"Il-cookies jintużaw biex intejbu l-esperjenza ta' navigazzjoni tiegħek. Il-cookies meħtieġa huma neċessarji biex jappoġġaw karatteristiċi essenzjali tas-sit web tal-Kunsill. Il-cookies fakultattivi jgħinuna nipproduċu rapporti statistiċi anonimi u aggregati biex naqdu aħjar il-ħtiġijiet tiegħek.

Żur il-paġna tal-politika tal-cookies tagħna għal aktar informazzjoni u biex tibdel is-settings tiegħek.

български español čeština dansk Deutsch eesti Ελληνικά English français Gaeilge hrvatski italiano latviešu lietuvių magyar Malti Nederlands polski português română slovenčina slovenščina suomi svenska
Skip to content

Kunsill Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji

Kunsill Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji, 14 ta' Frar 2023

Riżultati prinċipali

Servizzi finanzjarji

Il-Presidenza ppreżentat is-sitwazzjoni attwali fir-rigward tal-proposti leġiżlattivi attwali fil-qasam tas-servizzi finanzjarji.

Konsegwenzi ekonomiċi u finanzjarji tal-aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna

Il-Kunsill kellu skambju ta' fehmiet dwar il-konsegwenzi ekonomiċi u finanzjarji tal-aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna. Il-ministri ffokaw fuq l-implimentazzjoni u l-impatt tas-sanzjonijiet adottati wara l-aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna.

Elisabeth Svantesson, Ministru għall-Finanzi tal-Iżvezja
L-appoġġ kontinwu għall-Ukrajna jibqa' l-ogħla prijorità matul il-Presidenza tagħna. Id-diskussjoni tal-lum kienet importanti biex inkomplu nimmonitorjaw is-sitwazzjoni u nibnu fuq l-azzjonijiet komuni tagħna biex niġġieldu l-aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna. Il-ministri ġew aġġornati wkoll dwar il-ħidma fuq il-possibbiltajiet li jintużaw assi Russi ffriżati biex jgħinu fil-bini mill-ġdid tal-Ukrajna. Il-Presidenza Żvediża ser tmexxi din il-ħidma 'l quddiem fil-Kunsill bħala kwistjoni ta' prijorità.
Elisabeth Svantesson, Ministru għall-Finanzi tal-Iżvezja
Elisabeth Svantesson, Ministru għall-Finanzi tal-Iżvezja

Rieżami tal-governanza ekonomika

Il-ministri qasmu l-fehmiet tagħhom dwar ir-rieżami tal-governanza ekonomika, b'segwitu għall-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-orjentazzjonijiet għal riforma tal-qafas ta' governanza tal-UE. Il-Kummissjoni ppreżentat il-komunikazzjoni tagħha għall-ewwel darba lill-ministri tal-ekonomija u l-finanzi fil-Kunsill Ecofin tas-6 ta' Diċembru 2022. Il-Kunsill Ecofin ta' Marzu ser jipprovdi opportunità oħra biex isir progress.

Fl-interventi tagħhom, il-ministri pprovdew gwida politika fir-rigward tas-suġġetti ġenerali mressqa mill-Presidenza Żvediża: kif jiġi żgurat aġġustament fiskali speċifiku għal pajjiż filwaqt li tinżamm is-sorveljanza multilaterali ankrata f'regoli fiskali u punti ta' riferiment komuni tal-UE; fehmiet dwar enfasi akbar possibbli fuq l-ippjanar fuq perjodu medju ta' żmien; ir-rwol potenzjali ta' analiżi bbażata fuq ir-riskju tal-iżviluppi tad-dejn pubbliku fl-identifikazzjoni tal-isfidi speċifiċi għal pajjiż.

Il-Presidenza kkonkludiet li kienet meħtieġa aktar ħidma sabiex jintlaħaq qbil dwar it-triq 'il quddiem.

