Skip to content
  • Kunsill Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji

Kunsill Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji, 16 ta' Mejju 2023

Riżultati ewlenin

Tassazzjoni

Il-Kunsill qabel dwar il-pożizzjoni tiegħu (approċċ ġenerali) rigward id-direttiva "DAC8" dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni. L-emendi jikkonċernaw l-aktar ir-rappurtar u l-iskambju awtomatiku ta' informazzjoni dwar kriptoassi u deċiżjonijiet tat-taxxa bil-quddiem għall-aktar individwi sinjuri. L-għan huwa li jissaħħaħ il-qafas leġiżlattiv eżistenti billi jitwessa' l-kamp ta' applikazzjoni għar-reġistrazzjoni u l-obbligi ta' rappurtar u l-kooperazzjoni amministrattiva ġenerali tal-amministrazzjonijiet tat-taxxa.

Elisabeth Svantesson, Ministru għall-Finanzi tal-Iżvezja
Illum qed insaħħu r-regoli għall-kooperazzjoni amministrattiva u qed nagħlqu l-lakuni li qabel intużaw biex tiġi evitata t-tassazzjoni tal-introjtu. Dan inaqqas ir-riskju li l-kriptoassi jintużaw bħala refuġju sikur għall-evitar tat-taxxa u l-frodi tat-taxxa. Il-qbil huwa eżempju ieħor tal-UE bħala mexxejja fl-implimentazzjoni tal-istandards globali.
Elisabeth Svantesson, Ministru għall-Finanzi tal-Iżvezja
Elisabeth Svantesson, Ministru għall-Finanzi tal-Iżvezja

Servizzi finanzjarji

Il-Presidenza ppreżentat is-sitwazzjoni attwali tal-proposti leġiżlattivi fil-qasam tas-servizzi finanzjarji.

Il-Kunsill adotta wkoll ir-regolament dwar is-swieq fil-kriptoassi (MiCA) kif ukoll wieħed mir-regolamenti tal-pakkett legiżlattiv dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus. Dan tal-aħħar ser itejjeb id-disponibbiltà tal-informazzjoni dwar it-trasferimenti tal-kriptoassi u jagħmilha aktar diffiċli li l-kriptoassi jintużaw ħażin għal finijiet ta' ħasil tal-flus.

Ninsab kuntenta ħafna li llum qed inwettqu l-wegħda tagħna li nibdew nirregolaw is-settur tal-kriptoassi. Il-ġrajjiet ta' dan l-aħħar ikkonfermaw il-ħtieġa urġenti li jiġu imposti regoli li ser jipproteġu aħjar l-Ewropej li investew f'dawn l-assi, u jiġi evitat l-użu ħażin tal-kriptoindustrija għall-finijiet ta' ħasil tal-flus u finanzjament tat-terroriżmu. Elisabeth Svantesson, Ministru għall-Finanzi tal-Iżvezja
L-UE qed tagħmilha aktar diffiċli biex jintużaw b'mod ħażin il-kriptoassi għal finijiet ta' ħasil tal-flus

Impatt ekonomiku u finanzjarju tal-aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna

Il-Kunsill evalwa l-impatt ekonomiku u finanzjarju tal-gwerra tar-Russja kontra l-Ukrajna, b'enfasi partikolari fuq kwistjonijiet relatati mad-dwana. Il-Kummissjoni aġġornat lill-ministri dwar l-implimentazzjoni ta' sanzjonijiet kontra r-Russja, b'enfasi fuq iċ-ċirkomvenzjoni possibbli ta' miżuri restrittivi fuq l-esportazzjoni u l-importazzjoni ta' merkanzija minn perspettiva doganali.

Irkupru ekonomiku fl-Ewropa

Fir-rigward tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (RRF), il-Kummissjoni aġġornat lill-ministri dwar is-sitwazzjoni attwali tal-implimentazzjoni tagħha u l-ministri kellhom l-opportunità li jaqsmu l-fehmiet tagħhom, inkluż fir-rigward tad-domanda għal self mill-RRF u l-esperjenzi mal-istruttura tal-RRF bbażata fuq il-prestazzjoni.

Laqgħat internazzjonali

Il-Presidenza u l-Kummissjoni infurmaw lill-Kunsill dwar l-eżiti ewlenin tal-laqgħa tal-G20 tal-ministri għall-finanzi u l-gvernaturi tal-banek ċentrali u l-laqgħat tar-rebbiegħa tal-FMI li saru bejn l-10 u s-16 ta' April 2023.

