"Il-cookies jintużaw biex intejbu l-esperjenza ta' navigazzjoni tiegħek. Il-cookies meħtieġa huma neċessarji biex jappoġġaw karatteristiċi essenzjali tas-sit web tal-Kunsill. Il-cookies fakultattivi jgħinuna nipproduċu rapporti statistiċi anonimi u aggregati biex naqdu aħjar il-ħtiġijiet tiegħek.

Żur il-paġna tal-politika tal-cookies tagħna għal aktar informazzjoni u biex tibdel is-settings tiegħek.

български español čeština dansk Deutsch eesti Ελληνικά English français Gaeilge hrvatski italiano latviešu lietuvių magyar Malti Nederlands polski português română slovenčina slovenščina suomi svenska
Skip to content

Kunsill Impjiegi, Politika Soċjali, Saħħa u Affarijiet tal-Konsumatur

Kunsill Impjiegi, Politika Soċjali, Saħħa u Affarijiet tal-Konsumatur (Saħħa), 30 ta' Novembru 2023

Riżultati ewlenin

Awtonomija strateġika miftuħa (saħħa)

Il-ministri kellhom skambju pubbliku ta' fehmiet dwar it-titjib tal-awtonomija strateġika miftuħa tal-UE fil-qasam tas-saħħa.

Ħafna ministri esprimew appoġġ għal diskussjoni dwar l-awtonomija strateġika miftuħa tal-UE fil-qasam tas-saħħa u għal aktar kooperazzjoni tal-UE biex tiġi żgurata s-sigurtà tal-provvista.

Huma laqgħu l-komunikazzjoni reċenti tal-Kummissjoni bl-isem Nindirizzaw in-nuqqasijiet ta' mediċini fl-UE, u speċjalment li jkun hemm lista tal-Unjoni ta' mediċini kritiċi u Alleanza tal-Mediċini Kritiċi.

Il-ministri rriflettew fuq l-impatt li l-miżuri li jittieħdu fl-immedjat u għat-tul, imħabbra f'inizjattivi reċenti, għandhom fuq n-nuqqas tal-mediċini. Il-ministri għas-saħħa qasmu l-esperjenzi tagħhom f'dan il-qasam fil-livell nazzjonali u l-fehmiet tagħhom dwar miżuri possibbli li jippromwovu l-awtonomija strateġika tas-saħħa fuq livell tal-UE.

Barra dan, id-direttur eżekuttiv tal-Aġenzija Ewropea tal-Mediċini, Emer Cooke, ipprovdiet lill-ministri għas-saħħa bil-perspettiva tal-Aġenzija u b'informazzjoni dwar l-attivitajiet rilevanti tagħha.

Is-saħħa mentali

Il-ministri adottaw konklużjonijiet dwar is-saħħa mentali: huma kkunsidraw miżuri konkreti li għandhom jittieħdu għall-prevenzjoni u l-kura ta' problemi tas-saħħa mentali fuq diversi livelli, setturi u etajiet. It-titjib tas-saħħa mentali huwa essenzjali għall-individwu, is-soċjetà u l-ekonomija; il-konklużjonijiet jiffukaw fuq il-prijoritizzazzjoni tas-saħħa mentali fil-livell nazzjonali, permezz ta' pjanijiet ta' azzjoni jew strateġiji u kooperazzjoni fost l-istati membri u mal-Kummissjoni.

Fil-konklużjonijiet tiegħu, il-Kunsill jenfasizza l-importanza li jiġu indirizzati s-saħħa u l-benesseri mentali f'kuntesti differenti matul il-ħajja, li huwa ta' benefiċċju kemm għall-individwi kif ukoll għas-soċjetajiet. Jirrikonoxxi ir-rwol pożittiv tal-komunitajiet, l-iskola, l-isport u l-kultura fit-tisħiħ tas-saħħa mentali u l-benesseri mentali tul il-ħajja.

