikel tal-UE jsiru standard globali għas-sostenibbiltà u li tittieħed azzjoni urġenti għall-ħarsien u r-restawr tal-bijodiversità tal-Ewropa.

Marija Vučković, Ministru għall-Agrikoltura tal-Kroazja
L-istrateġiji Mill-Għalqa sal-Platt u dik għall-Bijodiversità ser jaqdu rwol kruċjali fl-implimentazzjoni tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u l-Pjan ta' Rkupru għall-Ewropa. Jeħtieġ li nivvalutaw il-kontribut potenzjali tas-setturi tal-agrikultura, is-sajd u l-forestrija biex jintlaħqu l-miri stabbiliti fiż-żewġ strateġiji. Madankollu, jeħtieġ ukoll li nagħtu attenzjoni partikolari lill-impatt fuq dawn is-setturi. Il-bdiewa, is-sajjieda u l-produtturi tal-akkwakultura tagħna jistħoqqilhom tranżizzjoni ġusta, kundizzjonijiet prevedibbli u riżorsi finanzjarji adegwati.
Marija Vučković, Ministru għall-Agrikoltura tal-Kroazja
Marija Vučković, Ministru għall-Agrikoltura tal-Kroazja

B'mod partikolari, il-ministri qasmu l-fehmiet tagħhom dwar l-isfidi u l-opportunitajiet ewlenin biex jintlaħqu l-miri tal-istrateġiji. Huma ddiskutew ukoll il-miżuri addizzjonali ssuġġeriti mill-Kummissjoni biex l-implimentazzjoni tal-politika agrikola komuni futura ssir aktar effiċjenti sabiex tgħin biex tintlaħaq l-ambizzjoni tal-Patt Ekoloġiku. Fl-aħħar nett, il-ministri ppreżentaw il-fehmiet tagħhom dwar jekk il-proposta l-ġdida għall-baġit tal-UE 2021 - 2027, inkluż l-Istrument ta' Rkupru tal-Unjoni Ewropea l-ġdid ("Next Generation EU"), hijiex imfassla b'mod adegwat biex tissodisfa l-ambizzjoni tal-istrateġija Mill-Għalqa sal-Platt u dik għall-Bijodiversità.

Il-ministri laqgħu ż-żewġ strateġiji u l-ambizzjoni li jissaħħaħ ir-rwol tal-bdiewa fil-katina tal-provvista. Huma enfasizzaw li pariġġ il-miri ambizzjużi tal-istrateġija Mill-Għalqa sal-Platt u dik għall-Bijodiversità għandu jkun hemm baġit ambizzjuż. Ħafna delegazzjonijiet esprimew it-tħassib tagħhom li fondi insuffiċjenti jistgħu jpoġġu f'riskju l-vijabbiltà finanzjarja tal-bdiewa tal-UE u enfasizzaw li l-allokazzjonijiet proposti tal-baġit tal-PAK ma kinux konformi mal-miri tal-istrateġiji.

Il-ministri esprimew tħassib li l-isforzi li saru biex jintlaħqu l-miri mfassla biex jillimitaw l-użu tal-pestiċidi u l-antibijotiċi jistgħu jnaqqsu l-kompetittività tal-bdiewa tal-UE fis-suq globali. Huma talbu wkoll lill-Kummissjoni biex tqis iċ-ċirkostanzi nazzjonali speċifiċi.

Fid-diskussjoni tagħhom, il-ministri appoġġaw l-ambizzjoni li jiġu introdotti regoli komuni dwar it-tikkettar tal-ikel. Ġiet enfasizzata wkoll l-importanza tas-settur tal-forestrija biex jintlaħqu l-miri tal-istrateġija Mill-Għalqa sal-Platt" u dik għall-Bijodiversità.

Il-ministri qablu li l-Patt Ekoloġiku Ewropew kien pass fid-direzzjoni t-tajba, iżda għarfu li kien hemm differenzi sinifikanti fil-pożizzjonijiet inizjali tal-istati membri, li kellhom jitqiesu, u li għandhom jiġu evitati approċċi uniformi. Il-ministri enfasizzaw ukoll il-ħtieġa tad-definizzjoni tal-ġbir tad-data u l-monitoraġġ tal-progress fis-setturi kollha, kif ukoll il-ħtieġa tal-użu ta' data uniformi, preċiża u kumparabbli. Fl-interventi tagħhom, huma enfasizzaw l-importanza ta' komunikazzjoni tajba mal-bdiewa li mistennija li jagħmlu l-akbar sforzi. Semmew ukoll li jeħtieġ li tinstab soluzzjoni komuni f'termini ta' appoġġ finanzjarju għall-adattament u t-tranżizzjoni tas-settur tal-produzzjoni tal-ikel kollu, mill-produzzjoni primarja sal-prodotti finali. F'dak li għandu x'jaqsam mar-rekwiżiti ta' flessibbiltà u żmien itwal għall-adattament, il-ministri qasmu l-fehmiet tagħhom dwar il-kompatibbiltà tal-proposta għall-politika agrikola komuni mar-rekwiżiti tal-Patt Ekoloġiku Ewropew.

Dokumenti tal-laqgħat

Dokumenti ta' eżitu

Tagħrif għall-istampa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa

Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.

L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.

Kompli segwina

Laqgħat oħra: Kunsill Agrikoltura u Sajd

Ara laqgħat oħrajn

L-aħħar reviżjoni: 13 ta' Jannar 2025