Kellna diskussjoni twila dwar ir-rieżami tal-governanza ekonomika. Dan huwa suġġett importanti, speċjalment f'dawn iż-żminijiet ekonomiċi inċerti. Neħtieġu regoli komuni dwar il-politika ekonomika u fiskali biex jiggwidawna, issa aktar minn qatt qabel. Kulħadd jaf li l-istati membri għandhom fehmiet differenti hawnhekk, iżda aħna ma noqogħdux lura milli jkollna diskussjonijiet diffiċli. Tħadditna dwar diversi aspetti tas-sura li dan il-qafas jista' jkollu fil-futur, abbażi tal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni mis-sena l-oħra. Ħafna kienu tal-fehma li għandna nikkombinaw l-aġġustament fiskali ma' riformi u investimenti biex nindirizzaw l-isfidi fil-finanzi pubbliċi. Rajna wkoll il-benefiċċji li tittieħed perspettiva fuq terminu medju biex dawn l-isfidi jiġu indirizzati b'mod ċar u fit-tul. U ħsibna li kien importanti li jkollna sjieda nazzjonali aktar b'saħħitha filwaqt li nżommu sett b'saħħtu ta' regoli u oqfsa komuni. Għall-ġejjieni ser ikun kruċjali li jinstab il-bilanċ it-tajjeb bejn dawn it-tnejn. Elisabeth Svantesson, Ministru għall-Finanzi tal-Iżvezja

Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza

Il-Kunsill adotta deċiżjoni ta' implimentazzjoni emendatorja taħt il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza fir-rigward ta' bidliet tekniċi fil-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tal-Ġermanja.

Laqgħa tal-G20

Il-ministri approvaw it-termini ta' referenza tal-UE fid-dawl tal-laqgħa tal-G20 tal-ministri għall-finanzi u l-gvernaturi tal-banek ċentrali fl-24 u l-25 ta' Frar 2023 f'Bengaluru, l-Indja.

Tassazzjoni: lista tal-UE ta' ġuriżdizzjonijiet li ma jikkooperawx

Il-Kunsill irreveda dwar il-lista tal-UE ta' ġuriżdizzjonijiet li ma jikkooperawx għal finijiet ta' taxxa. Issa hemm 16-il ġuriżdizzjoni fil-lista tal-UE: is-Samoa Amerikana, Anguilla, il-Bahamas, il-Gżejjer Verġni Brittaniċi, il-Costa Rica, Fiġi, Guam, il-Gżejjer Marshall, Palau, il-Panama, ir-Russja, Samoa, Trinidad u Tobago, il-Gżejjer Turks u Caicos, il-Gżejjer Verġni tal-Istati Uniti u Vanuatu.

Illum, iddeċidejna li nżidu erba' ġuriżdizzjonijiet mal-lista tal-UE ta' ġuriżdizzjonijiet li ma jikkooperawx għal finijiet ta' taxxa: il-Gżejjer Verġni Brittaniċi, il-Costa Rica, il-Gżejjer Marshall u r-Russja. Nitolbu lill-pajjiżi kollha elenkati biex itejbu l-qafas legali tagħhom u biex jaħdmu lejn il-konformità mal-istandards internazzjonali fit-tassazzjoni. Fl-istess ħin nifraħ bil-qalb lill-Maċedonja ta' Fuq, il-Barbados, il-Ġamajka u l-Urugwaj peress li ssodisfaw b'suċċess l-impenji tagħhom u setgħu jitneħħew mid-dokument dwar is-sitwazzjoni attwali. Elisabeth Svantesson, Ministru għall-Finanzi tal-Iżvezja

Żimbabwe

Mingħajr diskussjoni, il-Kunsill iddeċieda li jġedded il-miżuri restrittivi tal-UE fid-dawl tas-sitwazzjoni fiż-Żimbabwe sal-20 ta' Frar 2024, u li jżomm il-miżuri taħt rieżami kostanti fid-dawl tal-iżviluppi politiċi u ta' sigurtà fil-pajjiż.

Il-Kunsill adotta wkoll, mingħajr diskussjoni, il-punti li jidhru fil-lista ta' punti A mhux leġiżlattivi.

Dokumenti tal-laqgħat

Stqarrijiet għall-istampa

Tagħrif għall-istampa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa

Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.

L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.

Kompli segwina

Laqgħat oħra: Kunsill Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji

Ara laqgħat oħrajn

L-aħħar reviżjoni: 9 ta' Jannar 2025