Mónica García Gómez, Ministru għas-Saħħa ta' Spanja
Bħalma tafu, qed ngħixu fi żmien ta' polikriżi b'effetti severi fuq is-saħħa mentali tal-Ewropej. Il-pandemija tal-COVID-19, il-konsegwenzi tal-aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna u l-kriżi klimatika huma biss ftit mix-xokkijiet li wasslu biex il-livelli diġà baxxi ta' saħħa mentali jmorru għall-agħar. It-titjib tas-saħħa mentali huwa essenzjali għas-soċjetà u l-ekonomija. Ninsab kuntenta ħafna li, fil-konklużjonijiet li approvajna llum, ilħaqna kunsens dwar kwistjonijiet kruċjali bħall-ħtieġa li jittieħed approċċ trasversali għas-saħħa mentali li jkopri l-politiki kollha u jirrikonoxxi l-kawżi soċjali, ambjentali u ekonomiċi tas-saħħa mentali.
Mónica García Gómez, Ministru għas-Saħħa ta' Spanja
Mónica García Gómez, Ministru għas-Saħħa ta' Spanja

Il-konklużjonijiet jistiednu lill-istati membri jelaboraw pjanijiet ta' azzjoni jew strateġiji b'approċċ transettorjali għas-saħħa mentali, li ma jindirizzax biss is-saħħa, iżda wkoll ix-xogħol, l-edukazzjoni, id-diġitalizzazzjoni u l-intelliġenza artifiċjali, l-ambjent u l-fatturi klimatiċi, fost affarijiet oħra.

Fajls leġiżlattivi li għaddejjin bħalissa marbuta mas-saħħa

Il-Presidenza Spanjola aġġornat lill-ministri dwar il-fajls leġiżlattivi li għaddejjin bħalissa u s-sitwazzjoni attwali tagħhom, bħar-regolament dwar it-tariffi tal-EMA (li għandu jiġi adottat formalment dalwaqt), ir-regolament dwar is-sustanzi ta' oriġini umana, ir-regolament dwar l-Ispazju Ewropew tad-Data dwar is-Saħħa u l-pakkett farmaċewtiku.

Trattat internazzjonali dwar il-pandemiji

Il-presidenza u l-Kummissjoni taw informazzjoni dwar in-negozjati li għaddejjin fir-rigward tal-ftehim internazzjonali dwar il-pandemiji.

Matul il-presidenza Spanjola, l-istati membri ltaqgħu diversi drabi fil-livell ta' esperti u kellhom diskussjonijiet strateġiċi dwar l-għanijiet u l-prijoritajiet tal-UE u dwar ir-rwol tal-UE fin-negozjati.

Il-Kummissjoni infurmat lill-ministri dwar l-aħħar test fin-negozjati li ġie ċċirkolat fis-16 ta' Ottubru 2023 mill-korp stabbilit mill-Assemblea Dinjija tas-Saħħa biex jabbozza u jinnegozja l-ftehim internazzjonali dwar il-pandemija. Waqt li t-test huwa aħjar mit-testi ta' qabel, l-UE għadha mħassba dwar xi dispożizzjonijiet, bħal pereżempju dawk dwar il-prevenzjoni u l-istat ta' tħejjija wara il-pandemija tal-COVID-19 u abbażi tat-tagħlimiet meħuda.

L-Unjoni Ewropea żżomm l-impenn tagħha għal dawn in-negozjati u lesta tkompli tiddiskuti b'mod kostruttiv.

Illustrazzjoni: lejn trattat internazzjonali dwar il-pandemiji. Ħaddiema liebsa maskra u tifla qed tħares ġo teleskopju, bi globu warajhom.

Il-ftehim dinji dwar il-pandemiji fil-qosor (Infografika)

Kwistjonijiet oħra

Diversi delegazzjonijiet ippreżentaw informazzjoni dwar diversi suġġetti.

Il-Presidenza Spanjola pprovdiet ħarsa ġenerali lejn il-konferenzi u l-avvenimenti organizzati matul il-mandat tagħha. F'sessjoni mhux pubblika, il-presidenza Belġjana li jmiss infurmat lill-ministri dwar il-programm ta' ħidma tagħha fil-qasam tas-saħħa.

Fl-aħħar nett, waqt l-ikla ta' nofsinhar, il-ministri għas-saħħa ddiskutew approċċ komprensiv biex tiġi indirizzata l-obeżità tat-tfal madwar l-Ewropa.

Il-Kunsill adotta wkoll mingħajr diskussjoni l-punti li jidhru fil-lista ta' punti A mhux leġiżlattivi.

Dokumenti tal-laqgħat

Stqarrijiet għall-istampa

Tagħrif għall-istampa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa

Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.

L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.

Kompli segwina

Laqgħat oħra: Kunsill Impjiegi, Politika Soċjali, Saħħa u Affarijiet tal-Konsumatur

Ara laqgħat oħrajn

L-aħħar reviżjoni: 9 ta' Jannar 2025