Semestru Ewropew: Politika ekonomika taż-żona tal-euro

Mingħajr diskussjoni, il-Kunsill adotta r-rakkomandazzjoni tiegħu dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro. Fis-17 ta' Jannar 2023, il-Kunsill kien approva t-test, soġġett għar-reviżjoni mill-ġuristi lingwisti, u l-Kunsill Ewropew kien approvah fil-laqgħa tiegħu tat-23 u l-24 ta' Marzu 2023.

Baġit tal-UE

Bħala punti mingħajr diskussjoni, il-Kunsill adotta l-pożizzjoni tiegħu dwar l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 1/2023 li jikkonċerna aġġustamenti tekniċi, inkluż dwar REPowerEU, CBAM u l-programm USC, u approva t-trasferiment baġitarju Nru DEC 07/2023. Filwaqt li mexxa 'l quddiem il-ħidma fuq il-baġit annwali tal-UE għall-2024, huwa approva dikjarazzjoni konġunta dwar id-dati għall-proċedura baġitarja u l-modalitajiet għall-funzjonament tal-Kumitat ta' Konċiljazzjoni fl-2023.

Deforestazzjoni

Il-Kunsill adotta wkoll regolament li għandu l-għan li jimminimizza r-riskju ta' deforestazzjoni u degradazzjoni tal-foresti assoċjati ma' prodotti li jitqiegħdu, jiġu importati fis-suq tal-UE jew esportati minnu. L-UE hija konsumatur u negozjant kbir ta' komoditajiet bħaż-żejt tal-palm, l-ifrat, l-injam, il-kafè, il-kawkaw, il-gomma u s-sojja u prodotti derivati minnhom, bħaċ-ċikkulata, il-prodotti tal-kura personali u l-għamara tal-injam. Ir-regoli l-ġodda għandhom l-għan li jiżguraw li l-konsum u l-kummerċ ta' dawn il-komoditajiet u l-prodotti fis-suq tal-UE ma jikkontribwixxux għad-deforestazzjoni u għal aktar degradazzjoni tal-ekosistemi tal-foresti.

Djalogu ekonomiku u finanzjarju bejn l-UE u l-Balkani tal-Punent u t-Turkija

Fil-marġini tal-Ecofin, rappreżentanti tal-istati membri tal-UE, il-Balkani tal-Punent u t-Turkija, il-Kummissjoni Ewropea u l-Bank Ċentrali Ewropew, kif ukoll rappreżentanti tal-banek ċentrali tal-Balkani tal-Punent u t-Turkija ltaqgħu għad-djalogu annwali tagħhom dwar il-politika ekonomika. Id-djalogu għandu l-għan li jħejji l-parteċipazzjoni futura fis-Semestru Ewropew tal-Balkani tal-Punent u t-Turkija (il-Montenegro, ir-Repubblika tas-Serbja, il-Maċedonja ta' Fuq, ir-Repubblika tal-Albanija, il-Bożnija-Ħerzegovina, u r-Repubblika tat-Turkija huma pajjiżi kandidati għall-adeżjoni mal-UE, filwaqt li l-Kosovo* huwa kandidat potenzjali).

Il-parteċipanti approvaw konklużjonijiet konġunti li fihom enfasizzaw l-interess komuni tagħhom li jiddefinixxu risponsi politiċi xierqa għal xokkijiet negattivi reċenti inkluż l-impatt ekonomiku tal-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna. Il-parteċipanti enfasizzaw il-pożizzjoni komuni tal-UE u l-Balkani tal-Punent u t-Turkija fejn jiddeploraw bl-aktar mod qawwi l-aggressjoni militari kontinwa mill-Federazzjoni Russa kontra l-Ukrajna.

* Dan l-isem huwa mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet dwar l-istatus, u huwa konformi mal-UNSCR 1244/1999 u l-Opinjoni tal-QIĠ dwar id-dikjarazzjoni tal-indipendenza tal-Kosovo.

Il-Kunsill adotta wkoll mingħajr diskussjoni l-punti li jidhru fil-listi ta' punti A leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi.

Dokumenti tal-laqgħat

Stqarrijiet għall-istampa

Tagħrif għall-istampa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa

Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.

L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.

Kompli segwina

Laqgħat oħra: Kunsill Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji

Ara laqgħat oħrajn

L-aħħar reviżjoni: 9 ta' Jannar 2025